Lezzjoni II: San Ewsebju ta’ Vercelli

2 ta’ Awwissu. S. EWSEBJU TA’ VERCELLI, ISQOF

Tifkira

Twieled f’Sardinja għall-bidu tas-seklu 4, daħal kjeriku Ruma, u sar l-ewwel isqof ta’ Vercelli fis-sena 345. Xerred ir-reliġjon bil-predikazzjoni tiegħu u daħħal il-ħajja monastika fid-djoċesi fdata fidejh. Minħabba l-fidi kien eżiljat mill-imperatur Kustanz u bata ħafna. Meta reġa’ lura mill-eżilju, ħadem bis-sħiħ kontra l-Arjani biex iġedded il-fidi. Miet f’Vercelli fis-sena 371.

Fl-Uffiċċju tal-qari

LEZZJONI II

Qari mill-Ittri ta’ San Ewsebju, isqof ta’ Vercelli.

Temmejt il-ġirja, ħarist il-fidi

Sirt naf, ħuti għeżież, li intom ilkoll qawwijin u sħaħ, kif xtaqtkom jien. F’daqqa waħda ġrali bħal Ħabakkuk, li l-anġlu ħadu sa ħdejn Danjel, għax stħajjilt li dan il-bogħod li hawn bejnietna spiċċa għalkollox, u ħassejtni ħdejkom. Kull darba li nieħdu l-ittri tagħkom, jien u naqrahom inkun donni naqra fihom il-qdusija u l-imħabba tagħkom, u naqbad nibki bil-ferħ, għajnejja jimtlew bid-dmugħ u ma nkunx nista’ nkompli naqra, minkejja l-ħerqa li jkolli. U sew il-ferħ sew il-biki, it-tnejn meħtieġa, biex il-wieħed itaffi x-xewqa ta’ l-ieħor u jfittxu li jgħinu ‘l xulxin f’dan id-dmir ta’ mħabba. U hekk kuljum kont nistħajjel li qiegħed medhi fostkom nitkellem magħkom, u ninsa t-taħbit ta’ l-imgħoddi. U jien u naħseb fikom, kollox kien jimlieni bil-ferħ, meta niftakar li intom sħaħ fil-fidi, jew li għandkom imħabba bħal din, jew li qegħdin tiġbru daqshekk frott. Dawn il-ħsibijiet kienu jkunu ta’ ħafna ġid kbir għalija, għax b’hekk kont malajr nistħajjel li ninsab fostkom, mhux eżiljat kif jien.

Għalhekk, ħuti għeżież, nifraħ għall-fidi tagħkom, nifraħ għas-salvazzjoni li tiġi mill-fidi, nifraħ għall-frott li tqassmu mhux biss lil min hu madwarkom iżda wkoll lil min hu bgħid minnkom. Kif il-bidwi jieħu ħsieb siġra tajba, u ma jkunx irid iqaċċatha jew jaħraqha għax tagħmillu l-frott, hekk aħna minħabba l-frott ta’ qdusitkom mhux biss irridu u nixtiequ naqdukom f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħtiġijiet tal-ġisem imma wkoll nagħtu lilna nfusna għas-salvazzjoni tagħkom.

Għamilna kemm stajna biex b’xi mod niktbulkom din l-ittra, imma l-ħin kollu nitolbu ‘l Alla biex għal xi ħin iżomm lill-għassiesa u ma jħħallihomx jiġu ‘l hawn, u biex jagħtina l-grazzja li d-djaknu jwasslilkom din l-ittra b’xi tislijiet tagħna, aħjar milli jagħtikom biss l-aħbar ta’ tbatijietna. Għalhekk biżżejjed nitlobkom biex tishru ħafna u tħarsu l-fidi tagħkom, tkunu qalb waħda bejnietkom, tedhew fit-talb, u qatt ma tieqfu tiftakru fina, biex Alla jogħobu jeħles lill-Knisja tiegħu mit-taħbit li tinsab fih kullimkien, u biex aħna nistgħu neħilsu mid-dwejjaq tagħna u niġu nifirħu magħkom.

Hekk ukoll nixtieqkom u nitlobkom, għall-ħniena ta’ Alla, li kull wieħed minnkom permezz ta’ din l-ittra jilqa’ t-tislija tiegħi għalih, għax ninsab magħfus u ma stajtx nikteb lil kull wieħed minnkom bħas-soltu. Għalhekk nitlobkom ilkoll kemm intom, ħuti u wliedi, irġiel u nisa, kbar u żgħar, biex tikkuntentaw ruħkom b’din it-tislija tagħna għal kulħadd, u, jekk jogħġobkom, sellu wkoll għal dawk li minn qalbhom iħobbuna għalkemm m’humiex magħna.

RESPONSORJU

1. Żommu ġenbejkom imħażżmin u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula. *Kunu bħal nies li qegħdin jistennew lil Sidhom lura mill-festa tat-tieġ.

2. Ishru mela, għax ma tafux il-jum li fih jiġi Sidkom. *Kunu bħal nies li qegħdin jistennew lil Sidhom lura mill-festa tat-tieġ.

Talba

Agħtina l-grazzja, Mulej Alla tagħna, li nistqarru bis-sħiħ li Ibnek huwa Alla, kif xandar b’qawwa kbira l-isqof San Ewsebju, u agħmel li nħarsu l-fidi kif hu għallimhielna, biex ikollna sehem fil-ħajja ta’ l-istess Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla.