79. Il-valur tar-rażan qiegħed fl-imħabba

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  21/04/1982.

1. Inkomplu bir-riflessjoni dwar il-kliem ta’ Kristu, relattiv għar-rażan “għas-Saltna tas-Smewwiet”.

Mhux possibbli nifhmu għal kollox is-sinifikat u l-karattru tar-rażan, jekk l-aħħar frażi tal-espressjoni ta’ Kristu, “għas-Saltna tas-Smewwiet” (Mt 19, 12), ma tiġix mimlija bil-kontenut tagħha adegwat, konkret u oġġettiv. Għidna, qabel, li din il-frażi tesprimi l-mottiv, jew aħjar temfasizza f’ċertu sens il-finalità soġġettiva tas-sejħa ta’ Kristu għar-rażan. Madankollu, l-espressjoni fiha nfisha għandha karattru oġġettiv, fil-fatt tindika realtà oġġettiva, għal-liema persuni singoli, irgiel jew nisa, jistgħu “jagħmlu lilhom infushom” ewnuki (kif jgħid Kristu). Ir-realtà tas-“Saltna” fl-espressjoni ta’ Kristu skont Mattew (cf. Mt 19, 11-12) hija definita b’mod preċiż u fl-istess ħin ġenerali, jiġifieri tali li wieħed jistà jifhem d-determinazzjonijiet kollha u s-sinifikati partikolari li huma propji tagħha.

2. Is-“Saltna tas-Smewwiet” tfisser “is-Saltna ta’ Alla”, li Kridtu kien jippriedkafit-twettiq tiegħu finali, jiġifieri eskatoloġiku. Kristu kien jippriedka din is-Saltna fit-twettiq tagħha jew fl-istawrazzjoni temporali, u fl-istess ħin kien iħabbarha bil-quddiem fit-twettiq eskatoloġiku tagħha. L-istawrazzjoni temporali tas-Saltna ta’ Alla hija fl-istess ħin l-inawgurazzjoni tagħha u l-preparazzjoni għat-twettiq definittiv.  Kristu jsejjaħ għal  din is-saltna, u f’ċertu sens, jistedinna lkoll (cf. il-parabbola tal-festa tat-tieġ: Mt 22, 1-14). Jekk isejjaħ xi wħud għar-rażan “għas-Saltna tas-Smewwiet, mill-kontenut ta’ dik l-espressjoni jirriżulta li hu jsejħilhom biex jieħdu sehem b’mod singolari għall-istawrazzjoni tas-saltna ta’ Alla fuq l-art, grazzi għal-liema tibda u titħejja l-fażi definittiva tas-“Saltna tas-Smewwiet”.

3. F’tali sens għidna li dik is-sejħa twassal fiha nfisha is-sinjal partikolari tad-dinamiżmu propju tal-misteru tal-fidwa tal-ġisem. Hekk, mela, fir-rażan għas-Saltna ta’ Alla tiġi emfasizzata, kif diġa semmejna, iċ-ċaħda tiegħu nnifsu ta’ dak li jkun, l-irfigħ tas-salib tiegħu kuljum u s-segwitu ta’ Kristu r (cf. Lc 9, 23), li jistà jasal li jfisser iċ-ċaħda għaż-żwieġ u għal familja propja. Dan kollu joħroġ mill-konvinzjoni li, b’dan il-mod, huwa possibbli li wieħed jikkontrobwixxi b’mod ikbar għat-twettiq tas-Saltna ta’ Alla fid-dimensjoni terrena tagħha bil-prospettiva tat-twettiq eskatoloġiku. Kristu fl-espressjoni tiegħu skont Mattew (cf. Mt 19, 11-12), jgħid, b’mod ġeneriku, li ċ-ċaħda voluntarja għaż-żwieġ għandha din il-finalità, imma ma jispeċifikax tali asserzjoni. Fl-ewwel espressjoni tiegħu dwar din it-tema, huwa  jerġa jippreċiża għal-liema dmirijiet konkreti huwa meħtieġ jew inkella indispensabbli tali rażan voluntarju, fit-twettiq tas-saltna ta’ Alla fuq din l-art u fit-tħejjija tat-twettiq futur. Xi ħaġa iktar dwar dan il-għan nisimgħu mingħand Pawlu ta’ Tarsu  (cf. 1 Kor passim) u l-kumplament ikun komplut mill-ħajja tal-Knisja fl-iżvolġiment storiku tagħha, imwassal mill-kurrent tat-Tradizzjoni awtentika.

4. Fl-espressjoni ta’ Kristu dwar ir-rażan “għas-Saltna tas-Smewwiet” ma nsibu ebda ndikazzjoni iktar dettaljata ta’ kif tifhem dik l-istess “saltna” – kemm in kwantu għat-twettieq tagħha terren, kif ukoll in kwantu għat-twettieq definittiv tagħha – fir-rejalizzazzjoni speċifika u “eċcezzjonali” tagħha ma’ dawk li għaliha voluntarjament “isiru” “ewnuki”.

Lanqas tgħid li permezz ta’ liema aspett partikolari tar-realtà li tikkostitwixxi s-saltna, jiġu magħha assoċjati dawk li liberament irrendew ruħhom “ewnuki”. Huwa magħruf, infatti, li s-Saltna tas-Smewwiet hija għal kulħadd; huma assoċjati magħha fuq l-art (u fis-sema) ukoll dawk li “jieħdu mara u jieħdu raġel”. Għal kulħadd hija l-“vinja tal-Mulej”, li fiha hawn, fuq l-art, iridu jaħdmu; u hija, wara, d-“dar tal-Missier”, li fiha rridu nsibu ruħna fl-eternità. Xinhi, mela, dik is-Saltna għal dawk li in konsiderazzjoni tagħha jagħżlu r-rażan voluntarju?

5. Għal dawn il-mistoqsijiet ma nsibu għalissa fl-espressjoni ta’ Kristu, irrakkuntata minn Mattew (cf. Mt 19, 11-12), ebda risposta. Donnu li dan jikkorrispondi mal-karattru tal-espressjoni kollha. Kristu jwieġeb lid-dixxipli tiegħu, b’mod li ma jibqax fuq listess livell mal-ħsieb tagħhom u mal-valutazzjoni tagħhom, li fiha jinħeba, almenu b’mod indirett, atteġġjament utilaristiku fir-rigward taż-żwieġ (“Jekk din hija l-kondizzjoni ma jaqbilx li wieħed jiżżewweġ”: Mt 19, 10). L-Imgħallen jinqatà b’mod espliċitu minn tali mpostazzjoni tal-problema, u għalhekk, waqt li jitkellem dwar ir-rażan “għas-Saltna tas-Smewwiet”, ma jindikax għaliex ikun jaqbel li, b’dan il-mod, wieħed jirrinunzja għaż-żwieġ, sabiex dik il-“jaqbel” ma tinstemax għal widnejn id-dixxipli b’xi nota utilaristika. Jgħid biss li tali rażan huwa xi minn daqqiet mitlub, jekk mhux indispensabbli, għas-saltna ta’ Alla. U b’dan jindika li huwa jikkostitwixxi, fis-Saltna li Kristu jippriedka u li għal-liema jsejjaħ, valur partikolari fih innifsu.  Dawk li jagħżluh b’mod volontarju iridu jagħżluh b’rispett għal dak il-valur tiegħu, u mhux b’konsegwenza ta’ kwalunkwè kalkolu ieħor.

6. Dan it-ton essenzjali tat-tweġiba ta’ Kristu, li tirreferi b’mod dirett għall-istess rażan “għas-Saltna tas-Smewwiet”, jistà jkun  riferut, b’mod indirett, ukoll għall-problema preċedenti taż-żwieġ (cf. Mt 19, 3-9). Waqt li nieħdu in konsiderazzjoni l-espressjoni kollha f’daqqa (cf. Mt 19, 3-11), skont l-intenzjoni fondamentali ta’ Kristu, it-tweġiba tkun din li ġejja: jekk xi ħadd jagħżel iż-żwieġ, irid jagħżlu hekk kif kien istitwit mill-Ħallieq “sa mill-bidu”, għandu jfittex fih dawk il-valuri li jikkorrispondu mal-pjan ta’ Alla; jekk għall-kuntrarju, xi ħadd jiddeċiedi li jsegwi r-rażan għas-Saltna tas-Smewwiet, irid ifittex il-valuri propji ta’ tali vokazzjoni. F’termini oħra: irid jaġixxi b’mod konformi mal-vokazzjoni magħżula.

7. Is-Saltna tas-Smewwiet hija bla dubju it-twettiq definittiv tal-aspirazzjonijiet tal-bnedmin kollha, li lejhom Kristu jindirizza l-messaġġ tiegħu: hija l-milja tat-tajjeb, li l-qalb umana tixtieq ‘il hemm mil-limiti ta’ dak kollu li jistà jkun sehmu fil-ħajja terrena, hija l-milja massima tal-ġustifikazzjoni għall-bniedem min-naħa ta’ Alla. Fid-djalogu mas-Saduċej (cf. Mt22, 24-30; Mk 12, 18-27; Lq 20, 27-40), li preċedentement analiżżajna, insibu partikolari oħrajn dwar dik “is-Saltna”, jew aħjar dwar “id-dinja l-oħra”. Ferm iktar milli hemm fit-Testment il-Ġdid kollu. Madankollu jidher li biex niċċaraw x’inhi s-Saltna tas-Smewwiet għal dawk li minħabba fiha jagħżlu r-rażan volontarju, għandha sinifikat partikolari ir-rivelazzjoni tar-rapport sponsali ta’ Kristu mal-Knisja: fost it-testi l-oħra, mela, huwa deċiżiv dak tal-ittra lill-Efesin 5, 25 ss., fuq liema jkun aħjar li nibbażaw speċjalment, meta nieħdu in konsiderazzjoni il-problema tas-sagrimentalità taż-żwieġ.

Dak it-test huwa ugwalment validu kemm għat-tejoloġija taż-żwieġ kif ukoll għat-tejoloġija tar-rażan “għas-Saltna”, jiġifieri t-tejoloġija tal-verġinità u taċ-ċelibat. Donnu li propju f’dak it-test insibu kważi konkretizzat dak li Kristu kien qal lid-dixxipli tiegħu, waqt li stedinhom għar-rażan voluntarju “għas-Saltna tas-Smewwiet”. 

8.F’din l-analiżi diġa kien enfasizzat biżżejjed li l-kliem ta’ Kristu – bil-konċiżjoni kbira kollha tiegħu – huwa fundamentali, mimli kontenut essenzjali u barra minn hekk ikkaraterizzat minn ċerta severità. Mhemmx dubju li Kristu ppronunzja s-sejħa tiegħu għar-rażan fil-prospettiva tad-“dinja l-oħra”, imma f’din is-sejħa jaċċentwa fuq kollox dak li fih jesprimi r-realiżmu temporali tad-deċiżjoni għal tali rażan, deċiżjoni marbuta mar-rieda ta’ parteċipazzjoni fl-opra feddejja ta’ Kristu.

Hekk mela, fid-dawl tal-kliem rispettiv ta’ Kristu rrakkuntat minn Mattew (cf. Mt 19, 11-12), joħorġu fuq kollox il-profondità u s-serjetà tad-deċiżjoni tal-għixien fir-rażan “għas-Saltna tas-Smewwiet”, u jsib espressjoni l-waqt taċ-ċaħda li tali deċiżjoni timplika.

Bla dubju ta’ xejn, permezz ta’ dan kollu, permezz tal-profondità u s-serjetà tad-deċiżjoni, permezz tas-severità u r-responsabiltà li dan jinħtieġ, tiddi u tixgħel l-imħabba: l-imħabba bħala disponabiltà tad-don esklussiv tagħha għas-“Saltna ta’ Alla”. Madankollu fil-kliem ta’ Kristu tali mħabba donnha tiċċajpar minn dak li minflok huwa mpoġġi quddiemnett. Kristu ma jaħbix lid-dixxipli tiegħu l-fatt li l-għażla tar-rażan “għas-Saltna tas-Smewwiet” hija – murija fil-kategorija tat-temporalità – ċaħda. Dak il-mod tad-diskors lid-dixxipli, li jifformula b’mod ċar l-verità tat-tagħlim tiegħu u tal-esiġenzi kontenuti fih, huwa sinifikattiv għall-Vanġelu kollu; u huwa appuntu hu li jagħtih, fost oħrajn, marka ta’ qawwa hekk konvinċenti.

9. Huwa propju tal-qalb umana li taċċetta esiġenzi, saħansitra diffiċli, f’isem l-imħabba għal ideal u speċjalment f’isem l-imħabba lejn il-persuna (infatti l-imħabba, hija min-natura tagħha orjentata lejn il-persuna). U għalhekk f’dik is-sejħa għar-rażan “għas-Saltna tas-Smewwiet”, l-ewwel l-istess dixxipli u mbagħad it-Tradizzjoni kollha ħajja tal-Knisja jiskopru kmieni l-imħabba li tirreferi għal Kristu nnifsu bħala l-Għarus tal-Knisja, Għarus tal-erwieħ, lil-liema huwa rregala lilu nnifsu sal-aħħar, fil-misteru tal-Għid tiegħu u tal-Ewkaristija.

F’tali mod ir-rażan “għas-Saltna tas-Smewwiet”, l-għażla tal-verġinità jew taċ-ċelibat għall-ħajja kollha, saret fl-esperjenza tad-dixxipli u tas-segwaċi ta’ Kristu, l-att ta’ tweġiba partikolari tal-imħabba tal-Għarus Divin, u għalhekk akkwistat is-sinifikat ta’ att ta’ mħabba sponsali: jiġifieri ta’ donazzjoni sponsali tiegħu nnifsu ta’ dak li jkun, għall-iskop ta’ għoti lura b’mod partikolari tal-imħabba sponsali tal-Feddej; donazzjoni tiegħu nnifsu mifhuma bħala ċaħda, imma magħmula fuq kollox b’imħabba.

Miġjub għall-Malti minn Manuel Zarb.

Ara t-test oriġinali bit-Taljan >

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  1982.