Fr Robert Barron inħatar Isqof Awżiljarju ta’ Los Angeles

Print Friendly, PDF & Email

Il-Papa Franġisku għadu kemm ħatar tliet Isqfijiet Awżiljarji ġodda għall-Arċidjoċesi Amerikana ta’ Los Angeles. Din hi l-akbar djoċesi fl-Istati Uniti  b’popolazzjoni Kattolika ta’ aktar minn ħames miljun ruħ u b’287 parroċċa.

Fi stqarrija, l-Arċisqof ta’ Los Angeles, Josè Gomez, qal: “Naħseb li hu ċar li meta ħatar lil dawn l-Isqfijiet Awżiljarji ġodda, il-Papa Franġisku wera biċ-ċar li tassew jifhem dak li għandha bżonn il-Knisja – mhux biss hawn f’Los Angeles, iżda wkoll fl-Istati Uniti. Nemmen li kull wieħed minn dawn l-Isqfijiet Awżiljarji se jgħinna fil-missjoni tagħna fl-Arċidjoċesi ta’ Los Angeles – il-missjoni sabiħa li għandna: li naqsmu mal-oħrajn l-imħabba t’Alla u l-messaġġ ta’ Ġesù Kristu u li nippromwovu d-dinjità tal-bniedem u l-ħniena u l-ġustizzja fis-soċjetà tagħna”.

It-tliet Isqfijiet huma: Monsinjur Joseph V. Brennan, ta’ 61 sena li jippreżenta ruħu prinċipalment bħala kappillan u li hu Vigarju Ġenerali, Monsinjur David G. O’Connell, ta’ 61, sena li għal snin ħadem fil-parroċċi ta’ Los Angeles, maħkuma mill-vjolenza u d-drogi,  u Fr Robert Barron, ta’ 55 sena.

Dan tal-aħħar hu magħruf madwar id-dinja bħala evanġelizzatur Kattoliku ewlieni, speċjalment permezz tal-media.

Huwa wkoll  teologu,  skular u kittieb. Fl-2012 hu nħatar Rettur ta’ Mundelein Seminary u Professur tal-Faith and Culture f’University of Saint Mary of the Lake, qrib Chicago.

Fr Barron hu l-fundatur ta’ Word on Fire Catholic Ministries li tilħaq miljuni ta’ nies permezz tas-social media. Hu l-awtur tas-sensiela multimedia bl-isem Catholicism, li permezz tat-teżori spiritwali, artistiċi u kulturali tal-Knisja Kattolika madwar id-dinja , Fr Barron jispjega t-tagħlim u l-fidi tal-Knsja Kattolika.

Il-website tiegħu Word on Fire.org u bil-You Tube videos tiegħu, Fr Barron hu meqjus bħala l-aktar preżentatur Kattoliku l-aktar segwit fis-social media wara l-Papa Franġisku. Hu jidher ta’ spiss fuq l-istazzjonijiet NBC, PBS, Fox News, CNN, EWTN.

Fr Barron hu awtur ta’ bosta kotba u artikli teoloġiċi u spiritwali. Bir-raġun il-mibki Arċisqof ta’ Chicago, il-Kardinal George  sejjaħlu “one of the Church’s best messengers.”

Fr Barron dalwaqt se joħroġ DVD ġdid bit-titlu The Mystery of God.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading