Iż-żwieġ jibqa’ l-għaqda dejjiema u esklussiva bejn raġel u mara

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 25 ta’ Ġunju 2017: Il-messaġġ tal-Arċisqof waqt il-Quddiesa tal-festa ta’ San Nikola, is-Siġġiewi.

L-Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Festa San Nikola, is-Siġġiewi

“Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem missieri li hu fis-smewwiet.” F’din is-sentenza minn Kapitlu 10 vers 32 tal-Vanġelu skont San Mattew tfisser ir-raġuni għaliex illum inġbarna hawn f’din il-knisja maestuża, imżejna b’mod sabiħ biex nagħmlu festa, kif jixraqlu lill-qaddis kbira San Nikola. San Nikola b’ħajtu, b’għemilu, bi kliemu stqarr quddiem il-bnedmin li hu ta’ Ġesù u li huwa ma’ Ġesù. U għalhekk Ġesù, li la jqarraq u la jista’ jitqarraq jistqarr u jkompli jistqarr quddiem missieru li hu fis-smewwiet li huwa ma’ Nikola. “Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem missieri li hu fis-smewwiet.” (Mt 10,26) Nikola ma’ Ġesù, u Ġesù, għax hekk jgħid fil-Vanġelu, huwa ma’ Nikola. U t-talba tagħna hija li din il-kelma tkun tgħodd ukoll għalina. Charles ma’ Ġesù u Ġesù ma’ Charles. L-Arċipriet Joseph ma’ Ġesù u Ġesù mal-Arċipriet Joseph. U nkomplu, għax hawn qed nara ħafna ismijiet: George, Nikol, Daniel, Dione, Andrew, Karist, Josef, Dunstan, Reuben u Mario. Din hi l-mistoqsija li rridu nagħmlu aħna u nfakkru u nifhmu xi tfisser il-ħajja ta’ San Nikola għalina. Aħna nistqarru quddiem il-bnedmin li aħna ma’ Ġesù?

Ħa nieħu l-ewwel episodju li jimmarka lil San Nikola fl-ikonografija kollha, kemm tal-Oċċident, jiġifieri tan-naħat tagħna, kif ukoll tal-Orjent fejn trabba, fejn għex u fejn miet. Ġuvni li għandu aċċess għall-flus u li nduna li missier minħabba l-faqar kbir li safa fih m’għandux biex iżewweġ lit-tliet tfajliet tiegħu u bi qsim ta’ qalb il-missier jgħidilhom li biex ikollkom biex tgħixu aħjar tmorru “fit-triq.” Illum “it-triq” tfisser l-istess bħal ma’ kienet tfisser fi żmien San Nikola. Aħna għandna din l-espressjoni ta’ qsim il-qalb: “mara tat-triq.” Anke meta nitkellem mar-residenti fir-rijabilitazzjoni mid-droga ta’ San Blas, għadhom jitkellmu fuq “it-triq”. Issib id-droga “mit-triq.” Mhux issib id-droga ħdejn il-bankina. It-triq huwa ambjent. U dan il-missier ikollu jagħmel deċiżjoni ta’ qsim il-qalb bħal kull missier li jgħidilhom: “m’għandix biex inżewwiġkom. Tridu tbigħu lilkom infuskom!” Intom tifhmu li din mhix biss realtà tas-Seklu Tlieta biss jew tas-Seklu Erbgħa. U Nikola, kif tafu, jaqbad borża u jimlieha muniti tad-deheb u fil-moħbi jitfagħha mit-tieqa u tiżżewweġ l-ewwel tifla. U jerġa’ għat-tieni darba u jerġa’ għat-tielet. Dan il-lajk li bil-ġest tiegħu huwa ma’ Ġesù b’mod konkret għax għażel li jgħin lil dak il-missier li minflok iħalli lil uliedu tfajliet fit-triq, iqabbaqdhom it-triq taż-żwieġ.

U din hi l-ewwel tagħlima li nixtieq nislet minn dan l-episodu li intom tafuh tajjeb. Fl-ikonografija anke tal-istatwa titulari hemm wieħed mill-anġli jżomm il-ktieb bi tliet boroż tal-muniti tad-deheb bħala hemm anke fl-istatwa antika li qiegħda fis-sagristija. Lil San Nikola tagħrfu dejjem b’dan il-ġest li għamlu qabel sar isqof. Ta’ ġuvni li huwa ma’ Ġesù, lil dawn it-tliet tfajliet foqra għenhom biex jagħżlu ż-żwieġ u ż-żwieġ kif ħalqu Alla.

M’għandniex għalfejn inbiddlu l-mod kif Alla ħalaq iż-żwieġ biex aħna issa ngħidu: żewġt irġiel jistgħu jiżżewġu jew żewġ nisa jistgħu jiżżewġu.

Lejlet id-deċiżjoni skontata tal-parlament tagħna li jagħtina bonta sua, kif ngħidu bit-Taljan, definizzjoni oħra ta’ żwieġ li m’għadux biss bejn raġel u mara u li minnu jitwieldu l-ulied nitolbu l-interċessjoni ta’ San Nikola biex aħna l-Insara nagħżlu li nibqgħu ma’ Ġesù.

Aħna m’għandna xejn kontra l-gays. La raġel li jmur ma’ raġel u lanqas mara li tmur ma’ mara. Huma bnedmin li għandhom dritt għar-rispett u l-imħabba tagħna. Ħa nkun ċar għax ma tistax tkun ma’ Ġesù u tobgħod lil xi ħadd għax hu magħmul kif inhu magħmul jew tinsulentah, jew ma turihx rispett. Imma m’għandniex għalfejn inbiddlu l-mod kif Alla ħalaq iż-żwieġ biex aħna issa ngħidu: żewġt irġiel jistgħu jiżżewġu jew żewġ nisa jistgħu jiżżewġu.

U ż-żwieġ, tgħid x’tgħid il-liġi, jibqa’ l-għaqda dejjiema, esklussiva bejn raġel u mara li bl-imħabba u mill-imħabba ta’ bejniethom jitnisslu l-ulied.

Se nneħħu wkoll mil-liġijiet tagħna l-kelma raġel u mara għaż-żwieġ u omm u missier. U l-liġijiet bil-kliem nistgħu nagħmlu li rridu. Jiena nista’ niddeċiedi li ħarruba u larinġa ma nistgħux nibqgħu nsejħulhom hekk. Ngħidulhom siġar. Imma l-ħarruba tibqa’ ħarruba u l-larinġa tibqa’ larinġa, tgħid x’tgħid il-liġi. U ż-żwieġ, tgħid x’tgħid il-liġi, jibqa’ l-għaqda dejjiema, esklussiva bejn raġel u mara li bl-imħabba u mill-imħabba ta’ bejniethom jitnisslu l-ulied.

Tgħid x’tgħid il-liġi, raġel ma’ raġel ma jnissilx l-ulied. Tgħid x’tgħid il-liġi mara ma’ mara ma tnissilx l-ulied. Irid jindaħal xi ħaddieħor jew tindaħal it-teknika. U dik it-traġedja. Dik it-traġedja, li aħna l-ulied irridu nagħmluhom u mhux nilqgħuhom bħala rigal frott l-imħabba ta’ bejn ir-raġel u l-mara miżżewġin. Għalina l-ulied saru prodott, frott it-teknoloġija. U meta l-bniedem iċedi għat-tentazzjoni li t-teknoloġija tieħu over mhux bilfors qiegħed isaħħaħ id-dinjità tiegħu.

Mela meta fl-ikonografija ta’ San Nikola taraw dawk it-tliet boroż ta’ flus li hu ċċaħħad minnhom biex tliet xebbiet isibu tlitt irġiel u jiżżewġu, ftakru li jekk kull wieħed u waħda minnkom iridu jkunu ma’ Ġesù, iż-żwieġ kif ħalqu Alla tridu tgħallmuh lil uliedkom u lil ulied uliedkom bir-rispett kollu lejn il-liġi. Aħna l-Insara ġabuna f’estremità li rridu ngħidu: “il-liġi tal-istat aħna ma nagħrfuhiex.” Immaġimaw lil San Nikola kieku x’kien jgħid.

“Żewġ għasafar tal-bejt mhux b’ħabba jinbigħu? U b’danakollu anqas wieħed minnhom ma jaqa’ fl-art mingħajr ir-rieda ta’ missierkom. Intom imbagħad sax-xagħar ta’ raskom kollu hu magħdud. Mela xejn la tibżgħu; intom aqwa minn ħafna għasafar tal-bejt.” (Mt 10,29)

Fil-bidu ta’ dan l-Evanġelu li għadna kemm smajna li huwa Evanġelju li l-Knisja tassenja lil-liturġija tat-12-il Ħadd li qed niċċelebraw madwar il-Knisja fid-dinja kollha, il-Mulej jgħid: “La tibżgħux mill-bnedmin. Għax xejn ma hu mgħotti li ma jinkixifx, u xejn ma hu moħbi li ma jsirx magħruf. Dak li jien ngħidilkom fid-dlam għiduh fid-dawl, u dak li ngħidilkom f’widnejkom xandruh minn fuq il-bjut.” (Mt 10,26)

San Nikola, kif tafu, ġie magħżul isqof wara li miet l-Isqof ta’ Mira, u s-saċerdoti u l-presbiteri ma kinux jafu lil min se jagħżlu u għamlu lejl jitolbu u qalu: “il-Mulej irid jurihulna. Il-Mulej irid jagħżlu. L-ewwel wieħed li jidħol fil-knisja ikun hu.” U dakinhar l-ewwel wieħed li daħal fil-knisja kien Nikola. Imma Nikola kien magħruf għall-għerf u l-ġenerożità tiegħu għax kif tafu, it-tielet darba, missier dawk it-tfajliet qagħadlu għassa u nduna min kien u xterdet mal-ambjenti tal-Ażja Minuri, il-fama tal-għerf, il-kuraġġ u anke l-umiltà tiegħu li l-karità ma għamilhiex bid-daqq tat-trombi, ma għamilhiex biex jarawah in-nies, imma l-Mulej jagħraf il-qalb u għażlu lilu u għamlu tajjeb għax fihom kien hemm ir-rebħa tar-ragħaj u fir-rebħa tar-ragħaj kien hemm ir-rebħa tal-poplu – Nicholaus.

Ir-ragħaj it-tajjeb huwa ġieħ għall-poplu tiegħu, kif poplu mħejji tajjeb huwa ġieħ għar-ragħaj tiegħu. U għalhekk fl-isem tiegħu Nicholaus – ir-rebħa tal-poplu, hemm ukoll il-glorja tiegħu għaliex il-poplu ta’ Mira f’Nicholaus sab ix-xorti u minkejja ħafna keddet, Nikola sab fil-poplu tiegħu xorti kbira.

Nikola ddefenda l-verità li Ġesù huwa l-iben ta’ Alla, li Alla huwa l-missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. U Nikola kien dejjem mal-kelma qaddisa tal-verità. Mhux ta’ b’xejn li l-ewwel qari tal-liturġija ta’ din is-solennità tfakkarna fit-titlu tal-Mulej: “Qaddis, Qaddis, Qaddis.” (Is 6,3) U tfakkarna li l-Mulej jipparteċipa, jaqsam il-qdusija tiegħu ma’ min jagħżel u jippurifikah għax Nikola kien dgħajjef bħalna. Kien bniedem bħalna. Kien midneb bħalna. Minkejja l-legendi li nhar ta’ Erbgħa u nhar ta’ Ġimgħa kien isum, kien bniedem ta’ dgħjufija bħalna. Imma kien bniedem ta’ fedeltà. Kien bniedem li kien jaf joqgħod prostrat, għarkupptejh quddiem Ġesù jitolbu ħniena għal dnubietu u għad-dnubiet tal-poplu tiegħu. U kien bniedem li l-Mulej, permezz tiegħu, għamel għeġubijiet kbar.

It-titular sabiħ ta’ Mattia Preti, iġib lil Nikola jaqbad ġuvni litteralment minn xagħru: lil Bażilju. Kemm-il darba aħna nkunu f’diffikultajiet u nitolbu l-interċessjoni ta’ San Nikola u ngħidu qabadni minn xagħri. Din l-espressjoni sabiħa. Jiena ma tantx baqagħli xagħar imma xorta ngħidha: “Qabadni minn xagħri.” U meta taraw lil San Nikola jaqbad minn xagħru lil Bażilju ftakru f’din l-espressjoni sabiħa. Għax min jinterċedi għalina, il-qaddisin li huma magħna kontinwament, ix-xirka tal-qaddisin mhijiex mit imma verità li rridu ngħixu kuljum. Huma jħennu għalina, jaqbduna minn xagħrna, jeħilsuna mill-iskjavitù tad-dnub, tal-inganni, tal-qerq.

Il-kalunja u l-insulti tal-bnedmin jiġu u jmorru imma s-sejħa ta’ Alla ma jħassarha ħadd; la l-editorjali moqżieża ta’ din id-dinja, u la l-kalunji u t-tixwix ma jistgħu jeqirdu r-rieda ta’ Alla fuq il-poplu tiegħu.

Nikola kien ukoll umiljat bħala isqof. Neżżgħuh ukoll mill-episkopat tiegħu. Mhux mis-sagrament għax is-sagrament jibqa’ għal dejjem. Imma umiljawh. Mhux biss għajtu biex ineħħuħ imma neħħewh. U intom għandkom il-pittura sabiħa ta’ Zahra, li tfakkar fil-mument li waqt li qiegħed umiljat il-ħabs, Nikola jkollu l-faraġ tal-konferma tal-vokazzjoni episkopali tiegħu minn Ġesù u minn Marija. Zahra jpinġi lil Ġesù jagħtih il-ktieb tal-Evanġelju, jafdalu l-kelma tiegħu għax jaf li Nikola huwa miegħu u hu ma’ Nikola. Il-Madonna tpoġġi fuq spallejh l-omoforjo li huwa verżjoni ikbar mill-palju li qed nilbes jien. U nnutaw l-anġlu fil-kantuniera jerġa’ jpoġġi ċ-ċurkett tal-isqof fis-saba ta’ Nikola. Għax il-kalunja u l-insulti tal-bnedmin jiġu u jmorru imma s-sejħa ta’ Alla ma jħassarha ħadd; la l-editorjali moqżieża ta’ din id-dinja, u la l-kalunji u t-tixwix ma jistgħu jeqirdu r-rieda ta’ Alla fuq il-poplu tiegħu.

Il-fidi tagħna mhux tal-paroli, lanqas hija tal-festi. Il-fidi tagħna hija tal-fatti, tal-karità.

L-aħħar ħsieb. San Nikola kien meqjum u dejjem kien meqjum bħala r-regola tal-fidi kanóna písteos. Ir-regola tal-fidi. Min kien iħares lejh, min kien jarah jitħabat u jiġri biex isalva tliet kaptani kkundannati biex jaqtgħulhom rashom, min kien jarah jiddefendi l-innoċenza tat-tfal. Min kien jarah jagħti l-qamħ lil poplu li m’għandux x’jiekol, kien jirrealiza li l-fidi ta’ Nikola kienet fidi konkreta u mhux tal-paroli. Mhux tal-eżortazzjoni biss. Kien ragħaj li fejn kien hemm il-bżonn, fejn kien hemm il-bżonn jiddefendi d-dinjità tal-bniedem jew jgħinu konkretament, qatt ma ħarab, qatt ma nħeba. U aħna nistgħu nifhmu għax min kien jarah lil Nikola, jgħix, jitlob jopera kien jgħid dan jgħallimna kif tkun il-fidi għax il-fidi turiha mill-opri, mill-imġiba tiegħek, mill-għażliet tiegħek, minn kemm inti kapaċi tagħraf lill-Mulej fil-fqir, fil-batut. Aħna nitolbu li aħna l-Insara nibqgħu komunità ta’ solidarjetà vera. Jiena nixtieq nirringrazzja ħafna lill-poplu tas-Siġġiewi tal-imħabba kbira li għandu għad-Dar tal-Providenza għax jiena naf li d-Dar tal-Providenza hija għal qalbkom. Mhux qiegħda biss hemm għax qiegħda fis-Siġġiewi, imma qiegħda fil-qalb tas-Siġġiwien. U ftakru li Nikola l-istess kien jagħmel, kif tagħmlu intom, għax il-fidi tagħna mhux tal-paroli, lanqas hija tal-festi. Il-fidi tagħna hija tal-fatti, tal-karità, dik il-fidi li meta tara maskra ma togħġbokx tgħid: “imma dan huwa bniedem, dik hija persuna umana”. Mhux naraw jekk hux ġej tajjeb jew le u ngħidu mela nneħħih kif qed tkun il-moda. U nwissi lit-tobba li meta tiġi mara tqila u tiġihom it-tentazzjoni biex jissuġġerixxu l-abort, ma jagħmluhx. Bagħathomlna l-Mulej għaliex jista’ jkun li veru r-wrapping naqra mċerċer imma hemmhekk għandek moħbija ġawhra li hija ta’ qdusija għalik u ta’ glorja kbira għall-familja tiegħek. “La tibżgħux, la tibżgħux.” (Mt 10,26)

“Intom imbagħad sax-xagħar ta’ raskom kollu hu magħdud. Mela xejn la tibżgħu; intom aqwa minn ħafna għasafar tal-bejt.” (Mt 10,30)

U l-aħħar talb hija biex San Nikola jinterċedi għalija bħala l-isqof tagħkom, għax huwa isqof, jaf x’iġifieri, u għas-sċerdoti tagħna. Itolbu għas-saċerdoti tagħna. Imma jien nixtieq nitolbu barka speċjali fuq Dun Nikol u fuq Dun Danjel. Il-Mulej jirringrazzjakom hu, għażiż Dun Nikol, għażiż Dun Danjel, tax-xogħol li għamiltu fost il-komunità mingħajr ħafna kjass, imma b’fedeltà kbira. Kulħadd japprezza l-vuċi diretta tagħkom, li dak li għandkom tgħidu tgħiduh, imma naf li dejjem tagħmluh bi mħabba kbira. U permezz tagħkom jien li wkoll nara l-abbatini, il-familji tagħna, nixtieq nitolbu lil San Nikola jkompli jbierek is-Siġġiewi bil-vokazzjonijiet.

Għandna xi ħadd mis-Siġġiewi s-Seminarju? Iva, għandna lil Osmar. Il-Mulej berikna għax is-Seminarju mingħajr xi ħadd mis-Siġġiewi mhux komplut.

Allura jien nixtieq li din it-tradizzjoni nkompluha għax Osmar issa jikber u jsir saċerdot u tagħmlulu festa kbira wkoll, kif jixraqlu. Aħna nitolbu li jibqa’ għaddej. Aħna rridu nirrispettaw il-libertà tal-vokazzjoni. Is-Seminarju qiegħed biex tagħżel jekk hux għalik jew le. Imma aħna nitolbu għall-perseveranza u nirrispettaw il-libertà ta’ dak li jkun. Imma nitolbu biex anke minn dawn l-abbatini, minn tant żgħażagħ mis-Siġġiewi, joħorġu l-vokazzjonijiet. Qed nara l-katekisti tal-MUSEUM jien ukoll. Nirringrazzjahom. Il-Qasam tas-Siġġiewi għandu fama mondjali. Nirringrazzjakom.

Nitlob il-barka ta’ San Nikol fuq din il-parroċċa.

Viva San Nikola.

✠ Charles J. Scicluna

Arċisqof ta’ Malta

One thought on “Iż-żwieġ jibqa’ l-għaqda dejjiema u esklussiva bejn raġel u mara”

  1. Jiddispjacini li nhar I’ll Had ma stajtx nattendi ghall panegirku ta San Nikola li gie mwassal lil poplu tas siggiewi. Grazzi li Dan qed jigi mwassal permezz Tal laicos. Grazzi il Mons. Arcisqof Charles Scicluna. Zgur li waslilna il kelma li tant hu importanti li nisimghu ahna li rridu nghixu l verita li jaghtina l evangelju.
    Grazzi Mons. Charles Scicluna li wassalt il kelma ta Kristu hajja u mimlija verita.
    Heggigtna fil fidi u li nistqarru l verita ta l evangelju bla biza. Grazzi hafna. Nzommok fit talb tieghi. Rita.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading