Home > Arċisqof Charles J. Scicluna > Illum huwa bidu ġdid tas-sehem tagħkom fil-Knisja

Illum huwa bidu ġdid tas-sehem tagħkom fil-Knisja


Il-Ħadd, 25 ta’ Ġunju 2017: L-Arċisqof jiċċelebra s-Sagrament tal-Griżma lill-adolexxenti fil-parroċċa tal-madonna ta’ Lourdes, Raġal Ġdid.324512-740xnone-e1502208684381.jpg

L-Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Parroċċa tal-Madonna ta’ Lourdes, Raħal Ġdid

Illum se tistqarru l-fidi fil-Missier, fl-Iben u fl-Ispirtu s-Santu minn rajkom, għax tridu. Wara din l-omelija se nistaqsikom biex tiċħdu lix-xitan u biex tistqarru l-fidi tagħkom u intom se tirrisponduni; meta kontu trabi rrispondew għalikom il-ġenituri u l-parrini tagħkom, illum tirrispondu intom. U għalhekk dan li qed tagħmlu huwa wkoll konferma – għalhekk konfirmazzjoni wkoll jew confirmation bl-Ingliż – ta’ dak li diġà sar fikom fil-Magħmudija.

Ma nafx jekk smajtux lil Fr John, il-kappillan il-ġdid, li waqt li qed iħabbar l-Evanġelju, irrepeta dawn il-kliem ta’ Ġesù: “kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li huwa miegħi, jiena wkoll nistqarr li jiena miegħu” (Mt 10, 32). Dan il-kliem ta’ Ġesù huwa kliem li la jintesa u lanqas ifalli. Meta inti tistqarr quddiem il-bnedmin li inti ma’ Ġesù, Ġesù jistqarr li hu miegħek.

Illum f’din il-ġurnata tal-Griżma, inti, quddiem kulħadd, se tistqarr li inti ma’ Ġesù, inti ma’ Ġesù, mhux man-nies ta’ din id-dinja, lanqas mal-isqof, imma ma’ Ġesù, ma’ Ġesù! “Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li huwa miegħi”, inti għażiż żagħżugħ, għażiża żagħżugħa, se tistqarr u qiegħda tistqarr li inti ma’ Ġesù, u r-risposta ta’ Ġesù r-risposta hija “u jiena miegħek,.” Ara ma jfettilekx tibża’ mill-bnedmin, jew mill-isfidi tal-ħajja, jew tħossok waħdek meta jkun wasal il-mument tal-prova, “għax jiena miegħek”.

Għalhekk, fl-Evanġelju li għadna kemm smajna llum, Ġesù għal diversi drabi jgħidilna: “tibżgħux”, “la tibżgħux”, “la tibżgħux mill-bnedmin”, “xejn tibżgħu”, “intom aqwa minn ħafna għasafar tal-bejt”. U Ġesù jġib eżempju b’żewġ għasafar tal-bejt. Tafu x’inhuma l-għasafar tal-bejt? Ġieli tarawhom ituru? “Żewġ għasafar tal-bejt, mhux b’xejn jinbiegħu? Madanakollu lanqas wieħed minnhom ma jaqa’ fl-art mingħajr ir-rieda ta’ Missierkom. Imbagħad ix-xagħar ta’ raskom, kollu magħdud.” Din l-espressjoni ta’ Ġesù turi kemm Ġesù jafna, u jafna fid-dettalji l-iżjed moħbija tagħna, “intom ix-xagħar ta’ raskom kollu magħdud, mela xejn tinkwetaw, xejn tibżgħu” (vv. 29-31). Jekk intom tistqarru li intom ma’ Ġesù, ta’ Ġesù, hu se jkun magħkom. Wara kollox ismu mhux biss Ġesù imma wkoll Għimmanu-El, Alla magħna, dak ifisser l-isem sabiħ ta’ Ġesù.

Jiena nitlob ħafna għalikom biex ma tinsew qatt li meta għamiltu l-Griżma, mhux għidtulha bye bye lill-Knisja u għaliex issa għamilt il-Griżma mela m’hemmx għalfejn tibqgħu tmorru l-quddies il-Ħadd. Hawn diversi żgħażagħ preżenti llum, u qed inħajjarkom biex tkunu abbatini, m’hawnx abbatini. Fr Michael Bugeja qed jagħmilha ta’ abbati wkoll, daqqa jżomm il-mitra, u daqqa jżomm il-baklu. M’hawnx abbatini, ma tistgħux tkunu intom abbatini? Ħadt pjaċir pereżempju nisma’ anke l-bniet jaqraw, titħajru tkunu fil-lista ta’ dawk li jaqraw matul il-quddiesa? Ovvjament trid tiġi l-quddies, għax dan ma tistax taqra’ mid-dar u tibagħtilna r-recording, sewwa? Mela l-Griżma mhijiex meta lill-Knisja ngħidulha issa ggradwajna, u allura bye bye, u forsi mbagħad niltaqgħu għat-tieġ, jekk tiżżewweġ bil-Knisja. X’se tagħmlu intom meta tikbru? Għax illum hawn ħafna modi, intom se tkunu veru ta’ Ġesù jew inkella għamilna l-Griżma u daqshekk, arrivederci Roma?

Illum huwa bidu ġdid tas-sehem tagħkom fil-Knisja. Anke l-laqgħat, intom m’intomx tfal żgħar issa, it-tagħlim irid ikun jgħodd għalikom. Nispera ma tgħidulix kemm hu boring, ħażin jekk hu boring. Għax li inti tisma’ u titgħallem fuq Ġesù u t-tagħlim tal-Knisja, fuq il-problemi moderni, huwa importanti li tisma’ bħal perezempju min jgħidlek kemm hi ħażina d-droga. Tgħidli dak jgħallmuhulna l-iskola, imma l-iskola mhux bilfors jgħallmuk kif irid Alla, ħa nkellimkom ċar. Intom tridu tfittxu tagħlim li huwa skont ix-xewqa ta’ Alla, mhux tagħlim ivvintat mill-bnedmin, għax intom ta’ Ġesù, intom ma’ Ġesù u Ġesù magħkom.

Kelma lill-parrini, nirringrazzjakom ħafna li aċċettajtu din ir-responsabbiltà li tfisser tliet affarijiet. L-ewwel nett biex titolbu għall-filjozzi tagħkom, imqar talba żgħira kuljum. It-tieni nett fuq kemm hu importanti s-sapport. Dawn se jibdew jikbru, diġà bdew jikbru iżjed fast, fast forward, u se jkollhom bżonn is-sapport. Għaliex kultant l-aħħar li jsiru jafu li qed iberraq huma l-ġenituri; ikun qed iberraq fuq il-baħar u inti ma tarahx mill-ewwel allura għandhom bżonn xi ħadd li jkun hemm biex ikun ta’ sapport, biex jgħid kelma ta’ ġid.

Imbagħad l-eżempju. Importanti l-eżempju tajjeb għaliex inutli tgħidlu jew tgħidilha, ma mortx il-quddies il-Ħadd; inti mort? X’se tgħidilha jew tgħidilha? Għax illum jirrisponduk qabel tistaqsihom. U allura importanti ħafna t-talb, is-sapport u l-eżempju.

Nitolbu għall-vokazzjonijiet, kemm se jkollna saċerdoti minn hawn? Biex ma ngħidux kemm se jkollna sorijiet. Tgħiduli, faqqa’ subgħajk Sur Isqof! Miżżewġin Insara, forsi l-bniet diġà qed jaħsbu fuq xi artist gustuż, mhux bilfors se jiżżewġuh, imma meta tagħżel is-sieħeb jew is-sieħba, tinsiex li Alla qiegħed ibierkek, qiegħed jgħinek biex tgħix il-ħajja tas-Sagrament, għax anke dak sagrament, mhux biss li tkun qassis sagrament, imma anke ż-żwieġ hu sagrament.

Mela aħna nitolbu għalikom, intom ukoll tikbru biex tagħżlu l-vokazzjoni tagħkom, dak li jixtieq Alla minnkom. Nafdakom f’idejn il-Madonna taħt it-titlu ta’ Lourdes u nitlobha ħafna biex tipproteġikom u tberikkom.

✠ Charles J. Scicluna

Arċisqof ta’ Malta

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: