Jum il-Ħajja 2018

Print Friendly, PDF & Email

Messaġġ tal-Kunsill Episkopali Permanenti għall-40 Jum Nazzjonali tal-Ħajja
(4 ta’ Frar 2018)

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/383590868″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” width=”100%” height=”100″ iframe=”true” /]

IL-VANĠELU TAL-ĦAJJA,
FERĦ GĦAD-DINJA

“L-imħabba dejjem tagħti l-ħajja”: din l-istqarrija qawwija tal-Papa Franġisku, li tiftaħ il-ħames kapitlu tal-Amoris lætitia, iddaħħalna fiċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum il-Ħajja 2018, bit-tema “Il-Vanġelu tal-ħajja, ferħ għad-dinja”. Fil-qalba tar-riflessjoni tagħna magħmula bil-fidi, nixtiequ nqiegħdu l-Kelma ta’ Alla, mgħoddija lilna fl-Iskrittura Mqaddsa, triq waħdanija biex insibu t-tifsira tal-ħajja, frott tal-Imħabba u nissiela tal-ferħ. Il-ferħ li l-Vanġelu tal-ħajja jista’ jagħti xhieda tiegħu quddiem id-dinja, hu don ta’ Alla u missjoni fdata f’idejn il-bniedem; don ta’ Alla ladarba marbut mal-istess rivelazzjoni Nisranija, missjoni li allura titlob responsabbiltà.

Imsawra mill-Imħabba
L-element ġdid tal-ħajja u l-ferħ li tnissel huma possibbli biss grazzi għall-ħidma divina. Hi don tiegħu u, bħala tali, oġġett tat-talb tad-dixxipli: “Sa issa ma tlabtu xejn f’ismi. Itolbu u taqilgħu, biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ” (Ġw 16:24). Il-grazzja tal-ferħ hi l-frott ta’ ħajja megħjuxa fl-għarfien li aħna wlied li jintelqu b’fiduċja u jħallu “ssawwarhom” l-imħabba ta’ Alla l-Missier, li jgħallimna nagħmlu festa u nithennew għall-wasla lura ta’ min kien mitluf (ara Lq 15:32); ulied li jgħixu fil-biża’ tal-Mulej, kif jgħallmu l-għorrief ta’ Iżrael: “Il-biża’ tal-Mulej iferraħ il-qalb, u jnissel ferħ, hena u ħajja twila” (Sir 1:12). Għal darb’oħra, dan hu l-frott ta’ ħajja “Kristika”, li fiha jgħammar Ġesù nnifsu, skont il-kelmiet tal-Appostlu: “Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù”, li sar qaddej għall-imħabba (ara Fil 2:5-6). Il-biża’ tal-Mulej u l-qadi lil Alla u lill-aħwa skont l-istil ta’ Ġesù huma s-sisien ta’ ħajja li ssir Vanġelu tal-ħajja, bxara tajba, li tista’ twassal ferħ kbir, li hu għall-poplu kollu (ara Lq 2:10-13).

Il-lessiku ġdid tar-relazzjoni
Is-sinjali ta’ kultura magħluqa għal-laqgħa mal-oħrajn, iwissina l-Papa, joħorġu qawwija mit-tiftix bla rażan tal-interessi personali jew parzjali, fil-vjolenza kontra n-nisa, fl-indifferenza għall-foqra u l-immigranti, fil-vjolazzjoni kontra l-ħajja tat-tfal sa mit-tnissil u tal-anzjani mmarkati minn dgħufija kbira. Hu jfakkarna li trid tkun komunità li tieħu n-nifs tal-Vanġelu biex tagħraf tibdel ir-realtà u tfejjaq it-traġedja tal-abort u tal-ewtanasja; komunità li taf issir “Samaritana” u titbaxxa fuq l-istorja tal-bniedem, imċarrta, miġruħa, b’qalbha maqtugħa; komunità li mas-Salmista tagħraf: “Int tgħallimni t-triq tal-ħajja; hemm il-milja tal-ferħ quddiemek, hemm l-għaxqa għal dejjem f’lemintek” (Salm 16:11).

Ta’ din il-ħajja, spiss mingħajr ma hi stess tintebaħ, għandha bżonn kbir id-dinja tal-lum, u għalhekk tistenna mill-Insara t-tħabbira tal-Bxara t-tajba biex tegħleb il-kultura tad-diqa u tal-individwaliżmu, li theżżeż is-sisien ta’ kull relazzjoni.

Punt tat-tluq biex nistgħu nagħtu xhieda tal-Vanġelu tal-ħajja u tal-ferħ hu li ngħixu b’qalb kollha gratitudni t-taħbit tal-ħajja umana, mingħajr ma nkunu boloh jew mill-banda l-oħra ngħixu awtoreferenzjalità illużorja. Min jemmen, u sar dixxiplu tas-Saltna, waqt li jitgħallem jikkonfronta ruħu kontinwament mal-morr tal-istorja, jistaqsi lilu nnifsu u jfittex tweġibiet ta’ verità. F’din il-mixja ta’ tfittxija huwa jduq kif li joqgħod mal-Imgħallem, li jibqa’ miegħu (ara Mk 3:14; Ġw 1:39), iwasslu biex jgħix b’mod tajjeb ir-realtà, b’mod għaref, u jibni fuq kunċett tar-relazzjonijiet li mhuwiex ġeneriku jew temporanju, imma Kristjanament ċar u inċiżiv. Il-Knisja sħiħa u l-familji Nsara fi ħdanha, li fehmu liema hu dan il-lessiku ġdid tar-relazzjoni tal-Vanġelu u għamlu tagħhom il-kelmiet ta’ akkoljenza għall-ħajja, ta’ għotja b’xejn u tal-ġenerożità, tal-maħfra reċiproka u tal-ħniena, ħsiebhom hu fil-ferħ tal-bnedmin, għax il-missjoni tagħhom hi li jxandru l-Bxara t-tajba, il-Vanġelu. Aħbar tal-imħabba paterna u materna li dejjem tagħti l-ħajja, li minnha jittieħed il-ferħ u li tegħleb kull diqa.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading