Għaliex il-ħajja hi daqstant iebsa?

Print Friendly, PDF & Email

Il-Papa Franġsku lil grupp żgħażagħ Rumeni – Hemm ċerti mistoqsijiet li diffiċli jkollhom tweġiba

Għaliex il-ħajja hi daqstant iebsa? Għaliex ommi abbandunatni? Għaliex in-nies jiġġudikawni? Għaliex ħajti hi daqshekk iebsa?

Dawn kienu ftit mistoqsijiet li grupp ta’ żgħażagħ Rumeni għamlu lill-Papa Franġisku waqt laqgħa privata li kellhom miegħu fil-Vatikan.

It-Tlieta, 20 ta’ Frar 2018, l-uffiċċju stampa tal-Vatikan ippubblika t-test tal-laqgħa li kienet saret fl-4 ta’ Jannar, organiżżata mill-FDP, il-Fundazzjoni għall-Iżvilupp tal-Popli.
Liż-żgħażagħ il-Papa Franġisku qalilhom li beka x’ħin qara waħda mill-mistoqsijiet dwar tifel li kien abbandunat minn ommu meta kien għadu tarbija, u reġa’ kien miċħud minnha meta mar ifittxha fl-età taż-żgħożija. Għaliex m’aċċettatnix?, staqsieh il-ġuvnott. Xi ħtija għandi jien?

cq5dam-thumbnail-cropped-1500-844.jpeg
Parteċipant ieħor staqsieh għala xi ġenituri jħobbu lil uliedhom waqt li oħrajn jirrifjutaw lill-wildhom marid jew li jinsab f’diffikultà.

Il-Papa Franġsiku wieġeb li xi ġenituri huma aktar fraġli minn oħrajn u b’ħila anqas li jaffrontaw sitwazzjonijiet iebsin. Ikunu qieshom kaxxi tal-kartun, li jistgħu jitgħaffġu taħt it-toqol ta’ ġebla li taqa’ fuqhom.

Il-faqar u l-inġustizzja spiss huma l-ħtija ta’ dawn is-sitwazzjonijiet għax iwebbsu l-qlub u jistgħu jwasslu omm biex tabbanduna lil uliedha. Minkejja li tista’ tkun tħobb lit-tarbija tagħha, qal il-Papa, ħajjitha hi tant iebsa li ma tkunx taf kif tesprimi dik l-imħabba tagħha. Xi drabi, żied jgħid, l-ulied jistgħu jkunu ta’ għajnuna biex il-ġenituri tagħhom jegħlbu l-biżgħat u d-dgħufijiet tagħhom.

Bi tweġiba għal mistoqsija għala l-ħajja hi daqstant inġusta u oħra dwar tifel li miet fl-orfanatrofju, il-Papa qal li kultant ma hemmx tweġiba għal ċerti mistoqsijiet, l-aktar ir-raġuni għaliex t-tfal ibatu. It-tweġibiet jiġu biss mingħand Alla li jrid ifejjaq l-uġigħ tagħna.

L-istess bħalma Ġesù qal lid-dixxipli li la r-raġel għama u lanqas il-ġenituri tiegħu ma kienu ħatja tas-sitwazzjoni li kien jinsab fiha, Alla jwieġeb billi jiltaqa’ magħna fil-mard u t-tbatija, iħaddanna miegħu u jfejjaq l-uġigħ tagħna.

Mistoqsija oħra kienet: x’inhu l-punt li mmorru l-knisja meta aħna dejjem nargumentaw u nġibu ruħna ħażin? Il-Papa qalilhom li aħna nistgħu nitgħallmu kif nieqfu quddiem Alla u nistqarru dnubietna, filwaqt li nitolbuh ibiddlilna ħajjitna.

Fl-aħħar, il-Papa wieġeb żgħażugħa li kienet tat it-tarbija tagħha għall-’fostering’ u sfat iġġudikata għax bdew jgħidu li hi omm ħażina. Franġisku qalilha li ximindaqqiet il-’fostering’ jista’ jkun l-aħjar soluzzjoni u żguraha li jifhem x’qed tħoss, is-solitudni u l-konfużjoi li tinsab fiha.

Fraġisku ssuġġerielha biex tfittex il-kumpanija ta’ Nsara oħra għax ilkoll kemm aħna nistgħu nsibu sapport u fejqan jekk nitgħallmu nafdaw u naqsmu l-problemi tagħna ma’ ħaddieħor.

Ħajr lil Joe Huber

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading