Il-Mixja tar-Randan Imqaddes

Print Friendly, PDF & Email

Fr. Philip Cutajar OFMCap

Nhar l-Erbgħa , 14 ta’ Frar ilkoll flimkien bħala Knisja tajna bidu għaż-żmien tar-Randan Imqaddes. Dan nagħmlu tajjeb jekk inħarsu lejh bħala mixja li aħna bħala l-Poplu ta’ Alla rridu nimxu flimkien. Mixja li twassalna sa nhar il-Ħadd, l-1  ta’ April, meta flimkien niċċelebraw il-Festa tal-Għid Il-Kbir. Mixja ta’ ħames ġimgħat li jippreparawna sabiex niċċelebraw il-Ġimgħa Mqaddsa li ssib il-milja tagħha fit-Tridu tal-Għid il-Kbir.

NIMXU FLIMKIEN BĦALA KNISJA

Il-Papa Franġisku fid-diskorsi tiegħu jħobb juża ħafna din il-kelma “mixja” li magħha hemm marbuta diversi tifsiriet.  Lil dan il-Papa jogħġbu ħafna jimxi. Narawh kemm il-darba jimxi b’dak il-pass xi ftit dgħajjef, kważi jzappap, imma jimxi waħdu, mid-Dar ta’ Santa Marta għas-Sala Pawlu VI sabiex jipparteċipa għal-laqgħat tas-Sinodu tal-Isqfijiet. Fuq kollox nafu li ħa l-isem ta’ qaddis pellegrin, l-isem ta’ San Franġisk ta’ Assisi, u għalhekk anke hawnhekk irid jixbaħ lil dan il-qaddis billi narawh jimxi qalb in-nies fi Pjazza San Pietru u fid-diversi pjazez oħra fejn imur bħala Pellegrin, akkost ir-riskju li jieħu fuq ħajtu.  Dejjem jippreferi li jkun “bħal ragħaj li jimxi qalb il-merħla…tant li jkollu ir-riħa tan-nagħaġ”. Din hija xi ħaġa li togħġob ferm lil Jorge Mario Bergoglio. Meta ġie mistoqsija hekk qal: “Inħoss ferm in-nuqqas li noħroġ bil-libertà nimxi qalb in-nies, nuża t-trasport pubbliku jew immur f’xi pizzerija niekol pizza tajba”.

Nagħtu bidu flimkien għal din il-mixja, isqof u poplu flimkien, din hija l-mixja tal-Knisja ta’ Ruma” hekk kien qal proprju fl-ewwel mument tiegħu bħala Papa minn fuq il-gallerija tal-Barkiet tal-Vatikan f’jum l-elezzjoni tiegħu. L-istess dokument tal-Konċilju Vatikan II jiddefinixxi lill-Knisja bħala “Il-Poplu ta’ Alla miexi qalb il-faraġ ta’ Alla u t-tbatijiet tad-Dinja”. Din hija l-mixja li nistgħu ngħidu bdiet minn Abraham meta bih Alla ta bidu biex jifforma l-Poplu tiegħu, fejn aktar tard f’din il-mixja daħal Kristu, l-Iben ta’ Alla magħmul Bniedem, sabiex ikun jista’ jimxi magħna billi jterraq it-toroq tal-Palestina, “jimxi u jagħmel il-ġid”. Fi Kristu Ġesù issa Alla jimxi magħna u fostna, jgħallimna nimxu hekk kif missier jgħallem lil ibnu jimxi.

In-nisrani jinħtieġ li jimxi, fuq l-eżempju ta’ Abraham u Mosè, jimxi fil-presenza ta’ Ġesù, li jagħtina l-qawwa ta’ l-Ispirtu tiegħu bil-għan li nimxu it-triq tas-sewwa” qal il-Papa Franġisku nhar it-28 ta’ Lulju 2017 f’Caserta, l-Italja. “Li nkunu nsara weqfin jagħmlilna  ħażin, għax dak li hu wieqaf u qiegħed jitnawwar bħall-ilma qiegħed li jinten” kompla jgħid b’insistenza l-Papa Bergoglio.

MIXJA TA’ KONVERŻJONI

Li timxi hija arti, l-arti li tgħinek tħares ‘l quddiem lejn orizzonti ġodda, arti li tibni fik viżjoni billi filwaqt li tgħarbel fejn wasalt,  tħares ‘il quddiem lejn fejn trid tasal akkost l-għejja li tista’ taħkmek matul il-mixja. Ħafna drabi, il-mixja ssir diffiċli”  insista l-Papa Franġisku maż-żgħażagħ nhar is-7 ta’ Ġunju 2013.

Għalkemm ħajjitna kollha hija mixja lejn is-sema pajjiżna, imma aktar w’aktar żmien ir-Randan Imqaddes joffri l-isfida ta’ din il-mixja ta’ konverżjoni, ta’ ‘metanoia’, ta’ penitenza. U hawnhekk proprju l-Papa Franġisku jħeġġiġna u jgħidilna: “Tibżgħux timxu!

Filwaqt li l-Papa Franġisku fil-katekeżi tiegħu jinsisti magħna sabiex inkunu ‘il-Poplu ta’ Alla f’mixja kontinwa’,  jiġbdilna l-attenzjoni sabiex noqgħodu attenti u nagħmlu differenza bejn “il-bniedem li jimxi ‘l quddiem” u “il-bniedem li jimxi imma jibqa’ idur fl-istess post”. L-ewwel wieħed huwa dak li għax huwa miexi qed jagħmel progress, qed jimmatura, qed jikkonverti billi l-ħajja tiegħu ssir dejjem aħjar, qed jersaq kuljum bħas-Slaten Maġi lejn Kristu Salvatur. Filwaqt li tat-tieni, li ħafna drabi jitqarrqu għax jaħsbu li huma miexi imma mhumiex jagħmlu ħaġa oħra ħlief ‘iduru…iduru’ u jibqgħu fl-istess post u għalhekk ma jimxux ‘il-quddiem, ma jikkonvertux, ma jinbidlux. Huma dawk li jagħmlu ħafna proponimenti  imma jibqgħu jagħmlu l-istess dnubiet.

MIXJA TA’ ĦAJJA ĠDIDA

Propju Ġesù hekk kif ħareġ jinawgura l-mixja pubblika tiegħu fostna, ħareġ bl-istedina: “Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju.” Il-konverżjoni, li nindmu minn dnubietna huwa proċess fejn nagħtu bidu għall-mixja ta’ ħajja ġdida, mixja li biha nerġgħu lura kemm fuq livell personali kif ukoll fuq livell komunitarju lejn l-għerqu ta’ l-Evanġelju, lejn Kristu bħala l-Mulej ta’ ħajjitna. L-istess mixja li wettaq l-iben il-ħali fil-parabola tal-ħniena li jagħtina Ġesù trid tkun il-mixja tagħna lejn Dar Missierna… “irrealizza…, daħal fih innifsu…, iltaqa’ miegħu innifsu…, skopra l-istat baxx li kien jinsab fih…, iddeċieda…, qam…, telaq lura…, jitlob maħfra u jilqa’ t-tgħannieqa u l-bewsa tal-Missier. Din hija l-mixja tar-Randan Imqaddes li lkoll kemm aħna qed niġu mistiedna sabiex inwettqu. Mhix mixja ta’ sitt ġimgħat fis-sena, imma hija mixja li trid itul matul ħajjitna kollha. Mixja ta’ konverżjoni kontinwa u permanenti. Mixja fejn il-bniedem jidħol fi proċess fejn kuljum ma jieqafx jibni lilu nnifsu mit-tifrik u l-ħsara li d-dnub iħalli fina; proċess / mixja fejn kuljum ninżgħu mill-bniedem il-qadim, ninħelsu mill-fdal ta’ Adam, mill-ħmira l-qadima, mid-dnub sabiex insiru għaġna ġdida,  nilbsu l-Bniedem il-ġdid li huwa Kristu u b’hekk nirrikonċiljaw lilna nfusna ma’ Alla bir-rebħa totali tagħna fuq id-dnub.

NAWGURALKOM RANDAN QADDIS LI JDAĦĦALNA F’MIXJA TA’ KONVERŻJONI SĦIĦA

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading