Aħbarijiet, L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech 2018

L-Isqof Mario Grech fis-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu fil-Festa tas-Sejħa tal-Madonna Ta’ Pinu


Il-Ġimgħa, 22 ta’ Ġunju 2018: L-omelija li l-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, għamel fis-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu. F’dan il-jum, il-Knisja f’Għawdex iċċelebrat il-Festa tas-Sejħa tal-Madonna Ta’ Pinu. Bil-kortesija ta’ Radju Marija.

Fi tmiem il-Pontifikal Solenni, Ms Maria De Piro ppreżentat lill-Isqof Grech kwadru mpitter minnha li juri ż-Żjara tal-Verġni Mbierka lil Santa Eliżabetta. Din l-għotja lill-Mużew tal-Bażilika saret fl-okkażjoni tal-mitt anniversarju minn meta l-familja tagħha tat l-art lill-Knisja biex fuqha seta’ jinbena s-Santwarju l-ġdid tal-Madonna Ta’ Pinu. Ritratti: Joe Louis Meilak.

ritratti-ta-joe-louis-meilak-1.jpg

ALLA LI JĊEDI GĦALL-BNIEDEM

Meta xi ħadd iċedi quddiem xi ħadd ikbar minnu, ħafna drabi nittimbrawh bħala dgħajjef, beżżiegħi, tellief jew ġifa. Fil-fatt, ħafna jippreferu jkunu determinati, deċiżi, riżoluti.

Meta naqra r-rakkont tat-tieġ ta’ Kana jolqotni l-fatt li Ġesù jċedi għat-talba insistenti ta’ Ommu. Meta Marija titolbu jagħmel xi ħaġa għax kien spiċċa l-inbid, Ġesù jweġibha li kienet għadha ma waslitx is-siegħa li jagħmel il-mirakli. Imma minkejja li kellimha hekk, quddiem il-karba ta’ Ommu, Ġesù jċedi u jibdel l-ilma fl-inbid. Huwa jasal biex iċedi proprju għax huwa qawwi. F’Kana, Ġesù mhux biss iċedi minħabba Ommu, imma wkoll minħabba l-pressjoni li kienet inħolqot f’dak l-ambjent peress li kienet ser titħassar il-festa għax l-inbid spiċċa. Quddiem din il-miżerja, Ġesù jintrebaħ. Il-miżerja umana żżarma l-qalb ta’ Kristu.

Fil-Vanġelu hemm diversi ġrajjiet fejn Ġesù jaqa’ għall-bniedem. Insemmi l-episodju fejn mara Kangħanija (pagana) titlob lil Ġesù jħenn għal bintha li kellha xitan fiha. Ġesù jweġibha li hu kien mibgħut għan-nagħaġ li ntilfu mid-dar ta’ Iżrael u li mhux sew li l-ħobż tal-ulied jingħata lill-ġriewi. Imma meta dik il-mara tkompli tinsisti, Ġesù jwaqqa’ r-reżistenzi tiegħu u jilqa’ t-talba tagħha (ara Mt 15:21-28).

Din id-dgħufija ta’ Alla fir-relazzjoni tiegħu mal-bnedmin mhix rivelazzjoni li nsibu biss fil-vanġeli. Biżżejjed niftakru dak li Alla jistqarr ma’ Mosè: “Jien ħarist u rajt it-tbatija tal-poplu tiegħi fl-Eġittu. U jien smajt il-karba tagħhom minħabba fl-argużini tagħhom u għaraft l-uġigħ tagħhom. Issa nżilt biex neħlishom minn idejn l-Eġizzjani u biex intellagħhom minn dik l-art u neħodhom f’art tajba, f’art tnixxi ħalib u għasel” (Eż 3:7-8).

Dan hu Alla tagħna! Dan hu li għandu jmissilna qalbna aħna u nisimgħu t-tħabbira tal-Vanġelu. Dan iċ-ċediment u dgħufija ta’ Alla huma konsegwenza tal-fatt li Ġesù jħossu mqanqal mill-miżerikordja infinita tiegħu. Peress li meta nitkellmu dwar Alla, ħafna drabi aħna nużaw kriterji mondani, kapaċi nieħdu skandlu meta nisimgħu li Alla huwa dgħajjef. Imma San Pawl stess jitkellem fuq id-“dgħufija ta’ Alla” – huwa jgħid li “l-bluha ta’ Alla hija għarfa iktar mill-bnedmin u d-dgħufija ta’ Alla hija aqwa mill-bnedmin” (1 Kor 1:25). Teologu Protestant, Dietrich Bonhoeffer, jitkellem dwar Alla żarmat mill-qawwa! Huwa jgħid li “Alla huwa dgħajjef u bla saħħa (powerless) fid-dinja u dan huwa l-mod, l-uniku mod, li bih huwa jista’ jieqaf magħna u jgħinna. Kristu jieqaf magħna mhux għax hu omnipotenti, imma għax bid-dgħufija u t-tbatija tiegħu” (Letters and papers from prison, 360).

It-tweġiba għaliex Alla huwa daqshekk dgħajjef fil-konfront tagħna jagħtiha wieħed mill-Missirijiet tal-Knisja, Teodoru minn Ancira, li kien jgħix fis-seklu ħamsa. Huwa jgħid: “Kif jista’ jkun dgħajjef dak li b’kelma waħda ħalaq l-univers? Alla huwa dgħajjef għax refa’ fuqu d-dgħufija tagħna u hekk ġab fit-tmiem id-dgħufija umana”.

Il-Papa Benedettu XVI jgħallimna li Alla jċedi għax għandu qalb paterna: “‘Bħalma jħenn il-missier għal uliedu, hekk iħenn il-Mulej għal min għandu l-biża’ tiegħu’ (Salm 103:13). Iċ-ċkunija tagħna, in-natura umana dgħajfa tagħna, id-dgħufija tagħna jsiru appell għall-miżerikordja ta’ Alla biex din tidher fil-kobor u l-ħlewwa tal-Missier li jgħinna, jaħfrilna u jsalvana” (Udjenza ġenerali, 30 ta’ Jannar 2013).

Santu Wistin jgħidilna li Alla jċedi quddiem it-talb tal-poplu tiegħu. F’Kana, mhux it-talba ta’ Marija kienet li wasslet biex Ġesù waqa’ għaliha? Quddiem it-talba ta’ Marija, li tirrappreżenta lilna lkoll, Alla jċedi. Hekk jagħmel illum! Kif jikkummenta l-Papa Franġisku, “il-qawwa tal-bniedem huwa t-talb u t-talba tal-bniedem umli hija d-dgħufija ta’ Alla (Omelija f’Santa Marta, 16 ta’ Novembru 2013).

Għalhekk, ħa nersqu quddiem dan Alla. Is-soltu ngħidu li għandu qalb kbira, imma llum ngħidilkom li Alla għandu qalbu żgħira, u għalhekk ma jagħmel ebda reżistenza quddiem it-tnehid tagħna.

Jekk aħna xrobna ħafna nbid u dan tant tela’ għal rasna li skirna u bdejna nitfgħu l-ġawhar taħt riġlejna – fost dan il-ġawhar hemm id-don tal-ħajja –, ħa mmorru għand Ġesù bid-diffikultajiet kollha li għandna, bil-konfużjoni kollha li hemm f’moħħna u f’qalbna. Quddiem dan kollu, il-qalb ta’ Alla tinħall. Alla mhux wieħed li jżomm il-ponta, imma jċedi u jgħinna nerġgħu nqiegħdu l-affarijiet f’posthom. Jekk min-naħa l-oħra naqasna l-inbid, fis-sens li naqsuna l-fidi, it-tama u l-karità, ma naqtgħux qalbna. Ejjew immorru għand Ġesù, li mhux ser joqgħod ifittex dak li hu tiegħu, imma jieqaf magħna u jipprovdilna l-ferħ. Niftakru li l-miżerikordja tikkoreġi l-ġustizzja ta’ Alla. Kif semmejt aktar ’il fuq, it-talba tagħna hija d-dgħufija ta’ Alla.

F’din il-ġurnata tant għażiża għall-poplu Malti u Għawdxi, nitolbu lill-Madonna Ta’ Pinu tinterċedi għalina quddiem Binha Ġesù biex iċedi għalina billi jkun ħanin magħna u jagħtina l-faraġ tiegħu.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s