L-Isqof Mario Grech fil-Pontifikal tal-Assunta filgħodu fil-Katidral t’Għawdex

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa, 15 ta’ Awwissu 2018: L-omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fis-Solennità tal-Assunta, waqt il-Pontifikal ta’ filgħodu fil-Katidral ta’ Għawdex.

Bil-kortesija ta’ Radju Katidral.

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/485931096″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” width=”100%” height=”100″ iframe=”true” /]

IS-SIGRIET TAL-PAĊI SOĊJALI HU ĠESÙ

Jekk fil-ħajja hemm ħafna xi jtaqqlilna moħħna u jsewdilna qalbna, jekk kulma jmur qed nintebħu li qed joktru l-limitazzjonijiet umani u morali tagħna, jekk madwarna naraw sinjali ċari ta’ tmermir tal-istess qafas familjari, soċjali u ekkleżjali, illum Santa Marija tagħmlilna l-qalb għaliex hija “oħtna” li rreżistiet għal dawk l-elementi li għandhom qawwa li teqred u tagħmilna trab! Santa Marija hija xhieda mill-aqwa li l-bniedem kapaċi jwaqqaf dan il-proċess ta’ tmermir. Santa Marija qed tgħidilna li ħajjitna mhix destinata li jkollha tmiem assurd jew hija mmexxija minn qawwiet fatalisti, imma teżisti esperjenza li tgħinna negħlbu kull għamla ta’ mewt.

Għax għalkemm Marija ntlaqtet mill-minġel tal-mewt, keffnuha u difnuha; għalkemm kienet fil-qabar u għalhekk f’ambjent ikkaratterizzat mit-tħassir u t-tmermir, kien hemm xi ħadd li żammha sħiħa, libbisha bil-qawwa u ħariġha rebbieħa fuq il-mewt. Is-sigriet tar-rebħa li għamlet Marija huwa Ġesù Kristu! Għax emmnet fi Kristu, dik li l-mewt kellha ttemmha, temmet il-mewt; dik li kulħadd kien qata’ qalbu minnha, imliet bit-tama lill-kotra.

Din hija l-bxara t-tajba li nitlob ’l-Assunta twasslilna llum, is-Solennità tal-Għid tagħha.

Min minna ma jafx x’inhu t-tmermir tal-ħajja? Hawn min qed jara ħajtu ddub bħal xemgħa għaliex mittiefes bil-mard. Hawn min iħossu mifluġ iġorr il-piż taż-żwieġ u tal-familja. Hawn min jixtieq li jidlam u ma jsebbaħx għax il-ħajja qed tagħtih wisq fuq wiċċu jew wiċċha. Hawn min għamlulu ħajtu frak minħabba xi inġustizzja, vendikazzjoni, jew abbuż. Hawn min ma jiflaħx aktar għaz-zekzik, it-taqtiq, il-kalunnji, it-tagħjir u lsien in-nies. Hemm dawk li qed jixorbu l-kalċi morr tas-solitudni u jħossuhom mitluqin anki minn uliedhom. Veru hawn il-ġid, imma hawn ukoll min m’għandux ħatab biżżejjed biex inajjar. Fuq in-naħa l-oħra, kif semmejt fl-aħħar Ittra Pastorali, “minkejja li l-kotra għandhom geddumhom fix-xgħir, ħafna jħossu l-vojt u, ipalaw kemm ipalaw, ma jirnexxilhomx ikunu kuntenti”. Imbagħad hemm ukoll dawk li minħabba xi żball li setgħu għamlu fl-imgħoddi, la jistgħu jaħfru lilhom infushom u lanqas isibu maħfra!

Din hija l-ġrajja ta’ ħafna! Dan huwa l-polz tas-soċjetà tagħna! Dan hu tmermir personali u soċjali. Tmermir morali li għandu għeruqu kemm fil-kuxjenzi u kemm fis-sistema! Mhux qed insemmi dawn l-esperjenzi biex inħassar il-festa, imma, għall-kuntrarju, għax nixtieq li possibbilment ilkoll nagħmlu festa u niftħu qalbna għall-grazzja li Alla qed jagħtina f’dan il-jum kbir ta’ Santa Marija!

Il-kawża prinċipali ta’ dan it-tħassir mhix xi kriżi ekonomika jew għax Alla ġabar it-tinda u mar jgħammar f’post ’il bogħod minna. Imma l-għerq ta’ kollox huwa li aħna ġejna naqgħu u nqumu mill-fatt li Alla ngħata l-ġenb. Il-vera kriżi li qed tħalli marka fuq kull aspett tal-ħajja hija kriżi morali u spiritwali. Fil-fatt, il-marda li qed twassalna għall-mewt hija l-indifferenza: spiċċalna l-gost li nfittxu r-raġuni għaliex qegħdin ngħixu. Ġralna bħal-Lhud li l-veru eżilju tagħhom fl-Eġittu beda meta huma tant draw jgħixu bħala skjavi f’art barranija, li ma baqgħux jixxennqu għal art twelidhom! Aħna llum tant drajna ngħixu daqslikieku Alla mhux hemm, li f’qalbna mewwitna x-xewqa għalih. Ma għadniex imxennqin għal Alla! Għalina din hija l-kriżi epokali: ħafna ma għadhomx iħossu l-baħħ ta’ Alla! Kif jinnota t-teologu Dietrich Bonhoeffer, “meta fil-ħajja ma jibqa’ xejn sod, jiġi nieqes il-fundament tal-istorja, jiġifieri l-fiduċja. U meta ma jkollniex fiduċja fil-verità, nibdlu l-verità mal-kliem vojt tal-propaganda; meta ma jibqgħalniex fiduċja fil-ġustizzja, nibdew insejħu tajjeb u ġust dak kollu li jkun jaqblilna. Din hija s-sitwazzjoni fl-epoka ta’ vera u proprja dekadenza” (Etica, 91).

Meta l-Imperu Ruman kien qabad it-triq għan-niżla u beda jitfarrak, ħafna ppuntaw subgħajhom lejn il-Barbari bħala kawża tal-kriżi. Imma Santu Wistin kellu interpretazzjoni oħra: flok ma waħħal fil-Barbari, li fihom lemaħ elementi pożittivi, ir-raġuni għaliex Ruma niżlet għarkupptejja kienet għaliex ir-Rumani stess kienu jippreferu l-vanità flok il-verità! Ir-Rumani kienu kuntenti b’qoxra sabiħa u ftit kien jimpurtahom mit-tħassir ta’ taħt il-qoxra; kienu jippreferu jduru bil-maskra: minn barra jidhru mod biex jintgħoġbu ma’ ta’ madwarhom, imma taħt il-maskra r-realtà kienet differenti għalkollox. Kienu jgħixu f’gidba. Il-vanità hija kollox barra l-verità. Min-naħa l-oħra l-verità hija dik li tqabbel l-għażliet mal-valuri etiċi permanenti. F’konfront mad-dinja li kienet nieżla fil-qiegħ, Santu Wistin kien jara l-id ta’ Alla li ried jibni belt eterna u glorjuża mhux bis-saħħa tal-vanità, imma skont is-sewwa (ara De Civitate Dei, II, 18,3).

Din ir-riflessjoni ta’ Santu Wistin tgħinna ħafna biex nifhmu l-qagħda tagħna llum. Ħafna drabi aħna nwaħħlu fil-‘Barbari’ ta’ żminijietna li huma l-kawża tat-tħassir; imma jistax ikun il-każ li aħna għamilna għażla favur “ċiviltà tal-maskra” – kuntenti b’qoxra sabiħa u ftit jimpurtana mit-tħassir li hemm taħt il-qoxra? Dan inħoss li japplika għalina kemm bħala soċjetà u kemm bħala Knisja!

Għalina li nemmnu, il-verità mhix formuli jew asserzjonijiet, imma hija persuna: Ġesù Kristu. Ġesù nnfisu qalilna: “Jien it-triq, il-verità u l-ħajja” (Ġw 14:6). Il-verità ma nitgħallmuhiex, imma niltaqgħu magħha – meta niltaqgħu mal-persuna ta’ Ġesù. Fi kliem il-Papa Franġisku, ma nsirux nafu lil Ġesù billi “nistudjaw” il-Katekiżmu, imma fit-talb. Forsi dan huwa difett fis-sistema kateketika tagħna: li nitgħallmu l-verità bl-amment mingħajr ma nitgħallmu nitolbu! It-teologi l-kbar huma kbar mhux għax kellhom ras kbira, imma għax kienu jinżlu għarkupptejhom fil-preżenza ta’ Alla. Huwa meta nagħmlu esperjenza ta’ Ġesù li jħobb, li jaħfer, li jħenn, li jagħder, li jbati magħna u għalina, li aħna nduqu xi tfisser l-imħabba, il-maħfra, il-ħniena, il-mogħdrija… Huwa għalhekk li fl-Ittra Pastorali jien għidt li “nħoss li fostna, ħafna minna nafu dwar Ġesù, imma ma tgħallimniex ’il Kristu”. (Tajjeb ngħid li qatt daqs din id-darba ma kellmuni nies dwar l-Ittra Pastorali ta’ dawn il-jiem. Dan ifisser li n-nies tagħna taf tqiegħed il-ħobż ħdejn ħalqha! Huwa aħna s-saċerdoti li rridu nagħtu lin-nies ikel li jibqa’ għal dejjem. Nibża’ li jekk ma nagħmlux hekk, ’il quddiem in-nies għad tikkundannana).

Huwa biss min ġarrab xi tfisser l-imħabba, il-ħniena, l-għożża, l-għajnuna ta’ Ġesù li mbagħad kapaċi jħobb, iħenn, jaħfer u jgħin. Min biss sema jew qara dwar Ġesù imma ma ġarrabx, għadu ma ltaqax mal-Imħabba, mal-Ħniena, mal-Providenza.

Hija biss din ir-relazzjoni mill-qrib ma’ Ġesù li tħarisna milli nagħżlu l-vanità (l-apparenza) flok il-verità. Meta Ġesù jkun tassew parti minn ħajjitna, allura mhux biss aħna ma nitħassrux, imma nkunu preżenza pożittiva fis-soċjetà u nagħtu sehemna biex jitrażżan it-tmermir soċjali. Nisrani tajjeb huwa ċittadin tajjeb. Għalhekk l-Insara huma riżorsa għall-pajjiż, għax frott it-twemmin tagħhom huma jgħinu biex jitkattar il-ġid u tiġi mrażżna kull għamla ta’ mġiba diżordinata bħalma hija l-vjolenza, is-serq, l-inġustizzja. Ġesù huwa r-raġuni biex ikollna paċi familjari u soċjali. Huwa fatt li hemm Insara li jiżbaljaw, imma b’daqshekk mhux l-Insara kollha huma għar-rimi. Ġesù huwa antidotu jew ir-rimedju kontra s-suppervja, ix-xeħħa, l-għira, l-għadab u ż-żina, u dak kollu li jdallam il-kuxjenza u kapaċi jibdlilha l-kapaċità li tagħżel sewwa bejn it-tajjeb u l-ħażin (ara KKK, 1865-1866). Fi kliem ieħor, Kristu huwa s-sigriet li bih nistgħu nħallu impatt fuq is-soċjetà u nsiru l-qalb tagħha (ara Ittra lil Djonjetu, kap. 5-6).

Dan kollu huwa kkonfermat fl-Assunta. Marija ġiet imtellgħa s-Sema bir-ruħ u l-ġisem proprju għax kienet ħaġa waħda ma’ Kristu. Kif, fi kliem it-teologu Karl Barth, “Alla, bil-qawmien ta’ Kristu, għamel brake lill-mewt tal-bniedem”, Marija, li hija “bint Binha”, bl-Assunzjoni tagħha hija l-brake ta’ dak kollu li jista’ jkasbar il-ħajja tagħna.

Għalhekk nitolbu lil Santa Marija tlaqqagħna ma’ Ġesù. Kif jgħid il-Papa Franġisku, id-devozzjoni lejn Marija mhix xi galatew spiritwali, imma hi bżonn għan-Nisrani (9 ta’ Mejju 2018). Għax min aqwa minn Omm Kristu jista’ jurina t-triq għal għand Ġesù? Marija mhux biss turina lil Ġesù, imma hija mudell kif nagħmlu r-rieda ta’ Ġesù. Devozzjoni Marjana li ma twassalniex għand Ġesù hija devozzjoni falza.

Għalina l-Festa ta’ Santa Marija hija l-isbaħ manifestazzjoni tad-devozzjoni ta’ ġensna lejn Marija. Meta llejla Santa Marija tgħaddi mit-toroq ta’ beltna merfugħa fuq l-ispallejn wiesgħa tal-fratelli, nilmaħ numru bla għadd ta’ għajnejn idemmgħu mwaħħlin fuqha u hemm jintebħu li għajnejn Marija wkoll huma miksura għax tkun qed tfittixhom. Jien konvint li f’dak il-waqt ħafna minn taħt l-ilsien jiftħu qalbhom magħha u jirbulaw fuqha t-tħassib ġenwin tagħhom. Naf li d-diffikultajiet li jtaqqlulna qlubna huma ħafna, imma l-akbar għawġ għalina jkun jekk ninsew lil Ġesù Kristu! Għalhekk illum ingħaqdu miegħi f’talba ħerqana lil Santa Marija biex Kristu jkun il-qofol tal-ħajja tagħna.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading