Lectio Divina tat-23 Ħadd. Sena “B”

Print Friendly, PDF & Email

Vanġelu (Mk 7, 31-37): Il-Ħadd li għadda rajna lil Ġesu jeħodha kontra l-Iskribi u l-Fariżej, u jistqarr li r-riti esterni li vvintaw huma ma jogħġbux lil Alla, u li l-bidla fil-qalb iġġib il-purita’ u mhux il-ħasil tal-idejn.  Wara, daħal id-dar u kompla jiddiskuti mad-dixxipli, u fl-aħħar mat-tnax.  Ġesu żgur kien diżappuntat bid-dixxipli li telquh.  Għalhekk telaq ‘il barra u mar waħdu lejn l-inħawi ta’ Tir u Sidon fit-Tramuntana. Hawn iltaqa’ mal-mara Kananija. Għalkemm pagana, għaġġbet lil Ġesu bil-fidi li kellha. Wara, reġa’ lura imma, minn flok ġibed lejn Kafarnahum, mar in-naħa l-oħra tal-Baħar tal-Galilija, fl-inħawi pagana tad-Dekapoli.

Qisu Ġesu kellu bżonn pawsa mill-moħħ magħluq tal-Lhud. Tajjeb li niftakru li Ġesu trabba bir-riti u t-tagħlim tar-rabbini, e.g. li l-pagani huma mpuri. Meta kiber u ltaqa’ mal-Kananija, l-Ispirtu nebbħu li jekk tmiss pagan, mejjet jew lebbruż mhux se titniġġes. U min jibqa’ jemmen hekk ifisser li għadu ma rċeviex il-Kelma t’Alla li hi verita sħiħa.

  1. “U ġabulu wieħed trux u mbikkem.” Ġesu qiegħed f’art pagana fejn f’Ġeraża kien keċċa leġjun xjaten minn wieħed raġel. (Niftakru li dawn mhux xjaten b’dembhom twil, imma dawk il-forzi fina li jagħmluna nġibu ruħna ta’ lpup: egoiżmu, suppervja, eċċ). Fejn jersaq Ġesu bil-Kelma Tiegħu, jaħarbu x-xjaten. “Imbikkem”, i.e. mhux mutu għal kollox, imma jitkellem b’diffikulta, jlaqlaq. Mark juża’ l-kelma moħillanos li nsibuha darb’oħra biss fil-Bibbja, i.e. meta Iżaija jippreżenta l-Lhud li spiċċaw skjavi f’art pagana għax kienu torox għall-Kelma t’Alla u ma kinux ħlief ilaqalqu xi ħaġa żgħira dwarha. “Għandhom widnejn u ma jisimgħux” (Ġeremija, Eżekjel). “Għad jiġi jum meta l-widnejn tat-torox jisimgħu il-kliem tal-Ktieb, u l-għajnejn jinfetħu beraħ” (Isaija). Mela Mark qed juża moħillanos biex ifakkarna fil-pagani jew f’dawk il-Lhud influwenzati minn mod ta’ ħajja pagana, kif ġralhom il-Lhud fl-Eġittu. Hekk jiġrilna aħna jekk inkunu torox għall-Kelma t’Alla: ngħixu bħal bqija tad-dinja, nagħmlu kif jagħmel kulħadd dwar sess, ġustizzja, rispett lejn il-ħajja, eċċ. Nispiċċaw biex niġġustifikaw lilna nfusna billi nlaqalqu xi vers mill-Bibbja meħud barra mill-kontest tiegħu. Mentri, kieku nisimgħu sew bis-sħiħ il-Kelma t’Alla , nkunu nistgħu nitkellmu sew fuqha.
  2. “U ġabulu wieħed trux u mbikkem.” Dar-raġel ma ġiex minn rajh għax ma semgħax fuq Ġesu u x’seta’ jagħmel għalih. Ħbieb u familjari ressquh lejn Ġesu. Anki llum, min hu ‘l bogħod minn Ġesu, għax jaħseb li jista’ jfendi għar-rasu, ikollu bżonn xi ħadd li jimpurtah minnu, medjatur, li jaqbdu minn idu u jieħdu għand Ġesu. Dawn li jakkumpanjaw it-trux biex iħeġġuh jiftaħ widnejh għall-Kelma ta’ salvazzjoni huma l-anġli tal-lum.  Din il-Kelma se tgħinu biex jagħmel għażliet tajbin favur il-ħajja.  Huma dawn l-anġli li ġa gawdew mill-effett tal-Kelma f’ħajjithom, u li issa jakkumpanjawh bit-talb. Issa jitolbu wkoll lil Ġesu biex iqiegħed idu fuqu.
  3. “Ġesu ħarġu għalih waħdu minn qalb in-nies.” Dal-miraklu nistgħu neħduh bħala parabbola li tgħallimna kif inkunu anġli għal min hu trux. Ma ngħajtux miegħu jew ngħajruh, imma niħduh ‘il bogħod minn ċerta mentalita’ u ċertu persuni li jkomplu jtambrulu fuq il-valuri u l-prinċipji tad-dinja l-qadima, u li għadhom taħt l-influwenza tal-media u r-riklamar sfrenat. Dawn jimxu bil-prinċipju: “U mhux kulħadd qed jagħmel hekk?” Għalhekk Ġesu, lit-trux tas-silta tal-lum, “ħarġu għalih waħdu.”
  4. “Daħħal subgħajh f’widnejh.” Is-sħaħar pagani kienu jagħmlu hekk biex jippruvaw ifejqu lit-torox. Ġesu jagħmel l-istess ġest biex ifakkar il-Lhud fil-qawwa tas-sebgħa t’Alla. Dawn huma ġesti li fihom sinifikat qawwi. Meta s-sħaħar tal-Farawni raw x’għamel Mose’, qalu: “Dan hu s-sebgħa t’Alla.” F’Luqa nsibu lil Ġesu jgħid: “Jien inkeċċi x-xjaten bil-qawwa tas-sebgħa t’Alla.” Din hi qawwa li ġejja mis-sema. Fil-Magħmudija, is-saċerdot imiss widnejn it-tarbija u jgħid: “Ġesu li fejjaq it-torox itik il-grazzja li malajr tibda tisma’ l-Kelma t’Alla biex b’hekk tkun tista’ tistqarr il-Fidi tiegħek.”
  5. “Messlu lsienu bir-riq tiegħu.” Fil-kunċett Lhudi, ir-riq hu simbolu tan-nifs u tar-ruħ tal-bniedem. Ilsien pagan jitkellem b’mod li jirrifletti x-xjaten li jmexxuh. Imma meta r-riq (i.e. l-Ispirtu) ta’ Ġesu jmiss dan l-ilsien, allura jibda jitkellem mod ieħor, b’lingwaġġ ta’ wieħed li fetaħ widnejh għall-Vanġelu, għall-imħabba, djalogu u maħfra. “Refa’ għajnejh lejn is-sema,” biex juri li dal-miraklu se jseħħ b’qawwa li ġejja mis-sema.
  6. “Tniehed tnehida.” Hawn ħafna modi biex ninterpretaw din is-sentenza. Nieħdu eżempju wieħed:  meta ġenituri jkunu jridu jiftħu widnejn uliedhom għall-Vanġelu u jsibuha diffiċli, jitniehdu tnehida quddiem ir-ras iebsa li jħabbtu wiċċhom magħha. Alla biss jista’ jfejjaq dan in-nuqqas ta’ smiegħ. Imbagħad il-proposta tiegħu tinżel fil-qalb. Dawn id-dettalji huma mniżżlin biex juru l-importanza tal-komunikazzjoni l-ġdida għal dawk li jiftħu widnejhom għall-Vanġelu.
  7. “Effata,” infetaħ! Kmand biex jinfetħu mhux biss il-widnejn imma wkoll il-bibien ta’ qalbna għall-ħajja ġdida. “Widnejh infetħulu, l-irbit ta’ lsienu nħall, u beda jitkellem sewwa.” Ġesu kellu suspett li min ra dal-miraklu se jieqaf hemm, i.e. il-fejqan tas-smiegħ u l-ilsien biss. Għalhekk wissiehom biex ma jgħidu lil ħadd. Iżda huma jikkwotaw il-Ġenesi, wara l-ħolqien tad-dinja u kulma fiha: “Kollox għamel tajjeb.” U issa ferħanin jistqarru li minħabba dawk li se jisimgħu il-Vanġelu se jkun hawn ħolqien ġdid, dinja ġdida. Meta wieħed jiftaħ għajnejh u ħalqu jiġifieri li jkun infetaħ għad-djalogu mal-ieħor. Aħna l-Insara kollha jiħtiġilna niftħu widnejna sew għall-Vanġelu biex inkunu nistgħu niftħu djalogu sinċier ma’ kulħadd, mal-familji, komunitajiet, eċċ. Jekk inħallu ħafna raġunar tad-dinja tal-lum, tradizzjonijiet u devozzjonijiet joħonquna, nispiċċaw inlaqalqu xi ħaġa żgħira fuq il-Vanġelu. Għandna bżonn Knisja li tisma’ biex jirnexxielha ssib soluzzjonijiet ġodda għall-problemi ġodda.

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernando armellini

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading