Is-Salib jgħallimna ma nibżgħux mit-telfiet għax wara hemm ir-rebħa

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa 14 ta’ Settembru 2018. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Is-Salib ta’ Ġesù jgħallimna li fil-ħajja hemm il-falliment u r-rebħa, u biex ma nibżgħux mill-waqtiet koroh li jistgħu jiddawlu proprju mis-Salib, rahan tar-rebħa ta’ Alla fuq il-ħażen.  Ħażen, Satana, li hu mirbuħ u marbut bil-ktajjen, imma li għadu jinbaħ u, jekk tersaq lejh, jeqirdek.

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=spweH0fHp88?rel=0&w=560&h=315%5D

Dan kien il-ħsieb ewlieni tal-Papa Franġisku waqt l-omelija li għamel illum, festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib, fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

Meta nikkontemplaw is-Salib, is-sinjal tan-Nisrani, ifisser li qed nikkontemplaw sinjal tellief, imma fl-istess waqt sinjal ta’ rebħa.  Fis-Salib hemm il-falliment ta’ dak kollu li Ġesù kien għamel matul ħajtu; miegħu tintemm kull tama tan-nies li kienu jmorru warajH.  Aħna m’għandniex għalfejn nibżgħu li nikkontemplaw is-Salib bħala waqt ta’ telfa, ta’ falliment.

Fit-tieni qari, Pawlu, qal il-Papa Franġisku, għandu kliem qawwi hu u jirrifletti fuq il-misteru ta’ Ġesù Kristu: jgħidilna li Ġesù tneżża’ minn kollox, sar xejn.  Ħa fuqu d-dnub tagħna, id-dnubiet tad-dinja kollha.  Sar ‘tapit’, ikkundannat.  Pawlu ma beżax jurihielna dit-telfa u dan ukoll jista’ jitfa’ xi ftit dawl  fuq il-waqtiet koroh tagħna, il-mumenti tat-telfiet tagħna.  Imma s-Salib hu wkoll sinjal ta’ rebħ għalina l-Insara.

Fil-Ktieb tan-Numri, fl-ewwel qari, insibu rakkont tal-Eżodu li fih il-poplu Għebrajk kien qed igemgem minħabba li s-sriep kienu qed joqtlu n-nies.  Dan ifakkarna fis-serpent l-antik, Satana, l-Akkużatur il-Kbir.  Imma l-Mulej jgħid lil Mosè li s-serpent li kien qed iġib il-mewt, għad jintrefa’ u jġib is-salvazzjoni.

Din hi profezija, osserva Bergoglio.  Infatti Ġesù, li sar dnub għalina, rebaħ lill-awtur tad-dnub, għeleb lis-serp.  Nhar il-Ġimgħa l-Kbira Satana kien tant hieni li lanqas induna bin-nassa storika li kien se jaqa’ fiha.

Kif jgħidu l-Missirijiet tal-Knisja, Satana ra lil Ġesù tant imċerċer, imbiċċer, u, bħal ħuta mġewħa, attakka l-lixka, mar hemmhekk u bela’ lil Ġesù.  Imma f’dak il-ħin hu bela’ wkoll id-divinità ta’ Ġesù u b’hekk Satana nqered darba għal dejjem.  Dak il-ħin is-Salib sar sinjal ta’ rebħa.

Ir-rebħa tagħna hi s-Salib ta’ Ġesù, issokta l-Papa, rebħa fuq l-għadu, is-serpent l-antik, l-Akkużatur il-Kbir.  Aħna salvajna bis-Salib, saħaq Franġisku, b’dik il-mixja li Ġesù ried jagħmel sa ma wasal fil-qiegħ nett, imma bil-qawwa tad-divinità.  Ġesù jgħid: ‘Meta nkun merfugħ, niġbed lil kulħadd lejja.’

Ġesù mgħolli u Satana meqrud.  Għalina, is-Salib ta’ Ġesù għandu jiġbidna lejH: inħarsu lejH għax itina l-forza biex nibqgħu għaddejjin.  U s-serpent l-antik, mirbuħ, meqrud, għadu jinbaħ, għadu jhedded, imma, kif kienu jgħidu l-Missirijiet tal-Knisja, hu kelb marbut bil-ktajjen: tersaqx lejh u ma jigdmekx.  Imma jekk inti tmur biex tmellsu, qiesu xi ġeru, lesti ruħek li se jeqred lilek.

Ħajjitna miexja ‘l quddiem flimkien ma’ Kristu rebbieħ u rxuxtat, li bagħtilna l-Ispirtu s-Santu, imma ma’ dan għandna wkoll dak il-kelb imxekkel bil-ktajjen li m’għandix nersaq lejh għax inkella jigdimni.

Dan jgħallimna s-Salib, issokta l-Qdusija Tiegħu: fil-ħajja hemm il-falliment u r-rebħ.  Għandna niksbu l-ħila li nittolleraw it-telfiet, li nġorruhom bil-paċenzja, anke t-telfiet ta’ dnubietna, għax Hu ħallas għalihom.

Nittollerawhom fiH, nitolbu maħfra fiH, imma qatt ma nħallu lil dal-kelb marbut bil-ktajjen isaħħarna.  Ikun sabiħ kieku llum insibu 5, 10 jew 15-il-minuta biex noqogħdu quddiem Kurċifiss, anke dak tal-kuruna tar-Rużarju: inħarsu lejH.  Hu s-sinjal tat-telfa tagħna, li jipprovoka persekuzzjonijiet li jkissruna, imma Huwa wkoll is-sinjal tar-rebħa għax Alla rebaħ permezz tiegħU.

Miġjub mt-Taljan għall-Malti minn Joe Huber

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading