Lectio Divina għall-25 Ħadd. Sena “B”

Vanġelu (Mk 9, 30-37): Biex Mark jippreżenta il-persuna ta’ Ġesu Kristu, jirrakonta vjaġġ mill-Galilija sa Ġerusalem. Se jimxu warajh l-appostli, li m’għażilhomx biex jgħallimhom xi duttrina biex imbagħad joqogħdu jirrepetuha.  Sejħilhom biex jagħmlu l-għażla ta’ ħajja li għażel Hu.  Din ħajja bi proġetti differenti ħafna milli kienu mdorrijin isegwu.  

Ġesu’ hu l-Bniedem il-Ġdid li se jagħti bidu għal dinja ġdida.  Huma kellhom jakkumpanjawh biex jisimgħu dak li jgħid u jaraw dak li jagħmel: “It-torox jisimgħu, l-għomja jaraw u l-fqar jilqgħu l-Aħbar Tajba”.  Għalkemm kien imdawwar mit-tnax, Ġesu’ spiss kien iħossu waħdu għax moħħhom u qalbhom kienu għadhom ‘il bogħod mix-xewqat tiegħu.  Kienu ma’ Ġesu’ għax kienu jittamaw li permezz tiegħu jwettqu l-proġetti personali tagħhom. Anki llum xi wħud huma Nsara b’din l-intenzjoni xejn retta.  Illum aħna lkoll mistednin nagħmlu dan il-vjaġġ ma’ Ġesu’ billi nsegwu bir-reqqa dawn is-siltiet minn Mark biex nitgħallmu dak li qal Ġesu’.

  1. Il-Ħadd li għadda rajna lil Ġesu’ jikxef l-identita’ tiegħu ċar u tond.  Kien jaf li ma kienx faċli għall-appostli biex jaċċettaw kliemu.  Allura llum jerġa’ jaqbad l-istess argument għax riedhom jikkommettu ruħhom kompletament.  Inkella r-relazzjoni tagħhom miegħu se tkun bħal tal-koppja miżżewġa li jgħixu separati taħt l-istess saqaf, għax ma jpoġġux iż-żwieġ u l-imħabba qabel kollox.  Għalhekk Ġesu’ “ma ried ‘il ħadd ikun jaf” fejn sejrin għax ried ikellimhom weħidhom.  Bħall-koppja fi kriżi, biex jiddiskutu apertament, ikollhom bżonn tal-privacy biex ikun hemm aktar ċans li jfejqu l-ġrieħi tagħhom.  Li se jgħid Ġesu’ lit-tnax jgħodd għalina wkoll.
  2. Ġesu’ jerġa’ jirrepeti li se jagħti ħajtu, mhux għax l-appostli ma fehmuhx, imma biex jara r-rejazzjoni u l-oġġezzjonijiet tagħhom u jiftaħ diskussjoni taħraq – anki jekk jaslu biex jillitigaw, kif ġa rajna lil Pietru jagħmel, għax b’hekk joħroġ fil-beraħ kulma għandhom f’qalbhom.  Fuq dan aħna rridu nirriflettu, p.e. f’hiex jien fl-egoiżmu tiegħi? Kemm qed inħallieh ifixkilni milli mmut għall-oħrajn, i.e. inpoġġi l-ħtiġijiet tal-oħrajn qabel tiegħi? Qed nirrejalizza li dan hu l-essenzjal tal-proposta ta’ Ġesu’?  Jew nikkuntenta b’devozzjoni ‘l hawn u novena ‘l hinn biex naqla’ xi grazzja?  Dawn ħwejjeġ tajbin imma ma nistax nieqaf hemm biss.
  3. “Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-bnedmin.” Ġa rajna li “Bin il-bniedem” ifisser l-Adam il-ġdid li se jibda dinja ġdida, bniedem immexxi mhux mill-istinti umani imma mill-Ispirtu, mill-imħabba. Se jingħata f’idejn il-bnedmin li ma jriduhx għax iridu jipperpetwaw il-bniedem il-qadim.  Min se jieħu ‘l Ġesu’ u jagħtih (jikkonsenjah) lill-bnedmin?  Mhux Ġuda, għax dan tah f’idejn il-qassisin il-kbar.  Hu l-Missier Etern li ta l-Ħaruf f’idejn l-ilpup.  L-unika mod biex tinħoloq dinja ġdida ma kienx li jibgħat lupu  aktar qawwi biex jiżbrana l-ilpup l-oħra  imma ħaruf.  Nafu d-destin ta’ ħaruf f’nofs l-ilpup.  Il-Missier ta ‘l Ibnu f’idejn il-bnedmin biex isalvahom mill-istinti brutali tagħhom.  Din hi l-isbaħ immaġini tal-Missier Etern, għax, min iħobb, jerħi ruħu f’idejn dawk li jħobb (aħna).   Dan hu l-oppost ta’ dak li naħsbu li hi l-quċċata tas-suċċess, i.e. li jkollna kemm nifilħu nies taħtna biex jagħmlu x-xewqat tagħna.  Dan hu poter u anti-mħabba. 
  4. “Wara tlett ijiem iqum mill-mewt.”  Dawk li qatluh ħasbu li kisbu vittorja għax ħelsu minnu.  Hawn hi s-sorpriża: il-mewt ġiet megħluba mill-imħabba, għax l-imħabba biss tista’ tirbaħ fuq il-mewt.  Ħafna jaħsbu li, biex iżommu l-mewt ‘il bogħod minnhom, iridu jrekknu kemm jifilħu biex jgħixu ħajja tajba u komda.  Imma hekk, il-ħajja jitilfuha mhux isalvawha: “Min isalva l-ħajtu, jitlifha.”  Min jgħaddi ħajtu bħala servizz għall-oħrajn isalvaha.  Kliem Ġesu’ kien ċar, imma t-tnax ma setgħux jaċċettawh għax  kien ‘il bogħod mill-mod kif  kienu jaħsbuha, u mill-kriterji u l-ħolm tagħhom.  X’loġika hi din li trid tkun dejjem tellief u seftur?  Biex aħna naċċettaw dal-kiem irridu bħat-tnax ngħaddu minn proċess, kull tant iebes.  Min jaċċettah malajr aktarx li jkun għamel konverżjoni superfiċjali li ma ddumx wisq.  Mhux l-appostli qagħdu jsaqsu lil Ġesu’ immu hu qagħad jara jislitx tweġibiet tajbin.  Aħna wkoll irridu nħallu l-Vanġelu jipprovokana bid-domandi biex naslu għal tweġiba pożittiva.
  5. “X’kontu qed titħaddtu bejnietkom fit-triq?”  Iżda huma baqgħu siekta, mhux għax stħaw, imma għax ma ridux jibdlu l-fehma l-antika ta’ min hu l-bniedem li jirnexxi. F’moħħhom kien għaddej dan il-ħsieb: “Ġesu’ qal xi ħaġa, imma issa ninsewha u nerġgħu għalli konna.”  Din forma ta’ xitan li tittanta lit-tnax biex jibqgħu torox u muti, ma jridux jisimgħu dal-kliem u ma  jsaqsux aktar kjarifiki.  Dan xitan tas-suppervja li jinċitahom biex ifittxu l-poter u l-ewwel post.  Biex jaslu għal dan jilletikaw u, kieku ma kienx hemm Ġesu’, kienu anki jiġu fl-idejn.  Dan l-istess xitan ittanta ‘l Ġesu’ ħajtu kollha, joffrilu l-poteri tad-dinja.  Ġesu’ għelbu u issa jeħtieġ li jkeċċieh mill-imħuħ tal-Appostli. Dan huwa istint li għandna aħna lkoll, li nfittxu li nkunu superjuri biex inħossuna aħjar.  Dan l-istint tahulna Alla biex aħna nħossuna kbar imma f’għajnejh mhux f’għajnejn il-bnedmin. “Irridu ntellqu u niġu l-ewwel fl-imħabba, fl-ospitalita’..” (S. Pawl).  Ġesu’ qed jgħid li biex nagħmlu hekk irridu nagħmlu l-oppost ta’ dak li l-bnedmin iqisu kburija.  Din ma togħġobniex u għalhekk nirrejaġixxu.   Ġesu’ poġġa bilqiegħda, i.e. se jagħti lezzjoni importanti u ried l-appostli attenti ħafna. “Sejjaħ lit-tnax” mhux għax kienu ‘l bogħod imma għax moħħhom kien imxerred.   Ma għajjatx magħhom għax kien jaf li mhux faċli għalihom jifhmu dat-tagħlim mill-ewwel.
  6. “Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel għandu joqgħod …seftur ta’ kulħadd, kemm ħbieb u kemm min weġġgħek.”  U ressaq lejh tfajjel ċkejken, i.e. wieħed li fis-soċjeta’ ma jiswa xejn, bħall-fqar, emarġinati, eċċ. “Qiegħdu f’nofshom” i.e. “dan hu eżempju ta’ x’għandu jkun iċ-ċentru tal-attenzjoni tagħkom”.  Ħaddnu miegħu, i.e. aċċettah kif inhu. “Min jilqa’ nies bħal dan it-tfajjel, ikun qed jaċċetta l-proposta tiegħi li fdali f’idejja il-Missier.”

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernando armellini   

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading