L-Evanġelju tat-Tnejn 17 ta’ Settembru 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Lq 7, 1-10

Diġa mhux tas-soltu li ċenturjun ruman ikollu qaddej, jew ilsir, kif probabbli kien, li jkun daqshekk għal qalbu. Iċ-ċenturjun kien suldat afdat bit-tmexxija ta’ mitt suldat. Ħafna drabi din it-tmexxija kienet tfisser id tal-ħadid, iktar u iktar meta mitt raġel ikunu f’pajjiż barrani ’il bogħod minn pajjiżhom u nieshom għal żmien twil. Is-sitema militari tar-Rumani kienet ħasbet għal ċenturjun u kien hemmil-ħsieb li iktar faċli trażżan mitt raġel minn numru ikbar. Iżda dan qatt ma kien ikun faċli. Jidher iżd ali dan iċ-ċenturjun ta’ Kafarnahum kien maħbub, anke minn nies tar-raħa stess; kien bnielhom is-sinagoga.

Mhux tas-soltu wkoll li l-awtoritajiet tal-Lhud jammettu li Ġesù jista’ jagħmel xi ħaġa biex ifejjaq lil xi ħadd. S’issa dejjem rajniehom (għalkemm mhux bilfors kienu l-istess nies) għajnjehom fuqu biex jaraw jabduhx f’xi ħaġa li fuqha setgħu jakkużawh.

Mhux tas-soltu lanqas li dan il-pagan jemmen f’dak li seta’ jagħmel Ġesù. Ir-rispett li wrieh u l-mod kif jindirizzawh jixhdu x’tip ta’ raġel kien. Ir-rispett mhux biss lejn Ġesù iżda anke lejn it-twemmin tiegħu bħala Lhudi. Kien jaf li jekk Ġesù jidħol fid-dar tiegħu, kien jiġi kkunsidrat imniġġes mil-Lhud skont il-liġi tagħhom, għalhekk jgħidlu li ma jistħoqqlux jiġi jidħol taħt is-saqaf tiegħu. Talbu bil-ħniena iżda ma riedx la joffendih u lanqas jaqlalu nkwiet. Il-fidi tiegħu, wasslitu biex fl-ikbar ħtieġa tiegħu, ma jonqosx mir-rispett. Lanqas ried jersaq lejh biex żgur ma jikkompromettihx. Dan ir-raġel fehem x’kien Ġesù għax kien suldat fuq is-suldati u għax kien jemmen li ordni għandha valur.

Għalina li r-rispett insejnih x’imkien fejn darba konna tant li lanqas lilna nfusna ma nirrispettaw, dan ir-raġel iġiegħlna nistħu, jekk għanda niftakru kif. In-nuqqas ta’ rispett għamilnieh in-norma u min juri rispett hu magħdud ma’ dawk ta’ bla moħħ. Niftaħru li l-istonku tagħna jesa’ furnata ħobż imma kelma tqabbadna indiġestjoni. Bl-iskuża tal-libertà tal-espressjoni, ħloqna d-dritt li noffendu, inkasbru u nżebilħu.

Għalina li l-fidi ġibnieha qoxra mlibbsa b’ħafna tlellix iżda minn ġewwa mnawra b’dak li naħsbu li jaqbel lilna, anke quddiem Alla stess, dan ir-raġel huwa eżempju tal-ġenn. Mhux ta’ b’xejn li kliemu ntennuh f’kull quddiesa qabel nersqu biex nirċievu lil Alla li ma jwarrabniex. Dan ir-raġel fehem l-esperjenza tiegħu u biha fehem min kien tassew Ġesù. Aħna li naħsbu li nifhmu f’kollox u li kull kelma li ngħidu, anke jekk tkun l-ikbar ċuċata, għandha tmexxi d-dinja, bl-iskuza li kulħadd għandu dritt għall-opinjoni tiegħu, mhux biss nippretendu li Alla jagħmel dak li rridu aħna iżda ngħidulu kif għandu jagħmlu wkoll.

Għalina li noħolqu l-għedewwa f’kull min jissogra juri li ma jaqbilx magħna, dan ir-raġel huwa ċanfira tal-biża’. Aħna li sirna nibżgħu mill-babaw ta’ kull min imiss magħna, kultant anke ta’ nies li lanqas biss nafu minn huma, aħseb u ara x’ħobż jieklu, u nattakkawhom u nhedduhom u nixtiqulhom kull deni, quddiem l-imġieba ta’ dan ir-raġel li jibni sinagoga għat-talb ta’ dawk li hu ma kienx jemmen bħalhom, hija daqqa ta’ ħarta kbira, daqqa ta’ ħarta li sfortunatament lanqas biss nindunaw li ngħatatilna.

Ġesù jistgħaġeb b’dak li sema għax ma kienetx ħaġa normali li wieħed ikun raġel fuq l-irġiel b’fidi daqshekk kbira u bil-ħila li jistqarra. Mhux ħaġa kbira li llum, hu u jħares lejna, nesa x’jiġifieri tistgħaġeb b’fidi bħal din.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.