Niftakru dejjem minn fejn ġejna magħżulin

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa 21 ta’ Settembru 2018. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Niftakru dejjem minn fejn ġejna magħżulin, qal dalgħodu l-Papa fil-kappella tad-Dar Santa Marta. Mattew il-pubblikan kien korrott għax kien jittradixxi l-patrija minħabba l-flus. Traditur ta’ pajjiżu: l-agħar li tista’ timmaġina. Xi ħadd jista’ jaħseb, qal il-Papa Franġisku, li Ġesù kien nieqes mis-sens tal-għażla, għax minbarra lil Mattew, għażel ħafna oħrajn minn post mill-aktar disprezzat bħal, per eżempju, is-Samaritana u tant midinbin oħra li mbagħad ħatarhom appostli.

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=GEY3ulrBGFM?rel=0&w=560&h=315%5D

Fil-ħajja tal-Knisja, kompla jgħid il-Papa Franġisku waqt l-omelija tal-lum, tant Insara, tant qaddisin intgħażlu mill-qagħdiet l-aktar baxxi. Aħna l-Insara għandu jkollna dan l-għarfien: minn fejn intgħażilt jien biex inkun Nisrani/Nisranija? Hu ħsieb li għandu jibqa’ jtanbar tul ħajti kollha bil-fakra ta’ dnubieti, bil-fakra li l-Mulej ġietu ħniena minni, minn dnubieti u għażilni biex inkun Nisrani, biex inkun appostlu.

Il-Papa ddeskriva r-reazzjoni ta’ Mattew għas-sejħa tal-Mulej: la rrinunzja għal-lussu li kellu, lanqas qagħad jiftaħar mal-oħrajn u jgħidilhom: ‘Jien il-prinċep tal-Appostli, hawn nikkmanda jien.’ Xejn minn dan! Ħadem għall-Vanġelu tul ħajtu kollha.

Meta l-Appostlu jinsa l-oriġini tiegħu u jibda jagħmel il-karriera, jitbiegħed mill-Mulej u jsir sempliċi impjegat li forsi jagħmel ħafna ġid imma mhuwiex appostlu. Ma jkollux il-ħila li jwassal lil Ġesù lil ħaddieħor: ikun organizzatur tal-pjanijiet pastorali, ta’ tant affarijiet, imma fl-aħħar mill-aħħar jibqa’ spekulatur. Spekulatur tas-saltna t’Alla, għax nesa minn fejn intgħażel.

Għalhekk, issokta l-Papa Bergoglio, importanti li aħna niftakru l-oriġini tagħna. Din il-memorja għandha tibqa’ takkumpanja l-ħajja tal-appostlu u ta’ kull Nisrani.

Però, minflok inħarsu lejna nfusna, aħna għandna t-tendenza li nħarsu lejn ħaddieħor, lejn dnubietu, u nisparlaw dwarhom. Drawwa li tkiddna. Aħjar nakkużaw lilna nfusna, issuġġerixxa l-Papa, u niftakru minn fejn għażilna l-Mulej biex wassalna fejn ninsabu. Meta l-Mulej jagħżel, jagħżel għal xi għan kbir. Li tkun Nisrani hi ħaġa kbira, sabiħa. Inkunu aħna li nitbiegħdu u li rridu nibqgħu nofs triq. Fina tonqos il-ġenerożità u nibdew ninnegozjaw mal-Mulej, imma Hu jibqa’ jistenniena.

Mas-sejħa, Mattew irrinunzja għal dak li kien iħobb, il-flus, biex jimxi wara Ġesù. U jistieden lill-ħbieb tal-grupp tiegħu għall-pranzu biex miegħu jiffesteġġjaw lill-Imgħallem. B’hekk, madwar dik il-mejda kien hemm bilqiegħda l-agħar fost l-agħar tas-soċjetà ta’ dak iż-żmien. U Ġesù kien magħhom.

U d-Dutturi tal-Liġi skandalizzaw ruħhom. Sejħu lid-dixxipli u qalulhom: ‘Imma kif l-Imgħallem tagħkom jagħmel dan, joqgħod ma’ dawn in-nies? Hekk se jitniġġeż!’ Li tiekol ma’ min hu mniġġeż iniġġeż lilek ukoll. U Ġesù jitkellem u jgħid: ‘Morru tgħallmu xi jfisser: ‘Jien ħniena rrid mhux sagrifiċċji’.’ Il-ħniena t’Alla tfittex lil kulħadd, taħfer lil kulħadd. Biss titlob minnek li tgħid: ‘Għinni.’ Dak biss.

Lil dawk li skandalizzaw ruħhom Ġesù jgħidilhom li mhux min hu b’saħħtu jeħtieġ it-tabib imma min hu marid, u jżid: ‘Ħniena rrid mhux sagrifiċċji.’

Hu misteru għalina li nifhmu l-ħniena t’Alla, l-akbar misteru, l-isbaħ wieħed, temm jgħid il-Qdusija Tiegħu Franġisku.  Din hi l-qalb ta’ Alla. Jekk inti trid tasal għall-qalb ta’ Alla, ibda miexi fit-triq tal-ħniena u ppermetti li ħaddieħor jittrattak bil-ħniena.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber
ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading