Evanġelju tal-Ġimgħa 23 ta’ Novembru 2018

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Lq 19, 45-48

F’dawn l-aħħar jiem smajna lil Ġesù jitkellem dwar dak li kellu jġarrab, iwissi dwaru u jabqad it-triq lejn Ġerusalemm, miexi quddiem dawk li jimxu warajh. Rajnieh fuq l-għolja taż-żebbuġ jibki d-dnub kollettiv ta’ ġensu; id-dnub tal-għebusija tal-qalb li ttieħed bħan-nar minn nies ta’ żmienu; ir-rifjut, iċ-ċaħda ta’ nies li tant kienu mogħmija bl-aġendi personali tagħhom, li pprovdew qawwa lil xulxin fl-iżbalji tagħhom fit-tixrid ta’ mentalità li tigglorifika l-maqlub tal-ħsieb ta’ Alla u tattribwilu dak li qatt ma ħareġ minnu. Il-qerda ma jġibhiex l-Imperatur Titu fis-sena 70 AD, iżda l-qerda jġibha l-bniedem stess li jingħaqad ma’ oħrajn biex jobgħod u ma jirrejalizzax li qed irawwem il-mibgħeda fuqu stess u hekk jaqta lilu nnifsu waħdu.

Biex din l-imġieba tinbidel, il-ħsieb jeħtieġ tisfija. Hu għalhekk li Ġesù, malli jidħol Ġerusalemm, imur fit-Tempju. Ma kienx sorpriż b’dak li ra u sema’. Is-sistema kienet hekk u allura, għal ħafna, la s-sistema hija hekk, mela hija tajba, u jekk mhix tajba, għallinqas ġustifikata. Ħadd u xejn ma jissogra jxejjen l-alla falz tas-sistema. Dejjem hekk għamilna, dejjem hekk sar, u la sar hekk dejjem u dejjem hekk għamilna, mela huwa tajjeb, huwa ġust u huwa xieraq. Ara jekk issib ruħek vittma ta’ sistema bħal din u tbati minħabba fiha, tibqax tirraġuna hekk!

Il-problema tat-Tempju kienet is-sistema korrotta li minnha kienu jgawdu ftit nies waqt li jgħaffġu u jisolħu ħajjin lill-kotra. La kien hemm il-flus imdaħħlin fiha, u kienet sistema li taħleb bl-addoċċ, kellhom is-setgħa fost il-bnedmin. Imma sa ċertu punt, it-tort ma kienx tagħhom biss. Dejjem se jkun hemm min jabbuża, imma mhux dejjem ikun hemm min jirreżisti l-abbuż. Sakemm min ikun qed jiġi abbużat, ma jgħid xejn, min jabbuża qed jingħata l-lala li jkompli. L-abbuż dejjem se jkun hemm, imma min jabbuża jagħmel kull sforz biex jagħlaq ħalq min ikun qed jiġi abbużat, ħalli l-abbuż jibqa’ miexi fuq ir-rubini. Dak li ġara fi żmien Ġesù, dak hu li ġara f’kull żmien u dak hu li jiġri fi żmienna.

It-tisfija tat-tempju b’rabja kbira minn Ġesù, ma kienx wisq biex iwaqqaf is-serq, imma biex juri lil kulħadd il-ħsieb veru tat-Tempju, l-għan tiegħu u li kulħadd jista’ jopponi l-abbuż anke jekk sar sistema, istituzzjoni. Il-biża li nsibu ruħna agħar, huwa biża li jkompli jkabbar fuqna s-setgħa ta’ min jabbuża. Mhux biss jabbuża minna iżda jwerwirna bit-theddid ta’ abbuż ikbar. Ir-rabja ta’ Ġesù fil-bitħa tat-Tempju, tnissel xrara tama fil-qalb tal-vittmi ta’ dawk li kienu ħakmuha biex minnha jsiru allat tal-flus u tas-setgħa.

Mhux ta’ b’xejn li wara li qabżet lilu, qabżet ukoll lill-awtoritajiet tat-Tempju u tal-pajjiż. Ġesù, mhux tkellem, imma far bil-korla. It-theddida li dejjem issuspettaw fih saret rejaltà, mhux għax jitkellem imma għax b’għemilu kien qed iħajjar lil ħaddieħor l-abjad jgħidlu abjad u l-iswed iswed, kien qed iqanqal il-ħsieb fl-imħuħ tan-nies u jħajjarhom jaħsbu, jagħrblu u jiddeċiedu, jisfidaw is-sistema l-ħażina u jsaffu dak li kien imniġġes bl-abbuż ta’ min kien fis-setgħa. Bdew jaraw kif jeqirduh għax kien qed inawrilhom is-setgħa fuq il-ħsieb tal-kotra u jħeġġiġha titkellem u tipprotesta u tnaddaf u twarrab lil dak li kien jeqred meta kien fid-dmir li jgħajjex. Tiskanta kif il-kilba għall-flus u s-setgħa twasslek biex tikkunsidra li teqred bniedem, tirvinah, tneħħilu ħajtu.

Is-sistemi li joħolqu l-bnedmin għandhom il-ħila jaħbu fihom minjieri ta’ qligħ, frott l-abbuż ta’ min hu dgħajjef, ineżżgħuh mill-ħila li jerfa’ imqar ħarstu biex jara jekk hux kollox tajjeb. Ġesù, bl-eżempju li jkaxkar mhux bil-kelma li tqanqal, juri lill-bnedmin li ebda bniedem m’għandu jinqeda bis-setgħa mogħtija lilu, anke jekk ġejja minn Alla nnifsu, biex jabbuża u jeqred lil min ġie afdat f’idejh.

Id-dar tiegħi hija dar it-talb. Intom għamiltuha għar tal-ħallelin. Ma tibqax bejta tal-ħallelin meta min qed jiġi misruq, isaffi ħsiebu u jgħolli leħnu. Il-bidla fis-sistemi, il-bidla tas-sistemi, anke dawk li huma l-iktar abbużivi, tibda biss jekk jissaffa l-ħsieb, jekk isseħħ it-tisfija tal-qalb.

Niskantaw jekk dawk l-istess nies li kienu qed jiġu abbużati mis-sistema tat-Tempju, ftit jiem wara għoxew jisimgħu minn dawk stess li kienu qed jabbużaw minnhom u li Ġesù pprova jwaqqafhom, u fil-bitħa ta’ Pilatu, b’leħen wieħed għalenija għajtu: ‘Mhux lil dan imma lil Barabba.’? U dan Barabba kien ħalliel. Niskantaw jekk għarfu li kienu qed jiżbaljaw tant li refgħu ir-responsabiltà tal-qtil tiegħu u għabbewh ukoll fuq spallejn uliedhom? Demmu fuqhom u fuq uliedhom.

Ma niskantawx wisq. Jista’ jkun li llum qed jiġri l-istess.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading