“Nixtieq li kulħadd jappoġġa l-ħidma tal-ACN” – L-Isqof Joseph Galea Curmi

Print Friendly, PDF & Email

Stqarrija għall-istampa mill-ACN (Malta) 

27 ta’ Novembru 2018: Dinjitarji, fosthom il-President ta’ Malta, l-E.T. Marie-Louis Coleiro Preca, l-Isqof Awżiljarju u Vigarju Ġenerali, Mons. Joseph Galea Curmi, is-Segretarju tan-Nunzju Appostoliku, Mons. Francesco Javier Diaz Tenza u l-Assistent Ekkleżjastiku tal-ACN (Malta), Mons. Prof. Hector Scerri, mistiedna u benefatturi tal-ACN (Malta) attendew għat-tnedija tal-14-il edizzjoni tar-Religious Freedom in the World Report li saret nhar is-Sibt, 24 ta’ Novembru 2018 fil-Palazz Presidenzjali ta’ San Anton.

Fid-diskors tiegħu, id-Direttur Nazzjonali tal-ACN (Malta), Stephen Axisa, sellem lil kulħadd u esprima l-apprezzament tiegħu lill-E.T. il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca. L-avveniment sar taħt il-Patroċinju Distint u bil-korteija tal-E.Tagħha fil-Palazz Presidenzjali ta’ San Anton. Stephen Axisa rringrazzja wkoll lil Mons. Joseph Galea Curmi għall-appoġġ kostanti tiegħu.

Stephen Axisa qal li bħala organizzazzjoni mpenjata biex tgħin lill-Kristjani ppersegwitati, l-ACN għandha d-dmir li ssostni d-dritt bażiku tal-bniedem għal-libertà reliġjuża u li tinforma lil kulħadd bid-diskriminazzjoni li jiffaċċjaw il-Kristjani f’bosta partijiet fid-dinja.

Huwa żvela li skont ir-Rapport, 6 minn kull 10 persuni madwar id-dinja ma jistgħux jesprimu t-twemmin tagħhom f’libertà totali u f’dawn l-aħħar sentejn din is-sitwazzjoni kompliet sejra għall-agħar. Huwa ddikjara li l-illitteriżmu reliġjuż, inkluż fil-midja, u n-nuqqas ta’ azzjoni politika tal-pajjiżi tal-Punent, komplew żiedu l-problemi li wasslu għal sitwazzjoni fejn bosta gruppi reliġjużi ta’ minoranza jbatu wara purtiera ta’ indifferenza.

Fir-riflessjoni tiegħu, Mons. Joseph Galea Curmi, għan-nom tal-Knisja f’Malta esprima l-apprezzament tiegħu għall-ħidma li twettaq l-Aid to the Church in Need f’Malta u madwar id-dinja, għall-isforzi biex titneħħa din il-purtiera ta’ indifferenza billi titqajjem kuxjenza dwar il-Kristjani li qed isofru persekuzzjoni u peress li tappoġjhom f’dak kollu li jkollhom bżonn.

Huwa qal li “Malta hija mbierka għax m’għandniex din il-persekuzzjoni iżda bl-għajnuna tal-ACN nistgħu naraw x’qed jiġri f’partijiet oħra tad-dinja u dan jgħina ngħixu l-fidi tagħna b’viżjoni aktar wiesgħa. Nixtieq li kulħadd jappoġġa l-ħidma tal-Aid to the Church in Need.”

Waqt li ta rendikont personali tas-sitwazzjoni tal-libertà reliġjuża fin-Niġerja, il-kelliem ewlieni, Mons. Ignatius Kaigama spjega li n-Niġerja ġarrbet ksur tad-drittijiet tal-libertà reliġjuża b’inċidenti ta’ qerda ta’ ħajjiet u proprjetà mir-ribelli tal-Boko Haram u l-militanti Fulani. Inċidenti bħal dawn ukoll jinkludu l-ħtif ta’ studenti bniet li nħatfu mill-iskejjel, it-tbatija tal-persuni spostati internament, iċ-ċaħda tad-drittijiet u privileġġi tal-Kristjani fejn fi bnadi tal-Istati tat-Tramuntana huma mċaħħda milli jgħallmu r-Reliġjon Kristjana, jinħatfu saċerdoti u sorijiet u jkun hemm biżgħa u trawmi psikoloġiċi minħabba l-fanatiċi u militanti.

L-Assistent Ekkleżjastiku tal-ACN (Malta), Mons. Prof. Hector Scerri ddeskriva lill-Kristjani ppersegwitati bħala “profeti kontemporanji” li huma dejjem għaddejjin mit-tbatija, dejjem waħedhom u mweġġgħin.

Huwa qal “Huwa dmirna li nwieġbu għall-għajta tagħhom, li ngħinuhom, li nagħrfu x-xhieda tagħhom li hija kemm profetika kif ukoll xhieda ta’ Kristu”.

Filwaqt li tat eżempji ta’ pajjiżi fejn ir-reliġjonijiet jikkoeżistu f’armonija bħal fil-Bulgarija, il-President ta’ Malta esprimiet il-konvinzjoni Tagħha li huwa possibbli li r-reliġjonijiet jgħixu flimkien b’mod armonjuż. L-E.Tagħha talbet biex tintemm l-intolleranza reliġjuża u sabiex issir promozzjoni tal-libertà reliġjuża u d-djalogu inter-reliġjuż fl-isferi kollha tas-soċjetà.

Permezz tat-tnedija ta’ dan ir-rapport, l-ACN qed tistieden lin-nies madwar id-dinja biex iqumu u jiddefendu l-libertà reliġjuża, speċjalment ġurnalisti, policy makers, akkademiċi, ġuristi u oħrajn li jfittxu li jgħinu lill-Kristjani oppressi u ppersegwitati minħabba t-twemmin tagħhom fi Kristu. It-tnedija kienet akkumpanjata bil-mixgħela b’dawl aħmar tal-Berġa ta’ Kastilja, u l-Knisja tal-Bon Pastur, Ħal Balzan bħala solidarjetà u appoġġ għall-Kristjani ppersegwitati li xerrdu demmhom għall-fidi tagħhom. Dawk kollha li jixtiequ jakwistaw kopja tar-Religious Freedom in the World Report 2018 huma ġentilment mitluba jċemplu 21487818 jew jibgħatu email lil info@acnmalta.org

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading