Inizjattivi mill-Arċidjoċesi ta’ Malta

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa, 28 ta’ Novembru 2018: Inizjattivi favur l-ambjent mill-Arċidjoċesi ta’ Malta.

L-Arċidjoċesi ta’ Malta qed tkompli tinvesti f’enerġija nadifa u timplimenta inizjattivi favur l-ambjent. Fil-preżent qed tiġi installata sistema ta’ pannelli fotovoltajċi fuq il-bini tal-Kurja tal-Arċiqsof, il-Furjana. Madwar 40 entità oħra tal-Knisja f’Malta, fosthom għadd ta’ parroċċi u djar għall-anzjani, diġà qed jagħmlu użu minn enerġija ġġenerata mill-pannelli fotovoltajċi.

Matul l-aħħar ġimgħat, fil-kmamar u fl-uffiċċji tal-Kurja twaħħlu bozoz energy saving, qed isir użu aħjar mid-dawl naturali u nbidlu monitors u kompjuters għal oħrajn li jużaw inqas enerġija.

Bejn id-19 u l-25 ta’ Novembru l-impjegati tal-Kurja tal-Arċisqof ingħaqdu mal-kumplament tal-pajjiżi Ewropej u ċċelebraw l-għaxar edizzjoni tal-Ġimgħa Ewropea għat-Tnaqqis tal-Iskart. Dan permezz ta’ diversi attivitajiet li joħolqu għarfien dwar l-immaniġġjar u t-tnaqqis tal-iskart, l-użu mill-ġdid ta’ prodotti tal-ikel u r-riċiklaġġ ta’ materjali. Fost l-attivitajiet ttellgħet laqgħa ta’ informazzjoni għall-ħaddiema b’kollaborazzjoni ma’ Wasteserv dwar kif tista’ titnaqqas il-ħela tal-ikel u b’hekk jitnaqqas ir-rimi tal-iskart organiku.

Ġiet imnedija wkoll Waste Management Policy għall-impjegati kollha tal-Kurja tal-Arċisqof bl-iskop li sservi ta’ gwida fl-immaniġġjar tal-iskart. Sabiex jitnaqqas l-użu tas-single-use plastic inxtraw kikkri tal-ħġieġ biex jintużaw fil-magni tal-kafè flok it-tazzi tal-plastik.

Il-proġetti u l-inizjattivi meħuda mill-Arċidjoċesi jirriflettu t-tagħlim tal-Papa Franġisku li fl-enċiklika tiegħu Laudato Si’ jappella sabiex iċ-ċittadini jieħdu ħsieb id-dar komuni tagħna li hi d-dinja, billi jingħaqdu kontra t-tibdil fil-klima, jipprattikaw żvilupp sostenibbli u jipproteġu l-ħolqien.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading