L-Isqof Mario Grech fil-Vġili tal-Immakulata Kunċizzjoni

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa 7 ta’ Diċembru 2018: L-omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fil-Vġili tal-Immakulata Kunċizzjoni, fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali, il-Belt Victoria.

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/541528092″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” width=”100%” height=”100″ iframe=”true” /]

Ritratt-Carmel-Saliba-e1544637256351.jpg

L-IMMAKULATA TGĦINNA NKUNU ĦIELSA

L-epoka li qed ngħixu fiha għandha bħala karatteristika l-impenn biex il-bniedem jikseb dejjem aktar il-libertà. Hemm min jgħid li żminijietna huma mmarkati “bid-deni tal-libertà”, għax bħal donnu l-bniedem qatt ma huwa sodisfatt bil-kisbiet li jagħmel tal-libertajiet. Il-libertà tant saret valur importanti fil-kuxjenza nazzjonali li llum għandna istituzzjoni statali bil-mandat li ġġib ’il quddiem il-libertajiet ċivili.

Fil-ktieb tiegħu dwar Don Quixote, M. de Cervantes jgħid li “l-libertà hija wieħed mir-rigali prezzjużi li s-Sema qatt ta lill-bniedem – ebda wieħed mit-teżori li hawn kemm fuq l-art u kemm taħt il-baħar ma jħabbtuha magħha. Għal-libertà l-bniedem jissogra ħajtu”. L-istorja tixhdilna kemm individwi u popli sħaħ issieltu biex jiksbu l-ħelsien. Fi kliem il-Papa Benedittu XVI, “fil-kuxjenza tal-umanità tal-lum, il-libertà titqies bħala l-aqwa ġid, tant li l-ġid l-ieħor huwa kollu subordinat għalih”.

Imma nistaqsi jekk, minkejja dan l-impenn personali u istituzzjonali biex dejjem insaħħu l-libertajiet tagħna, il-bniedem hux aħjar milli kien qabel. Nagħti ftit eżempji.

Fil-qasam tal-libertà tal-espressjoni, hu akkwist li ċ-ċittadin għandu d-dritt jesprimi l-ħsieb tiegħu mingħajr biża’ ta’ ċensura; imma mbagħad hemm min f’isem il-libertà tal-kelma jħoss li jista’ jfieri lil ħaddieħor, biex ma nżidx li hemm min lest li joqtol b’dak li jgħid jew jikteb. Illum il-bniedem iħossu ħieles li jgħid dak li jrid irrispettivament jekk ikunx qed jgħid is-sewwa. Bħal donnu l-gidba, il-kalunnja, in-nofs verità għandhom dritt daqs is-sewwa.

Illum nitkellmu fuq is-suq ħieles. Dan issarraf f’soċjetà aktar ġusta, jew min hu bla kuxjenza jisloħ billi jgħolli l-prezzijiet kemm irid, u min jiflaħ, ibaxxi l-prezzijiet biex ikisser liż-żgħir? Il-kummerċ ħieles ifisser li min jiflaħ iħawwel u min ma għandux jikkrepa? Hekk f’isem is-suq ħieles, id-distanza ta’ bejn min għandu u min ma għandux qiegħda dejjem tikber.

Fil-qasam tax-xjenza, ix-xjenzati għandhom il-libertà li jagħmlu r-riċerka u l-esperimenti. Jekk dan il-ftuħ wassal għal kisbiet li huma ta’ fejda għall-bniedem, huwa minnu wkoll li x-xjenza taf timmanipula u tissagrifika l-ħajja umana.

Il-bniedem iħossu kiseb il-libertà mis-sens tal-pudur. F’isem il-libertà, dak li qabel kien intimu u mistur, illum inperrċuh. Illum qbiżna kull linja dwar id-diċenza.

Interessanti li l-ħassieb Jean-Paul Sartre jgħid li l-bniedem huwa kkundannat biex ikun ħieles. Dostoevsky jiddeskrivi l-libertà bħala “fardal tqil”. Awtur ieħor jinnota li bħalma l-Amerikani fil-port ta’ New York waqqfu “l-istatwa tal-libertà”, jonqoshom iwaqqfu monument ieħor lir-“responsabbiltà”, għax ma tistax tkun liberu jekk ma tkunx responsabbli. Hemm ir-riskju li meta l-libertà nifhmuha ħażin, issir ħabel li flok ma jservi biex il-bniedem joħroġ minn qagħdiet miżeri, isservi biex il-bniedem jitgħallaq bih! Fih x’wieħed jomgħod il-kumment ta’ kittieb kontemporanju li jgħid li “l-libertà saret il-qalba tal-problemi tal-modernità”.

Jean-Paul Sartre jgħid li l-libertà tista’ tkun kundanna, għaliex il-bniedem ikun ħieles skont kif jeżerċita r-rieda ħielsa tiegħu. Ir-rieda ħielsa (libero arbitrio) hija fakultà umana riskjuża, għax meta l-bniedem jiġi biex jagħmel l-għażla, huwa jsib ruħu f’salib it-toroq fejn ikollu jagħżel bejn it-tajjeb u l-ħażin, il-veru u l-falz. Ikun tassew ħieles il-bniedem li jirnexxilu jagħmel għażliet tajbin, fis-sens li jkunu għażliet li jaqblu ma’ dak li huwa veru, tajjeb, sabiħ u ġust – fi kliem ieħor, ma’ dak li jaqbel mad-dinjità umana tiegħu. Jekk għall-kuntrarju huwa jagħmel għażla żbaljata, huwa jġib il-kundanna fuqu nnifsu u fuq l-oħrajn. Il-libertà li hija suġġetta għall-iżball, mhix libertà.

Il-bniedem ikun ħieles tassew meta r-rieda tiegħu tiġi wiċċ imb wiċċ ma’ dak li jissodisfaha totalment, fis-sens li wara li tkun għamlet din l-għażla, ma tħossx il-ħtieġa li tfittex xi ħaġa oħra aħjar minnha. Xi drabi aħna nagħmlu bħat-tfal: nibku biex nakkwistaw oġġett, imbagħad ftit wara nixbgħu minnu u nkunu rridu ħaġa oħra. Huwa biss dak li huwa veru, tajjeb, sabiħ u ġust li joffri sodisfazzjon definittiv. Hu f’dan l-istadju li l-libertà tal-bniedem tkun sħiħa, għax ma tkunx miftuħa għall-possibbiltà tal-iżball.

In-nuqqas ta’ sodisfazzjon wara s-suċċess li nkunu għamilna jgħidilna ħafna dwar in-natura tax-xewqat tagħna l-bnedmin! F’ċertu sens, il-fatt li, minkejja l-progress u l-kisbiet li saru f’dan il-qasam, aħna għadna ma aħniex kuntenti, huwa sinjal pożittiv. Għaliex dan juri li l-bniedem, għalkemm qed jagħmel għażliet żgħar, jonqsu jagħmel l-għażla l-kbira; għalkemm qed jipprova jissodisfa ruħu b’kisbiet ckejknin (drittijiet), inkonxjament qed ifittex l-infinit jew dak li jissejjaħ il-misteru.

L-Immakulata Kunċizzjoni hija dik il-mara li ġiet meħlusa biex tkun libera. Alla ried li sa mill-mument tat-tnissil, Marija tkun meħlusa minn kull dnub biex tkun ħielsa. Il-fatt li kienet mimlija bil-grazzja jfisser li kienet mimlija biH – marbuta miegħu, hija kienet l-aktar ħlejqa ħielsa. Għax il-bniedem ikun tassew ħieles meta liberament jingħaqad ma’ Alla – meta “jorbot” lilu nnifsu ma’ Alla. Fi kliem ieħor, meta ngħixu l-ħajja tal-grazzja.

Ix-xbieha tal-Kunċizzjoni bis-serp taħt riġlejha tfakkarna fir-rakkont tal-ewwel waqgħa li nsibu fil-ktieb tal-Ġenesi. Min huwa s-serp li Marija jew in-nisel tagħha qed jisħaqlu rasu?

It-tradizzjoni tara fis-serp simbolu tat-Tentatur li huwa missier il-gidba. Meta s-serp jigdeb lil Adam u Eva, meta jgiddeb lil Alla, huwa jxekklilhom il-libertà, għax biex ir-rieda taġixxi b’mod ħieles, hi teħtieġ tkun taf is-sewwa. Imma skont tradizzjoni rabbinika, aċċettata minn xi wħud mill-esperti fl-Iskrittura, fosthom Ravasi u Mancuso, is-serp huwa simbolu tal-libertà li għandu l-bniedem li jrid jagħmel l-għażliet, u għalhekk ikollu jaffronta t-tensjoni bejn it-tajjeb u l-ħażin. Fil-fatt, fir-rakkont meta jittanta lil Adam u Eva, is-serp jgħawweġ il-verità, u fejn ma hemmx verità ma hemmx libertà: “Il-verità tagħmilkom ħielsa” (Ġw 8:31). Għalhekk, meta l-Immakulata qed tisħaq ras is-serp, hija qiegħda turina li r-rieda tagħha hija ħielsa, għax hi (Marija) mimlija bil-grazzja – “marbuta” ma’ Alla. Bħal Marija, aħna wkoll nistgħu nfittxu l-għajnuna tal-grazzja biex nagħmlu għażliet tajba u għalhekk ħielsa, mingħajr ir-riskju li bl-għażliet tagħna nkunu ta’ dannu għalina, għall-familji tagħna u għas-soċjetà.

Marija tibqa’ teżerċita l-libertà tagħha tul ħajjitha kollha. Mimlija bil-grazzja, hija tibqa’ kontinwament tiddixxerni biex tagħmel l-aħjar għażliet. Fid-djalogu kontinwu ma’ Alla, hija ma tagħmilx dak li trid, imma tagħmel dak li għandha tagħmel – tagħmel ir-rieda ta’ Alla.

Il-Papa San Pawlu VI, fl-Eżortazzjoni appostolika Marialis cultus jindika ċerti waqtiet fejn Marija Immakulata eżerċitat il-libertà tagħha. L-ewwel, dakinhar li f’Nazaret l-anġlu ħabbrilha li kellha tkun Omm Alla, Marija tagħmel djalogu responsabbli ma’ Alla – hija tfannad biex tkun taf x’inhi l-verità. It-tieni, tant kienet libera, li Marija kienet kapaċi tmur kontra l-kurrent, bħal meta għażlet li tibqa’ xebba u tikkonsagra l-verġinità tagħha lil Alla. It-tielet, Marija ma kinitx omm possessiva; għall-kuntrarju, kienet ħielsa saħansitra mir-rabta naturali li kien hemm bejnha u binha Ġesù, u tagħtihulna.

Il-festa tal-Kunċizzjoni hija l-ewwel stilla Marjana f’din is-Sena ddedikata lill-Madonna li bdejna ftit ġimgħat ilu. Fuq l-eżempju tal-Immakulata aħna wkoll nixtiequ niddominaw “is-serp”, fis-sens li r-rieda tagħna tkun verament ħielsa. Il-Kunċizzjoni waslet għall-milja tal-libertà tagħha dakinhar li ġiet imtellgħa s-Sema bir-ruħ u l-ġisem. Għax dakinhar li ġiet imtellgħa s-Sema, Marija rebħet fuq il-mewt u daħlet ġlorjuża fis-Sema fejn ingħaqdet ma’ Alla.

Dan ifakkarni biex nitfa’ ħarsti fuq santwarju Marjan ieħor li huwa ħafna għal qalbna: is-Santwarju Ta’ Pinu, fejn nagħtu ġieħ lil Marija Assunta. Hemm rabta bejn il-misteru tal-Konċepiment Immakulat ta’ Marija meqjum f’din il-knisja tal-Patrijiet Konventwali u l-misteru tal-Assunzjoni meqjum f’Ta’ Pinu.

Għalhekk nixtieq li f’din is-Sena Marjana, meta qegħdin infakkru l-erba’ mitt sena minn meta tqiegħed il-kwadru mirakluż fil-Kappella Ta’ Pinu, f’din il-knisja tal-Kunċizzjoni nisimgħu lill-Madonna ttennilna dak li hi qalet lil Karmni Grima: “Ejja, ejja”. Marija qed issejħilna biex niġu għandha u hi tgħinna biex niltaqgħu ma’ Ġesù li jagħmilna ħielsa tassew. Ħa nagħtu widen għal din il-karba materna tal-Kunċizzjoni li din is-sena qiegħda ssejħilna b’mod speċjali biex induqu u ngħixu l-libertà vera li ġabilna l-Mulej Ġesù.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading