L-Isqof Mario Grech fil-Quddiesa ta’ Nofsillejl

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn 24 ta’ Diċembru 2018: Omelija mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fil-Vġili tat-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu, Quddiesa ta’ Nofsillejl tal-Milied fil-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria.

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/551864718″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” width=”100%” height=”100″ iframe=”true” /]

IMG_5582

NOĦORĠU L-MAXTURA TAGĦNA

Fil-lejl li fih twieled Ġesù Bambin, Marija “medditu f’maxtura” (Lq 2:7). Il-maxtura mhix xi dettall sekondarju li nistgħu nittraskurawh, imma għandha tifsira profonda li tgħinna nixtarru din il-ġrajja, fejn, fi kliem Ruman il-Melodi, “Betlehem fetħitilna mill-ġdid il-ġnien tal-Għeden”. Fl-Għeden il-bniedem għażel li jwarrab lil Alla biex jagħmel fattih u, konsegwenza ta’ dan, huwa beda, bħall-annimali, imaxtar ħaxix selvaġġ (ara Ġen 3:18) li jwassal għall-mewt, waqt li bit-twelid ta’ Ġesù f’Betlehem għandna fil-maxtura l-ħobż li niżel mis-Sema biex min jiekol minnu ma jmut qatt. Fl-Għeden il-bniedem xehed il-ħwejjeġ tal-ġild tal-annimali (Ġen 3:21), waqt li t-Tarbija ta’ Betlehem radditilna l-libsa ta’ wlied Alla.

Ħa jidwi f’widnejna l-kliem tal-Profeta Iżaija: “Il-gendus jagħraf lil Sidu u l-ħmar il-maxtura ta’ sidu, imma Iżrael ma jagħrfux, il-poplu tiegħi ma jifhimx. Telqu lill-Mulej u… nġibdu lura minnu” (1:3-4). Tkun tassew ħasra jekk “il-ħmar jagħraf il-maxtura ta’ sidu” u aħna le, għax forsi nikkunsidrawha bħala sempliċi oġġett ta’ tiżjin jew aċċessorju sentimentali tal-presepju, meta fl-aħħar mill-aħħar l-istess kelma bil-Latin præsepium tfisser maxtura!

Iġagħalna nirriflettu l-fatt li fl-ewwel sekli, meta kienu jridu jippreżentaw il-ġrajja ta’ Betlehem permezz ta’ ikoni, mużajċi, u l-bqija, l-artisti ma kinux ipoġġu lil Marija u lil Ġużeppi, imma jagħmlu biss il-maxtura bil-gendus u l-ħmara. Ma kienx b’nuqqas ta’ rispett li kienu jħallu barra lil Marija u Ġużeppi, imma minħabba raġuni teoloġika.

Fil-fatt, il-Missirijiet tal-Knisja fit-tarbija mimduda fil-maxtura kienu jaraw simbolu qawwi li jiġbor fih dak li seħħ f’dan il-lejl qaddis: l-Iben ta’ Alla sar bniedem u għammar fostna biex jeħles lill-bniedem minn dak kollu li jista’ jxaqilbu aktar lejn ir-razza tal-annimali.

Fil-lingwa tagħna għandna espressjoni goffa: meta l-bniedem jagħmel ħwejjeġ li ma jixirqulux, b’ton dispreġġattiv nazzardaw insejħulu “annimal”. Huma diversi dawk l-għemejjel koroh li sfortunatament jistgħu jpoġġuna fil-kategorija tal-“annimali”, bħal meta ma nirraġunawx, meta nħallu l-egoiżmi tagħna jaħkmuna, meta nsiru bla qalb, meta konxjament nagħmlu inġustizzji, meta bil-gideb nippruvaw nigdmu lil ħaddieħor, meta nieklu lil xulxin, meta nħallu l-passjonijiet imexxuna… San Pawl isejjaħ dawn l-isparaturi xejn dinjitużi għalina l-bnedmin bħala “għemejjel tal-ġisem”: “żina, faħx, nuqqas ta’ rażan, idolatrija, seħer, mibegħda, ġlied, għira, korla, ambizzjoni, firda, partiti, invidja, sokor, tbaħrid, u ħwejjeġ oħra bħal dawn” (Gal 5:19-21). Kemm huwa minnu li “x-xewqat tal-ġisem iwasslu għall-mewt” u “huma għedewwa ta’ Alla” (Rum 8:6-7).

Kif jikteb San Ċirillu ta’ Lixandra, “Ġesù tarbija sab li l-bnedmin kienu waqgħu fil-livell baxx ħafna tal-annimali u għalhekk fittex li joqgħod fil-maxtura biex aħna nitfgħu wara spallejna x-xewqat tal-ġisem u nintrefgħu għal dak il-grad ta’ intelliġenza li tagħmel ġid lin-natura umana. Fil-maxtura ma hemmx ikel tal-annimali, imma l-ħobż tas-Sema li huwa ħobż li jagħti l-ħajja” (Kumment għall-Vanġelu ta’ Luqa, Omelija 1).

It-tradizzjoni Lhudija żżomm li meta wara l-waqgħa Alla ordna lil Adam biex “jiekol mill-ħaxix selvaġġ tal-art”, Adam bid-dmugħ f’għajnejh jitolbu: “F’ġieħ il-ħniena tiegħek, agħmel li ma nkunx bħall-annimali quddiemek, li niekol il-ħaxix li nsib fl-għelieqi”; u f’waħda mill-midrash insibu li meta Alla sema’ lil Adam jgħidlu: “Jien u l-annimali tiegħi nieklu mill-istess maxtura”, Alla tah il-permess biex jibda jiekol ħobż bl-għaraq ta’ ġbinu (ara Ġen 3:19) (mill-midrash ta’ Avot de-Rabbi Natan).

Ir-rabta li hemm bejn il-maxtura ta’ Adam u dik ta’ Kristu tidher ukoll fit-tradizzjoni Biżantina. Huwa tagħlim tal-Knisja fil-Lvant illi “wara li l-ewwel Adam għamel id-dnub, Adam il-ġdid [Kristu] niżel biex joħorġu minn dik il-maxtura li kien waqa’ fiha”. San Efrem mis-Sirja jikteb illi meta r-re David dineb, huwa beka għax intebaħ li kien ġralu bħal Adam li mit-tron tiegħu waqa’ fit-tajn (maxtura) tal-annimali – Adam ħalla lilu nnifsu jiġi mqarraq mill-annimal (serp) biex imbagħad sar jixbah lis-serp.

F’dan il-qafas spiritwali fejn il-maxtura jidher li għandha rabta mad-dnub, il-Missirijiet tal-Knisja jgħallmu li bħall-annimal li dejjem jirritorna għall-ikel fil-maxtura, hekk il-bniedem jirritorna għad-dnub. Peress li huwa dgħajjef, il-bniedem ifittex il-maxtura. Il-bniedem midneb jidentifika ruħu mal-maxtura. Mhux ta’ b’xejn li San Ġirolmu jgħid li l-maxtura hija maħmuġa – f’sens li l-maxtura hi mniggża bid-dnub. Għalhekk, meta Alla ried jiltaqa’ mal-bniedem, huwa mar ifittxu fil-maxtura għax jaf li fil-bniedem hemm x’jimbuttah biex jersaq lejha. Fi kliem ieħor, il-maxtura hija l-post tal-laqgħa bejn Alla u l-midneb. Kieku nneħħu l-maxtura mill-għar ta’ Betlehem, inkunu neħħejna element importanti, għax il-maxtura tippreżenta lil kull wieħed minna l-bnedmin – lilna midinbin.

Għaldaqstant illejla ma għandu jkun hemm ebda midneb li jżomm lura għax iħossu mgħobbi bit-toqol tad-dnub tiegħu. Ħadd ma għandu għax jitnaffar minn din it-Tarbija ta’ Betlehem, anki jekk għemilu jġagħlu jistħi għax ma jixraqx lill-bniedem! Ġesù fil-maxtura jfisser li hu ġie biex jiltaqa’ mal-annimali. Dawk li d-dinja tgħajjarhom u li huma annimali u twarrabhom, dan il-lejl huma msejħin biex jinġabru madwar il-maxtura, imma din id-darba mhux biex jieklu ħaxix ħażin, imma l-ħobż li jagħtihom il-ħajja. Bir-raġun Santu Wistin jara xebh bejn il-maxtura ta’ Betlehem u altar tas-Sagrifiċċju għax il-ħobż li hemm fil-maxtura huwa l-istess ħobż Ewkaristiku.

Milied bla maxtura mhux Milied. Presepju mingħajr maxtura mhux presepju. Mhux ta’ b’xejn Luqa, fi ftit versi, isemmi tliet darbiet il-maxtura. “It-tarbija mimduda f’maxtura” kienet is-sinjal mogħti lir-ragħajja biex jemmnu li tweldilhom is-Salvatur (Lq 2:12). Fi kliem ieħor, f’dan il-lejl qaddis hija l-maxtura li tikxef il-kobor tal-imħabba ta’ Alla li bagħat lil Ibnu biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja.

Ġesù twieled biex jitqiegħed f’maxtura, u jekk nixtiquh jitwieled illum għandna bżonn insibulu maxtura. Għalhekk ma naħbux il-maxtura li hemm f’qalbna, il-maxtura li hemm fiż-żwiġijiet miksura u l-familji miġġeldin, il-maxtura li hemm kull fejn hemm attività li qed toħloq tbatija, inġustizzji u faqar, il-maxturi li għandna fil-komunitajiet ekkleżjali! Ma ninsewx li anki jekk il-maxtura tkun tal-kawba jew indurata bid-deheb, maxtura tibqa’. Ġesù jrid jitwieled f’dawn is-sitwazzjonijiet biex jibdilhom.

Kieku mhux għax il-bniedem huwa midneb, kieku Alla ma kienx jibgħat lil Ibnu fid-dinja u Marija ma kinitx “tmiddu fil-maxtura”. Ġesù huwa d-don tal-Missier, imma hu tahulna permezz ta’ Marija. “Marija hija dik li għar tal-annimali taf tibdlu f’dar għal Ġesù bi ftit faxex u ħafna ħlewwa” (EG, 286). Għalhekk f’din is-Sena Marjana, f’dan il-Lejl tal-Milied, nixtieq nagħmel talba lil Marija biex, misjuqa mill-għożża u l-ħlewwa materna tagħha, illum ukoll hija tmidd lil Ġesù tarbija fil-maxtura tagħna biex din tinbidel u, flok maxtura kollha tajn, issir tron tal-glorja tiegħu fostna.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading