Evanġelju tal-Ġimgħa 11 ta’ Jannar 2019

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Lq 5, 12-16

Dan ir-raġel marid bil-lebbra kien qiegħed jikser il-liġi waħda sew għax kien ta’ periklu għal oħrajn. Il-ġisem ta min kien jimrad bil-lebbra kien meqjuż li beda ġa l-proċess ta’ dekompożizzjoni li normalment iseħħ wara l-mewt u għalhekk, il-persuna kienet meqjusa bħala mejta ħajja. Dan kien iisser li l-individwu qiesu miet, jiġi mwarrab u seta’ jgħix biss ma dawk li kienu morda bħalu. Il-liġi kienet ukoll tgħid kif kellhom iġibu ruħhom meta jiltaqgħu man nies mhux morda bħalhom billi jgħajjtu bħala twissija biex ħadd ma jersaq lejhom; tgħid ukoll x’kellhom jilbsu u l-kelma li tuża setgħet tfisser ukoll ‘kefen’, l-ilbies li jitlibbes kadarvru qabel id-difna. Minħabba li ma kienx hemm fejqan għal din il-kundizzjoni, il-bniedem marid bil-lebbra kien ikkundannat għal għomru li jgħix mejjet għal dawk li kienu qrib tiegħu u għas-soċjetà li kien jgħix fiha.

Dan ir-raġel kien fil-belt, b’periklu kbir għal ħajtu, biex forsi jara lil dawk li kienu għeżież għalih, minħabba li kien qed iħoss li wasal fl-aħħar ta’ ħajtu. Jista’ jkun ukoll li l-belt li kien fiha ma kienetx belt tal-Lhud u allura l-liġijiet ma kienux daqshekk stretti. Hu x’inhu l-kas, jibqa’ l-fatt li dan ir-raġel marid gravi jagħaraf il-qawwa ta’ Ġesù u jmur jinxteħet wiċċu fl-art quddiemu f’tentattiv bie xjikseb il-fejqan. Il-fidi tiegħu hija kbira forsi għax is-sitwazzjoni tiegħu kienet ta disperament. Jekk trid, tista’ tfejjaqni. Ir-raġel kien jaf li l-qawwa kienet f’Ġesù; kien jonqos biss ir-rieda tiegħu li juża din il-qawwa biex ifejqu. U Ġesù quddiem fidi u sitwazzjoni bħal din, ma jistax ma jridx. U jfejqu.

Jitlob minnu li josserva l-liġi u li ma joqgħodx ixandar ma kulħadd dak li ġralu. Iżda xhieda kien hemm u l-fama tiegħu xterdet. Għal San Luqa hu mortanti ħafna li jisħaq li n-nies bdew jinġibdu lejn Ġesù; mhux bilfors kienu jemmnu fih, imma xi ħaġa fih kienet tiġbidhom lejh. Setgħet kienet il-ħlewwa ta’ kliemu, il-ħniena u l-mogħdrija li kienu jidhru fih; setgħet kienet il-qawwa tal-fejqan jew il-fatt li jitma l-folol.

Mhux wisq importanti xi jġiegħel bniedem biex jinġibed lejn Ġesù, daqskemm hu mportanti li l-bniedem jinġibed lejh. Din hi r-rieda tal-Missier, din hi l-missjoni ta’ Ġesù, li jiġbed lill-bnedmin kollha lejh, anke jekk ikollu jintrefa’ ’l fuq mill-art, biex jagħti lil kulħadd lura lill-Missier biex jgħixu miegħu is-sejħa li għamlilhom qabel infirdu minnu bid-diżubbidjenza tagħhom.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading