Meta d-dlam huwa dawl

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd 10 ta’ Frar 2019: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fis-Solennità tan-Nawfraġju tal-Appostlu Missierna San Pawl, fil-Knisja parrokkjali ta’ San Pawl Nawfragu, il-Munxar.META D-DLAM HUWA DAWL

Kemm hu ikrah il-lejl! Xi drabi l-lejl jaf ikun itwal minn dak li hu, għax ġieli barra titla’ x-xemx imma ġewwa fina jibqa’ l-lejl. Dwar dan nistaqsu lil min hu marid f’qiegħ ta’ sodda u forsi għandu l-kundanna maqtugħa fuq rasu. Dwar dan nisimgħu lil min għandu xi problema tagħfas fuq moħħu u fuq qalbu tant li, minkejja li jkun għajjien, ma jagħlaqx għajn ma’ għajn. Jinsab fid-dlam dak li għandu l-inkwiet serju fiż-żwieġ jew fil-familja. Ma jistax jara xaqq ta’ dawl min hu finanzjarjament mgħaffeġ u mimli xeba’ djun! Dawn huma ftit eżempji ta’ esperjenzi tal-lejl fil-ħajja. Imbagħad hemm iljieli mudlama qatigħ bħal meta nħossu li Alla jkun għeb mix-xefaq ta’ ħajjitna – inħossuna mitlufa! Ma humiex sitwazzjonijiet sbieħ meta wieħed jitlef il-gost ta’ Alla għax jinħakem minn dubji serji tal-fidi jew meta l-istess fidi u l-pakkett reliġjuż ma jibqgħux jagħmlu sens għalih.

Ħadd ma huwa meħlus minn dawn il-fażijiet tal-lejl. Ngħaddu minnhom individwalment, ras għal ras, bħala familji, bħala Knisja, kif ukoll bħala soċjetà.

Anki l-Appostlu Missierna Pawlu ġarrab it-toqol tal-lejl! Il-ġrajja tan-Nawfraġju fuq xtutna seħħet f’kuntest tal-lejl. Fil-fatt, meta fl-Atti tal-Appostli San Luqa jirrakkonta l-ġrajja tan-Nawfraġju, diversi drabi jsemmi l-lejl, partikularment f’żewġ passaġġi fejn jgħid li “għal ħafna jiem la dehret ix-xemx u lanqas kwiekeb” (27:21) u “wasal l-erbatax-il lejl… u għall-ħabta ta’ nofsillejl” (27:27). Kollox jindika li f’dak il-perjodu Pawlu u sħabu kellhom lejl twil ħafna. Xi wħud jgħidu li hawnhekkk Luqa mhux biss kien qed jirrakkontalna ġrajja kronoloġika – mhux biss kien qed jirreġistra fatt storiku, imma qiegħed jikteb l-istorja spiritwali ta’ Pawlu u tagħna. Fir-rakkont tan-Nawfraġju ma għandniex biss narrazzjoni ta’ ġifen fil-maltemp, imma peress li min qed jikteb huwa “teologu”, Luqa jagħtina interpretazzjoni tat-taqbida spiritwali li għadda minnha Pawlu u ngħaddu minnha aħna. Fil-fatt, il-ħajja ta’ Pawlu hija mfissra bħala “esperjenza prolungata tal-lejl”, u l-Kardinal Martini jgħid li l-ħajja ta’ Pawlu kienet Via crucis kontinwa. Pawlu nnifsu kien il-ħin kollu fil-periklu u kuljum f’xifer il-mewt (ara 1 Kor 15:30). Meta kien fl-Asja, tant kellu taħbit u ħassu magħfus, li stqarr: “Konna qtajna jiesna minn ħajjitna” (2 Kor 1:8)

Nagħti ftit eżempji.

Pawlu jiġi wiċċ imb wiċċ ma’ Kristu għall-ewwel darba fit-triq ta’ Damasku. Dakinhar idda madwaru dawl mis-sema, Pawlu waqa’ fl-art u xħin ġie biex iqum “fetaħ għajnejh u ma sata’ jara xejn” (Atti 9:4). Hawnhekk Pawlu mhux biss ġarrab għama fiżjoloġiku, imma wara dik l-esperjenza tad-dawl qawwi huwa daħal fid-dlam. Hawnhekk Pawlu beda jagħmel l-esperjenza ta’ dak li San Ġwann tas-Salib u Santa Tereża ta’ Avila jsejħu “l-lejl mudlam tas-sensi” u “l-lejl mudlam tal-ispirtu”. Il-laqgħa tiegħu ma’ Ġesù daħħlitu fi kriżi. Insib interessanti li biex Pawlu jeħles mid-dlam, ma marx għand Pietru imma għand Ħananija – ma marx għand l-Appostlu (jew presbiteru), imma għand wieħed lajk! (Imbagħad aħna l-presbiteri ġieli naħsbu li għandna xi prerogattiva esklussiva biex ngħinukom toħorġu mid-dlam tal-ħajja!).

Wara li tgħammed, Pawlu, li fi kliem San Ġirolmu “kien it-tromba tal-Vanġelu, kellu għajta ta’ ljun u kien xmara ta’ elokwenza divina”, dritt beda jipprietka dwar Ġesù Kristu, imma mill-ewwel reġa’ sab ruħu fid-dlam tar-rifjut. Kif jikteb huwa stess, “meta kont f’Damasku l-Gvernatur tas-sultan Areta qiegħed l-għases mal-belt ta’ Damasku biex jaqbadni, iżda niżżluni minn ġo qoffa minn tieqa fil-ħitan tal-belt u ħrabt minn taħt idejh” (2 Kor 11:30-33). Minn hemm mar biex jevanġelizza f’Ġerusalemm, imma lanqas hemm ma kien milqugħ. Wasal hemm mimli b’enerġija u entużjażmu, imma sab poplu indifferenti. Għalhekk hawnhekk ukoll huwa jidħol fi kriżi, tant li jiddeċiedi li jitlaq waħdu fid-deżert tal-Għarabja fejn dam tliet snin fid-dlam tas-solitudni (ara Gal 1:17).

Esperjenza oħra li kiddet qatigħ lil Pawlu kienet meta hu flimkien ma’ Sila għamlu programm pastorali biex jevanġelizzaw ċerti bliet, imma “l-Ispirtu ta’ Ġesù ma ħallihomx”: “Qasmu mbagħad il-Friġja u l-art tal-Galazja, għax l-Ispirtu s-Santu ma ħallihomx ixandru l-Kelma fl-Asja. Kif waslu fl-inħawi ta’ Misja, ippruvaw jidħlu f’Bitinja, imma l-Ispirtu ta’ Ġesù ma ħallihomx” (Atti 16:6-7). Imma mbagħad, meta kienu fi Troas, “billejl Pawlu kellu viżjoni: ra raġel mill-Maċedonja, wieqaf jitolbu hekk: ‘Ejja l-Maċedonja u għinna’”. Hekk, filwaqt li tħarbat il-programm “tiegħu”, inkixef il-programm ta’ Alla. Hawnhekk nara d-dlam ta’ min irid jagħmel id-dixxerniment tal-ispirtu – ta’ min irid jara u jagħmel ir-rieda ta’ Alla. La huwa faċli li wieħed jagħraf b’ċertezza x’inhi r-rieda ta’ Alla għalih u lanqas ma huwa ħafif li wieħed jgħix skont din ir-rieda. Taqtgħux qalbkom. Huwa normali li xħin niġu biex niddixxernu liema huma l-passaġġi ta’ Alla fl-istorja tagħna, ngħaddu minn fażi ta’ dwal u dellijiet.

Il-Knisja f’Korintu wkoll għaddiet lill-Appostlu Missierna mil-lejl! Għalkemm waslulna żewġ ittri li Pawlu kiteb lil din il-komunità, nafu li hemm tnejn oħra li ntilfu. Waħda minnhom hija magħrufa bħala “l-ittra tad-dmugħ”: “Jien ktibtilkom b’għafsa ta’ qalb u bid-dmugħ” (2 Kor 2:4). Pawlu beka quddiem din il-komunità ekkleżjali għax intebaħ li kienu ċaħdulu l-paternità tiegħu. Ma baqgħux jagħrfuh bħala l-missier li nissilhom fil-fidi.

Hemm min jgħid li fir-rakkont tal-ġrajja tan-nawfraġju ta’ Pawlu, Luqa ried ukoll jurina li Pawlu għadda mill-istess esperjenza tal-lejl li għadda minnha Kristu fuq is-salib. Għax anki l-Iben ta’ Alla għadda minn mumenti ta’ dlam. Biżżejjed niftakru fil-karba tiegħu lill-Missier: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?”. Hemm xebh bejn in-nawfraġju ta’ Pawlu u t-tislib ta’ Kristu. Il-baħar, li huwa simbolu tal-mewt, ried jibilgħu lil Pawlu. Imma “f’dak il-lejl deherli anġlu ta’ dak Alla li tiegħu jien u lilu nqim u qalli: ‘La tibżax’” (Atti 28:23). L-anġlu jagħmel il-qalb lil Pawlu u jgħidlu biex iqawwi qalb l-ekwipaġġ kollu li kien hemm fuq il-ġifen, “għax Alla tak il-grazzja li dawk kollha li qegħdin jivvjaġġaw miegħek isalvaw” (Atti 28:24). Kif bil-qawmien tiegħu Ġesù Kristu rebaħ id-dlam tal-mewt u salva lil kulħadd minn ħalq il-mewt, hekk Pawlu ħareġ mid-dlam ta’ dik it-tempesta u salva lil dawk kollha li kienu miegħu.

Id-dlam hu esperjenza ta’ kull wieħed u waħda minna, anki tal-Isqof tagħkom. (Jien nifhem ftit ċerti aspetti mudlama mill-ħajja ta’ Pawlu, partikularment meta xi wħud fil-Knisja ta’ Korintu ma għarfux il-paternità ta’ Pawlu u ma tawx widen għall-kelma tiegħu). Imma ma naqtgħux qalbna, għax id-dlam jaf ikun dawl. Għalkemm il-lejl mudlam huwa parti mill-ħajja, Alla jibgħat l-anġlu tiegħu biex joħroġna minn dawn il-mumenti mudlama. San Ġwann tas-Salib, li għandu ktieb dwar il-lejl mudlam, jikteb illi “dak li għal Alla huwa dawl, għall-bniedem huwa dlam profond. Il-lejl ma jfissirx li Alla huwa assenti jew jaqa’ fil-muta; imma fid-dalma tal-lejl, Alla jsaffi r-ruħ mill-injoranza u mill-imperfezzjonijiet abitwali, kemm naturali u kemm spiritwali. Il-kontemplattivi jsejħu l-lejl mudlam bħala kontemplazzjoni infuża jew teoloġija mistika. Fiha Alla jimla b’mod sigriet lir-ruħ bit-tagħlim tiegħu u jħarriġha fil-perfezzjoni tal-imħabba”. Fuq kollox din l-esperjenza mistika fil-bniedem ma tibdiex wara li jgħaddi l-lejl imma waqt il-lejl – mingħajr ma jinduna, matul il-lejl mudlam il-bniedem ikun qed jirċievi għerf sigriet!

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading