Marija, Omm il-Memorja

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 25 ta’ Marzu 2019: Omelija mill-Isqof Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex fis-Solennità tat-Tħabbira tal-Mulej, fil-Kappella tal-Lunzjata, il-Belt Victoria.

MARIJA, OMM IL-MEMORJA

Ir-rieda ħielsa tal-bniedem hija msieħba mill-intelliġenza u mill-memorja; jekk tonqoslu l-waħda jew l-oħra, il-bniedem ma jkunx liberu fl-għażliet li jagħmel. Bla ebda dubju fi żminijietna l-intelliġenza umana kotrot qatigħ, tant li llum sirna nitkellmu saħansitra fuq intelliġenza artifiċjali; għall-kuntrarju, il-memorja kulma jmur bdiet tiddgħajjef. Il-bniedem tal-lum sar għandu memorja qasira ħafna. Tħassret il-memorja, kemm dik individwali u kemm kollettiva. Meta niftakar fil-kliem mirqum ta’ Ċiċerun, li jgħid li “fil-verità l-istorja hija xhud taż-żminijiet, dawl tal-verità, ħajja tal-memorja, għalliema tal-ħajja u messaġġiera tal-antikità”, nitħassar lil dawk, partikularment il-ġenerazzjoni li tielgħa, li tilfu kull sens tal-istorja. Għax meta l-bniedem jitlef il-memorja, huwa jkun qaċċat l-għeruq tal-identità tiegħu. Il-bniedem li jisbaħ bla memorja huwa bniedem iblah!

Dan kollu jgħodd mhux biss għal dak li għandu x’jaqsam mal-memorja personali, familjari, soċjali u patrijottika, imma wkoll għall-memorja reliġjuża. Nibża’ li ma humiex ftit dawk l-Insara li għandhom memorja qasira ħafna f’dak li għandu x’jaqsam mal-istorja ta’ kif Alla niseġ ir-relazzjoni tiegħu mal-bnedmin. Ftit huma dawk li juru interess fl-istorja tas-salvazzjoni li hija d-damma tal-ġrajjiet ta’ meta Alla kixef lilu nnifsu mal-umanità.

Huwa fatt li l-istess liturġija, kemm Lhudija u kemm Nisranija, hija “tifkira” (memorjal). Meta jgħid lil-Lhud jagħmlu l-festa tal-Għid ħalli jfakkru l-ħruġ tagħhom mill-Eġittu, Alla jgħidilhom: “Dak il-jum ikun għalikom jum ta’ tifkira u intom tħarsuh bħala festa tal-Mulej” (Eż 12:14). Imma fil-każ tal-fidi tagħna, il-liturġija mhux biss hija memorja, imma fiha l-Ispirtu s-Santu “jġib u jagħmel li jseħħ fl-istess waqt il-Misteru ta’ Kristu” (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1092). Dan jidher b’mod ċar meta niċċelebraw l-Ewkaristija. Ġesù fl-Aħħar Ċena qal lill-Appostli: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi” (Lq 22:19). “Meta l-Knisja tiċċelebra l-Ewkaristija, hija tagħmel it-tifkira tal-Għid tal-Mulej, u dan iseħħ: is-sagrifiċċju li Kristu offra darba għal dejjem fuq is-salib jibqa’ dejjem tal-lum” (KKK, 1364).

Kieku aħna ma aħniex neqsin minn ċelebrazzjonijiet liturġiċi! Imma ħafna drabi ninqdew bil-liturġija mhux tant biex niftakru u ngħixu l-misteru, imma biex nipperpetwaw it-tradizzjonijiet u l-anniversarji tagħna; tant hu hekk li huwa normali li fil-laqgħat liturġiċi tagħna nħalltu s-sagru mal-profan. Għaldaqstant il-liturġija tagħna ma tgħinniex nibnu u nsaħħu l-memorja Kristjana tagħna!

Dak li nebbaħni biex nirrifletti dwar il-ħtieġa tal-memorja fil-ħajja tan-Nisrani u tal-komunità ekkleżjali hija l-ġrajja tat-Tħabbira tal-Anġlu lil Marija f’Nazaret. Meta fissrilha li lil dak li kienet ser tnissel fil-ġuf il-Mulej Alla kien ser jagħtih “it-tron ta’ David missieru u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb” (Lq 1:32), l-anġlu Gabrijel kien qed jappella lill-memorja ta’ Marija. Marija kienet tgħożż kif Alla kien mexa mal-poplu l-magħżul. Li Marija kienet terfa’ fil-memorja dawn l-esperjenzi ta’ Alla jikkonfermah ukoll San Luqa meta jgħid li wara li twieled Ġesù, Marija “baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha” (2:19). Fi kliem Cladovis Boff, fl-għanja tal-Magnificat li Marija għanniet għand Eliżabetta, għandna “l-memorja tal-ħwejjeġ kbar li Alla għamel fl-istorja”.

Il-memorja ta’ Marija hija apprezzata għax, f’kuntrast mal-massa li kienet insiet kollox dwar il-patt li kien hemm bejn Alla u l-poplu tiegħu, hija kienet waħda mill-fdal ta’ Iżrael (anawim) li baqgħu jindukraw u jgħożżu f’qalbhom il-wegħdiet li kien għamlilhom Alla.

Nara xebh bejn il-ġrajja tat-tħabbira tal-Anġlu lil Marija u t-tħabbira ta’ Esdra lil Iżrael. Fil-fatt, fil-ktieb ta’ Neħemija nsibu rakkont dwar liturġija mmexxija minn Esdra l-iskriba u l-Leviti (kapitlu 8). Dakinhar Esdra ppreżenta lil ulied Iżrael il-Ktieb tal-Liġi ta’ Mosè li kien mitluf u nstab. Huma u jisimgħu siltiet minn dan il-Ktieb, il-poplu ta’ Alla beda jiftakar x’għamel Alla miegħu u beka bil-ferħ. Il-poplu ta’ Alla kien tilef il-memorja, imma meta waslitlu l-Kelma, il-memorja tiegħu reġgħet xegħlet u għamel festa. Qisu ġralhom bħal meta aħna nsibu xi ritratt antik tal-familja jew xi ittra ta’ xi ħadd għażiż għalina li llum huwa nieqes. Min jista’ jfisser is-sentimenti li dawn is-sejbiet ifawru f’qalbna? L-istess effett u aktar kapaċi tħalli l-Kelma ta’ Alla li tixgħel il-memorja mudlama tagħna.

L-istess ġara f’Nażaret: fi żmien meta l-poplu ta’ Alla kien tilef il-memorja ta’ Alla, bl-iva tagħha Marija tilqa’ l-Kelma li saret laħam f’ġufha. Dakinhar l-Iben ta’ Alla sar bniedem biex jerġa’ jwaqqaf il-patt bejn Alla u l-poplu tiegħu u hekk, f’kontinwità ma’ dak li kien seħħ qabel, terġa’ tibda tinbena l-memorja. Dan huwa motiv ta’ ferħ, kif jindika l-Anġlu fit-tħabbira tiegħu lil Marija: “Ifraħ, Marija, għax int mimlija bil-grazzja”. Is-Solennità tal-Lunzjata għandha timla bil-ferħ anki lilna li, kif għidt aktar ’il fuq, kważi tlifna l-memorja ta’ Alla, għax illum f’isimna Marija qed tilqa’ lil Ġesù (il-Verbum Dei), li ġie biex jurina kemm Alla jħobbna.

Jien nitħasseb quddiem il-ġenerazzjonijiet li telgħin, għax minkejja li noffrulhom it-tagħlim tar-reliġjon Nisranija fl-iskejjel u jkunu għamlu l-katekiżmu li jwassalhom għall-Ewwel Tqarbina u għall-Griżma tal-Isqof, f’dik li hija fidi fi Kristu qishom tabula rasa – ma jiftakru kważi xejn! Jien nistaqsi x’kontenut u x’esperjenza ta’ fidi għaddejnielhom! Jekk ma nkunux midħla tal-Kelma ta’ Alla, jekk ma nkunux nafu x’għamel Ġesù għalina, jekk nibqgħu sajmin dwar eżempji sbieħ li tawna l-qaddisin, jekk ma niftakrux x’kienet tfisser il-fidi għall-antenati tagħna… mhux bilfors li l-memorja tagħna tibqa’ vojta? Jekk “tħassret” il-memorja, ma nistgħux nistennew li nibnu l-ġejjieni.

Fid-dawl ta’ dan kollu, f’din is-Sena Marjana nħeġġiġkom biex tirrikorru għand Marija li hija l-memorja tal-Knisja. Is-Santi Padri jgħidu li meta Luqa jgħid li r-ragħajja qalu lil xulxin: “Ejjew immorru Betlehem ħa naraw x’ġara kif għarrafna l-Mulej… u sabu lil Marija” (2:15), l-evanġelista ma kienx qed jaħseb fil-bidwini li kienu jirgħu l-merħla, imma kellu f’moħħu l-Appostli li Ġesù qegħedhom bħala ragħajja tal-poplu ta’ Alla. Huma marru għand Marija, biex hi, li kienet il-memorja tal-Knisja, tirrakkontalhom kif il-Kelma daħlet fid-dinja. Illum ukoll, aħna nersqu għand Marija, Omm il-memorja, biex hi tfakkarna dak li Ġesù għallem u għamel, ħalli hekk ħajjitna tkun tifkira li tikkomunika l-imħabba ta’ Alla.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading