Wara l-mewt ta’ Kristu ħadd ma hu waħdu

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa l-Kbira, 19 ta’ April 2019: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex fl-Adorazzjoni tas-Salib Imqaddes, fil-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria.

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/611107008″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” width=”100%” height=”100″ iframe=”true” /]

WARA L-MEWT TA’ KRISTU ĦADD MA HU WAĦDU

“Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?”. Skont San Mattew u San Mark din kienet l-aħħar kelma li Ġesù lissen fuq is-salib; anzi, San Mattew iżid jgħid li “Ġesù għajjat għajta kbira u radd ruħu” (27:50). Dan ifisser li Ġesù miet bla tweġiba! Din hija karba xokkanti. Lilna tistrumblana, mhux għax int u jien ma ġiex li għidna kliem bħal dan fil-konfront ta’ Alla, imma għax ħierġa minn fomm Ġesù l-Iben ta’ Alla.

Din it-tnehida ħarġet mill-fond tal-qalb ta’ dak li lil Alla jsejjaħlu “Abbà”, dak li kemm-il darba stqarr li hu u l-Missier huma ħaġa waħda: “Il-Missier huwa fija u jien fil-Missier” (Ġw 10:30,38); dak li lilna qalilna biex meta nitolbu nsejħulu “Missierna”.

Mela x’ġara biex f’mument daqshekk solenni u drammatiku Ġesù joħroġ b’din l-espressjoni daqshekk qawwija u skandaluża? Hija talba tassew stramba meta wieħed iqis li skont kif jingħad fis-Salmi, Alla “ma jitlaqx lil min ifittxu” (9:11) u “ma jħallix lill-maħbub tiegħu jara l-qabar” (16:10). Għaliex il-qalb ta’ Alla tibqa’ daqshekk insensibbli u kiesħa quddiem din l-għajta ta’ Kristu sfinit?

Kellu raġun fuq is-salib Ġesù jara biss dlam meta sab ruħu abbandunat u minsi mhux biss minn dawk li huwa kien ħabb imma saħansitra minn Missieru! F’ċertu sens nistgħu ngħidu li Ġesù miet qabel miet – għax qabel ma waqfet qalbu u għalaq għajnejh, huwa ħass li Missieru kien “ċaħdu” u qata’ kull relazzjoni miegħu! Il-mewt psikoloġika u affettiva taf tkun kiefra u ħarxa aktar mill-mewt fiżika!

Fil-Ġetsemani Ġesù kien aċċetta li jixrob il-kalċi mimli mrar. Hu aċċetta li jiġi mżeblaħ u kkundannat inġustament. Aċċetta li jieħu l-passjoni u li jmut imsallab. Imma kien diffiċli ħafna li jaċċetta li Missieru rħielu. Ġesù għaraq l-għaraq tad-demm mhux biss fil-Ġnien taż-Żebbuġ imma wkoll quddiem l-assenza tal-Missier. Is-skiet tal-Missier ħawdu waħda sew. Fis-solitudni minxur fuq is-salib, bħal donnu tiġri ħaġa kerha ħafna: misrum bl-indifferenza tal-Missier, Ġesù bħal donnu huwa ttentat jibda jissuspetta jekk hu kienx tassew iben ta’ Alla u jekk Alla kienx tassew Missieru! Liema iben jew bint li jkollu jaffaċċja din l-esperjenza vjolenti fejn il-Missier jinnega l-paternità tiegħu, ma jgħaddulux ħsibijiet koroh bħal dawn? Ħafna drabi d-dubju u s-suspett huma ferm aktar kiefra mis-sofferenza.

Għeżież, jien u nagħmel din ir-riflessjoni għandi f’moħħi lil kull wieħed u waħda minna, għaliex ilkoll kemm aħna ngħaddu minn esperjenzi tal-waħx bħal dawn. Ma nixxukkjax ruħi meta f’ċerti ċirkustanzi dulurużi u wergħin tal-ħajja, fejn niġu wiċċ imb wiċċ ma’ Alla li jaqa’ fil-muta, spontanjament toħroġilna l-għajta: Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex ħallejtni? U nibqgħu bl-għaliex mhix imwieġba. Bħal Ġesù fuq is-salib, jaf jiġrilna li meta aħna nkunu fuq is-salib, nirriskjaw li nitilfu t-tama tagħna f’Alla.

Niftakar f’dawk li huma moribondi, partikularment dawk f’età bikrija. Niftakar f’dawk li huma morda bil-kanċer u qegħdin jagħmlu l-kimoterapija jew b’mard ieħor li ma jitfejjaqx. Niftakar f’dawk il-ġenituri li raw it-tarbija titwieled, imma flok ferħu kellhom jiġru għall-kura. Niftakar f’dawk li ħabta u sabta rċivew l-aħbar li xi ħadd għażiż tagħhom miet traġikament fuq ix-xogħol jew b’xi inċident ta’ karozza. Niftakar f’dawk li tilfu lil marthom jew lil żwieġhom u sabu ruħhom waħidhom! Niftakar f’dawk li huma vittmi ta’ inġustizzja. Minn fuq dawn is-slaleb, dawn u oħra jistaqsu: Għaliex, Mulej? U ħafna drabi jibqgħu bla tweġiba!

Ħuti, Ġesù għadda minn din il-mina ta’ tbatija fiżika, emottiva u spiritwali biex aħna napprezzaw x’ried ifisser San Ġwann meta qalilna li “l-Verb sar bniedem”. Dan ifisser li Ġesù verament ħa fuqu umanità dgħajfa, miskina u limitata. Meta ngħidu li Ġesù sar bniedem bħalna verament inkunu ngħidu li Ġesù ħa fuqu dak li hu ma kellux għax hu Alla: ġarrab x’inhi t-tbatija u x’inhuma l-limitazzjonijiet. Anzi, San Pawl mhux biss jgħid li “Ġesù miet għal dnubietna u kien midfun” (1 Kor 15:3-4), imma saħansitra jgħid ukoll li “Alla għamlu dnub għalina” (2 Kor 5:21). F’dan il-kuntest Ravasi jgħid li “Alla mhux biss ħa fuqu dak li mhux-Alla (il-mewt), imma wkoll dak li huwa kontra-Alla (id-dnub), biex verament jidħol fil-faldi tal-istorja tagħna”. Kif josserva tant tajjeb it-teologu Bonhoeffer, “Alla huwa bla saħħa u dgħajjef fid-dinja, u hekk u hekk biss jibqa’ magħna u jgħinna. Kristu ma jgħinniex għax huwa setgħan u qawwi, imma jgħinna bid-dgħufijiet tiegħu”.

Fil-Kurċifiss nilmħu t-twaħħid tad-dulur tal-bniedem mad-dulur ta’ Alla. L-għajta drammatika ta’ Ġesù hija l-għajta tagħna lkoll. L-assurdità li jħoss Ġesù hija l-assurdità li nħossu aħna meta lil Alla narawh jgħib mix-xefaq ta’ ħajjitna. Kif fil-morsa attroċi tat-tbatija Ġesù jikkontesta lill-Missier, ma nistagħġibx li anki aħna nikkontestaw lil Alla!

Imma nisimgħu x’jgħid l-awtur tal-Ittra lil-Lhud: “Meta kien jgħix fuq din l-art, Kristu offra talb u suppliki b’leħen għoli u bid-dmugħ lil dak li seta’ jsalvah mill-mewt. U kien mismugħ għax intelaq f’idejh” (5:7). It-tweġiba tal-Missier lil Ġesù waslitlu meta “ntelaq” kompletament f’idejh. Abbandunat mill-Missier, l-Iben jabbanduna ruħu totalment fih. Hekk Ġesù jirbaħ il-prova tas-solitudni. Fuq il-Kalvarju Ġesù jagħmel att ta’ fidi u fiduċja fil-Missier. Anzi, l-istess baħħ li ħolqitlu s-solitudni jagħtih il-lok li jerġa’ jġedded l-iva tiegħu lill-Missier. Kif jikkummenta David M. Turoldo, wieħed aktar irid jagħmel impenn biex jemmen f’Alla li huwa assenti fil-Ġimgħa l-Kbira, milli f’Alla li qajjem lil Ġesù mill-mewt nhar il-Għid.

Din hija t-tweġiba li qegħdin nistennew: ma nibżgħux nintelqu f’idejn Alla l-Missier! Minn dakinhar ħadd minna, sew jekk jemmen sew jekk ma jemminx, ma huwa waħdu. Ħadd ma huwa waħdu fit-tbatija u fl-esperjenza tas-silenzju ta’ Alla, għax sal-aħħar taż-żmien Kristu jibqa’ jgħajjat f’isimna lkoll: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?”, u din is-solitudni u d-dubju tal-abbandun jitħaddnu minn Alla li fl-imħabba laqa’ lil Ibnu u jilqa’ lilna. Is-skiet tal-Missier fuq il-Kalvarju ma kienx skiet ta’ xi ħadd indifferenti jew assenti, imma kien il-prezz li ħallas il-Missier biex tana lil Ibnu! Dakinhar li Ġesù miet fuq is-salib il-Missier ma lissen ebda kelma, mhux għax ma riedx, imma għax kien qed jolfoq fl-offerta li għamel ta’ Ibnu għalina.

Ma ninsewx li s-solitudni u t-tbatija ta’ Kristu fuq il-Kalvarju battew ftit għax imħaxkna miegħu ħdejn is-salib kien hemm Ommu Marija. Jekk Ġesù jgħid li l-Missier abbandunah, ma setax jilmenta minn Ommu. Fil-waqtiet tqal tagħna ħa nsejħu lil Marija, għaliex hi li għandha esperjenza tat-tbatija ta’ Binha fuq is-salib, taf tkun l-aħjar interpretu tagħna quddiem il-Missier.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading