Għand Ġesu’ permezz ta’ Marija

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 13 ta’ Mejju 2019: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex fit-twaqqif tal-Assoċjazzjoni Devoti ta’ Marija Awżiljatriċi fid-Djoċesi ta’ Għawdex, fil-Kunvent tas-Sorijiet Salesjani, il-Belt Victoria.

GĦAND ĠESÙ PERMEZZ TA’ MARIJA

Meta llum qegħdin infakkru l-ewwel dehra tal-Madonna f’Fatima, tajjeb inżommu quddiem għajnejna li waħda mix-xewqat li l-Madonna esprimiet mat-tlett itfal f’Cova da Iria kienet li ssir il-Konsagrazzjoni lill-Qalb bla tebgħa tagħha. Eku ta’ din ix-xewqa tal-Omm tagħna tas-Sema għamiltu fl-aħħar Ittra Pastorali tiegħi, fejn għamilt sejħa biex f’din is-Sena Marjana, “f’rabta ma’ Għid il-Ħamsin li ġej il-komunità ekkleżjali tinġabar fis-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu u flimkien nagħmlu l-Att ta’ Affidament tad-Djoċesi lill-Madonna”. Fuq kollox hija r-rieda ta’ Ġesù li aħna nintelqu f’idejn Marija Ommu. Fil-fatt, kien Ġesù nnifsu li minn fuq is-salib fdana lilha.

Huwa ħalliena f’idejha għax jaf li Marija hija triq żgura li twassalna għandu. Kif jgħid San Lwiġi Marija de Montfort, “id-devozzjoni lejn il-Verġni Marija hija meħtieġa biss biex il-bniedem isib perfettament lil Ġesù Kristu”. Jekk id-devozzjoni lejn Marija ma tressaqniex lejn Ġesù Kristu, din tkun devozzjoni falza u illużjoni djabolika. Nibża’ li minn din għandna fostna.

Fi kliem San Lwiġi Marija de Montfort, l-għan tal-Affidament lil Marija huwa biex issir il-konsagrazzjoni tagħna lil Ġesù permezz tagħha. Aħna diġà ġejna kkonsagrati lil Alla permezz tal-Magħmudija. Għalhekk l-istedina biex isir dan l-Affidament lil Marija hija stedina biex aħna nġeddu l-wegħdiet tal-Magħmudija tagħna li essenzjalment huma tnejn: li naħarbu d-dnub u li nkunu kollna kemm aħna ta’ Alla Trinità.

Għalhekk, meta qed nagħmel dan l-appell, qiegħed nagħmel sejħa lill-komunità ekkleżjali tagħna biex tiskopri l-ġmiel u l-effetti kbar tal-Magħmudija. Għandna bżonn kbir li nirriflettu dwar x’jiġri meta nitgħammdu, għax xi drabi nissuspetta li qed ngħammdu bl-ilma tal-brodu! It-talba biex ngħammdu lil uliedna tagħmel sens jekk din tkun espressjoni tal-fidi tagħna fi Kristu; imma xi drabi l-Magħmudija saret ritwal soċjali b’libsa reliġjuża imma battal minn kontenut spiritwali. Dan l-aħħar qaluli li fost dawk li għamlu l-Ewwel Tqarbina s-sena l-oħra kien hemm tifel li dakinhar tal-Ewwel Tqarbina kienet l-ewwel u l-aħħar quddiesa li ħa sehem fiha! Nistaqsi x’effett kellha l-Magħmudija fuq dan it-tifel u l-ġenituri tiegħu!

Bil-Magħmudija n-Nisrani jitlaqqam fi Kristu u jibda proċess li jgħinu jikber fix-xebh ma’ Ġesù. Ħadd aktar minn Marija ma jista’ jgħinna nixbhu lil Ġesù, għax kif jgħid Santu Wistin, Marija hija forma Dei – jekk wieħed irid jixbah lil Alla, jimita lilha li hija mudell perfett. Min jidħol f’din il-forma jsir xbieha ta’ Ġesù. Fi kliem San Lwiġi Marija de Montfort, “Marija hija dak il-post qaddis, il-Qaddis tal-qaddisin, fejn il-qaddisin jirċievu l-forma u jiġu msawrin. Hemm differenza bejn tnaqqax xbieha u timla l-forma”. Meta n-Nisrani jagħmel dan l-Affidament lil Marija, jibda jinbidel fiha, u peress li hi x-xbieha ta’ Ġesù, min jixbah lilha jkun jixbah lil Ġesù.

Din ir-relazzjoni li twassalna biex nintelqu f’idejn Marija titfisser bit-talb. Għalhekk huwa ferm importanti li wieħed jagħmel il-ħin biex jiftaħ qalbu ma’ Marija u flimkien magħha jadura u jfaħħar lil Alla Trinità. Marija hija s-sigriet tal-qdusija.

Għalhekk nixtieq li sa Għid il-Ħamsin li ġej fil-familji, fl-għaqdiet, fil-klabbs u l-bqija jsir dan l-Affidament lil Marija. Inħeġġeġ lill-Insara biex fil-ġimgħat li ġejjin jieħdu l-inizjattiva u jistiednu lil sħabhom fuq ix-xogħol, fil-lokalitajiet ta’ mistrieħ, u l-bqija, biex jagħmlu dan l-att ta’ Affidament lil Marija anki billi jgħidu t-talba li l-Kappillani qegħdin iqassmu lill-familji waqt it-Tberik tal-Għid.

It-twaqqif tal-Assoċjazzjoni Devoti ta’ Marija Awżiljatriċi (ADMA) fid-Djoċesi tagħna huwa rigal li l-Madonna qed tagħtina f’din is-Sena Marjana. Nirrakkomandalkom biex ixxerrdu l-vera devozzjoni lejn Marija, partikularment biex tħajru oħrajn jagħmlu dan l-att ta’ fiduċja f’Marija. L-Affidament lill-Madonna jagħmel parti mill-ispiritwalità Salesjana; fil-fatt, Don Bosco nnifsu kien jinkuraġġixxi dak li hu sejjaħlu att ta’ filjazzjoni li bih wieħed jagħraf lil Marija Awżiljatriċi¬ bħala Ommu.

Ma nibżgħux nafdaw f’Marija – Marija, Omm Alla, hija ta’ min jafdaha. Nafdawha sempliċement għax hija Ommna, u l-omm qatt ma ser tidħak b’uliedha. Għalhekk, kif stedinna nagħmlu l-Papa Franġisku, ħa nsejħulha flimkien: Taħt il-ħarsien tiegħek ninġabru, Omm Qaddisa ta’ Alla, la tistmerrx it-talb tagħna fi ħtiġijietna, imma ħarisna u eħlisna minn kull deni.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading