Min jara lilna jrid jara lil Ġesu’

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 2 ta’ Ġunu 2019: Omelija mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fis-Solennità tat-Tlugħ tal-Mulej fis-Sema, fl-Għeluq tal-Kwaranturi Mqaddsa fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria.MIN JARA LILNA JRID JARA LIL ĠESÙ

Għal min jaf jaħseb (imma llum ftit huma dawk li jaħsbu u ħafna inqas huma dawk li jħabblu moħħhom dwar il-kontenut tal-fidi), il-Festa tal-lum għandha ddaħħalna fi kriżi, għaliex bit-Tlugħ tiegħu fis-Sema, il-Mulej “telaqna” waħidna. Jekk Ġesù kien “ix-xbieha li tidher ta’ Alla li ma jidhirx” (Kol 1:15), issa nħeba hu wkoll. Bir-raġun it-teologu D. Bonhoeffer, meta kien maqful fiċ-ċella tan-Nażi, qal li “l-inviżibbiltà ta’ Alla toqtolna u l-bniedem tal-lum mhux lakemm jaċċetta lil dan Alla li ma jidhirx”.

Rizultat tal-fatt li Alla huwa bħal donnu assenti mill-istorja, naraw li qed jikber, anki fostna, l-għadd ta’ dawk li qed isiru indifferenti għall-proposta tal-fidi. Hemm diversi indikaturi li juruna li l-bażi tal-komunitajiet parrokkjali tagħna qed tinbidel b’ritmu mgħaġġel; insemmi biss kemm hija evidenti fost dawk li isimhom jimla r-reġistri tal-Magħmudija u tal-Griżma tagħna l-laxkezza morali f’kull livell tal-ħajja: fiż-żwieġ, fil-familja, fuq ix-xogħol, fl-eżerċizzju tad-diversi professjonijiet – mediċina, kummerċ, legali, u l-bqija – fil-ħajja tagħna s-saċerdoti u ta’ oħrajn.

Kif jgħid il-qawl, “bogħod mill-għajn, bogħod mill-qalb”, u għalhekk, minħabba li l-preżenza ta’ Alla fostna ddgħajfet, anki r-relazzjoni personali tagħna ma’ Ġesù qed tiftaqar. Sar għandna ħin għal kollox barra għal Alla, u għalhekk iċċantajna t-talb u ċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti. L-għadd ta’ dawk li ma jersqux għall-Ewkaristija tal-Ħadd mhux indifferenti. Illum qegħdin nikkonkludu b’mod solenni l-Kwaranturi Mqaddsa fir-Rabat, imma kemm huma dawk li matul dawn it-tlett ijiem għamlu l-ħin biex jersqu fil-preżenza ta’ Ġesù Ewkaristija? Kif nispjegaw li għal ħafna ħin Ġesù Espost kien ikun kważi waħdu? Inkun niżbalja jekk ngħid li fir-Rabat hawn min lanqas biss intebaħ li kellna din il-festa tal-Ewkaristija?

Ma rridx inkun pessimist, imma fl-istess waqt lanqas ma huwa sewwa li minħabba t-tradizzjonijiet reliġjużi tagħna, nibqgħu ngħixu f’epoka li għaddiet. Fl-imgħoddi kien hemm ħafna sinjali li jevokaw il-preżenza ta’ Ġesù fid-dinja minkejja li kien tela’ s-Sema. Kollox kien imqartas fil-“karti tal-Glorja” u kulħadd kien kuntent. Imma dawn is-sinjali li kienu jinftiehmu min-nies tal-bieraħ, illum ma fadlilhom ebda sens spiritwali. Uħud minn dawn is-sinjali għandhom libsa reliġjuża, imma xorta ma jwasslux biex il-bniedem tal-lum “jara” u “jħoss” lil Ġesù. Anzi, xi drabi jiġri l-kontra: nirrikorru għal espressjonijiet u manifestazzjonijiet taparsi reliġjużi li flok ma jressqu lill-bniedem lejn Alla, igerrxuh minnu. Xi drabi, taħt il-pretest reliġjuż, nagħżlu li nagħmlu ħwejjeġ li jmorru kontra l-Vanġelu u jiskandalizzaw lil min illum qed ifittex tweġiba spiritwali jew lil min huwa spiritwalment dgħajjef.

Għeżież uliedi, nieħdu nota li kif jgħid wieħed poeta Ġermaniż tas-seklu dsatax, “il-qanpiena qiegħda tnaqqar għax għaddejjin biex jagħtu l-aħħar sagramenti li dak Alla li qed imut” (Heinrich Heine).

Ġesù tela’ s-Sema mhux biex jitlaqna jew jinħeba, imma għax kienet waslet is-siegħa li d-dixxipli jqumu fuq riġlejhom u jieħdu r-riedni f’idejhom. Issa li Ġesù temm il-missjoni tiegħu fuq l-art, kien imiss lid-dixxipli, individwalment u bħala komunità, li jagħmlu lil Ġesù preżenti u jidher fid-dinja. Hija r-responsabbiltà tagħna bħala komunità ekkleżjali li nlaqqgħu lil Ġesù mal-bniedem tal-lum. Min jara lilna jrid jara lil Ġesù. Min jiltaqa’ magħna jrid jarana nirraġunaw kif kien jirraġuna Ġesù. Min jitkellem magħna jistenna li jismagħna nitkellmu kif jitkellem Ġesù. Huwa għalhekk li qabel tela’ s-Sema lid-dixxipli Ġesù ordnalhom biex ikunu xhieda tiegħu sa truf l-art (ara Atti 1:9).

Meta ħaddieħor jinduna li aħna għandna ħin nitolbu, dan jintebaħ li għalina Alla huwa prijorità. L-azzjonijiet tajba tagħna huma l-aqwa mod kif nikkomunikaw il-Vanġelu lill-oħrajn. Mill-imħabba sinċiera ta’ bejnietna jagħrfuna li aħna tiegħu u li bejnietna aħna aħwa, minkejja li għandna kulur, appartenenzi, stendardi, ideali differenti. Bil-karità li nagħmlu, bħal fil-każ tal-opri tal-ħniena, inkunu ndewqu t-tjubija u l-ħlewwa ta’ Ġesù. Meta nkunu rikonċiljattivi, lesti li naħfru, nitfu n-nar u nħitu t-tiċrit li jaf ikun hemm fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna, meta nfittxu aktar dak li jgħaqqadna milli dak li jifridna, dan ikun ifisser li nemmnu fil-komunjoni. Fuq kollox, meta quddiem is-slaleb tal-ħajja aħna nibqgħu magħqudin ma’ Ġesù Kurċifiss, inkunu nagħtu xhieda li nemmnu fil-misteru tal-Għid ta’ Kristu.

Huma dawn l-għażliet li jikxfu li aħna poplu ta’ Alla. Huma dawn l-għażliet li jqanqlu mistoqsijiet fil-bniedem dwar Alla. Jekk l-għażliet tagħna bħala komunità Nisranija ma jipprovokawx din ix-xorta ta’ mistoqsijiet u ma jkellmux lill-qlub tal-oħrajn, allura għandna xi ħaġa gravi għax Alla ser jibqa’ mistur. Pożizzjonijiet li huma anti-evanġeliċi huma djaboliċi u għalhekk huma l-aqwa velenu biex joqtol iż-żerriegħa tal-fidi, speċjalment fiż-żgħar.

Meta llum qegħdin nagħmlu din il-festa tal-Ewkaristija, inħeġġiġkom tkunu devoti tal-Ewkaristija. L-ewwel nett għax fl-Ewkaristija għandna “preżenza ġdida” ta’ Ġesù bid-divinità u l-umanità tiegħu. Għandna bżonn nittallbu quddiemu ta’ kuljum biex il-grazzja tiegħu tiftaħ il-qalb kiesħa tagħna u theżżeż il-ħajja bierda u superfiċjali tagħna. Għarkupptejna f’riġlejn Ġesù Sagramentat, inħalluh imissilna ħajjitna – hekk biss nistgħu nxandru dak li nkunu rajna u smajna. Min jieħu s-saħħa mill-Ewkaristija, imbagħad jagħmel għażliet Ewkaristiċi, fis-sens li jkun bniedem ta’ karità, ta’ qalb ġeneruża u ta’ komunjoni. Meta naslu biex nagħmlu mill-komunitajiet parrokkjali tagħna komunitajiet Ewkaristiċi, allura min jagħmilha magħna jkun jista’ “jħoss” u “jara” lil Ġesù – hekk, għalkemm lil Ġesù ma narawhx b’għajnejna, narawh b’qalbna. Dan huwa l-futur tal-Knisja. Kif jgħid Pascal, “Ġesù ser jibqa’ fl-agunija sal-aħħar tad-dinja. Ma nistgħux norqdu!”. Ħa tkun il-preżenza tagħna fl-ambjenti fejn ngħixu l-preżenza ta’ Ġesù.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading