L-Isqof Mario Grech f’Ordinazzjoni Presbiterali u Djakonali

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 14 ta’ Ġunju 2019: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, f’Ordinazzjoni Presbiterali u Djakonali, fil-Katidral ta’ Għawdex. Bil-kortesija ta’ Radju Katidral.

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/636967041″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” width=”100%” height=”100″ iframe=”true” /]

GĦANDNA BŻONN TAL-ISPINTA TAL-ISPIRTU

Qaddis kbir fil-Knisja Ortodossa Russa, San Serafin minn Sarov (1759-1833), magħruf bħala ‘dak li kellu qalbu ħuġġieġa’, darba staqsa lid-dixxiplu maħbub tiegħu Nicola Motovilov x’inhu l-iskop tal-ħajja Nisranija. Nikola wieġeb: “Nitlob, insum u nishar u nipprova ngħix sewwa”. Imma Serafin fissirlu li “t-talb, is-sawm, is-sahriet u l-prattiċi reliġjużi l-oħra, għalkemm huma ħwejjeġ tajba, ma humiex l-għan tal-ħajja Nisranija! Għax l-għan veru tan-Nisrani huwa li jikseb l-Ispirtu s-Santu ta’ Alla. Min-naħa l-oħra t-talb, is-sawm, is-sahriet, il-karità u kull azzjoni tajba oħra li wieħed jagħmel f’isem Kristu huma biss mezzi biex wieħed jikseb l-Ispirtu s-Santu. Żomm f’moħħok li hija biss azzjoni tajba li wieħed jagħmel f’isem Kristu li kapaċi tgħinna niksbu l-frott tal-Ispirtu. Il-ġid li jsir f’isem Kristu mhux biss jgħinna biex naqilgħu l-glorja fil-ħajja li ġejja, imma minn hawnhekk stess jimla lill-bniedem bil-grazzja tal-Ispirtu s-Santu, kif naqraw fil-Vanġelu: “Alla ma jagħtix l-Ispirtu tiegħu bil-kejl. Il-Missier iħobb lill-Iben u ħalla kollox f’idejh” (Ġw 3:43). Fil-parabbola tal-għaxar tfajliet verġni, dawk il-ħamsa li naqashom iż-żejt huma simbolu ta’ dawk li jonqoshom l-Ispirtu s-Santu. Huma boloh għax ma ħasbux biex ikollhom il-virtujiet li huma grazzja tal-Ispirtu s-Santu, li mingħajru ħadd ma jista’ jsalva. Wieħed mill-Missirijiet tad-deżert, Anton il-Kbir, kiteb hekk lil sħabu l-irħieb: “Ir-rieda ta’ Alla hija perfetta għax tgħin lill-bnedmin biex isalvaw u tgħallimhom biex jagħmlu s-sewwa unikament bl-għan li jakkwistaw l-Ispirtu s-Santu, li huwa t-teżor etern li fid-dinja ma hawn ebda ġid ieħor ikbar minnu. Kemm nixtieq, ħabib ta’ Alla, li f’din id-dinja inti timtela bl-Ispirtu s-Santu. Kemm nixtieq, ħabib ta’ Alla, li int issib din l-għajn tal-grazzja li ma taqta’ qatt, u li int kontinwament tistaqsi lilek innifsek: L-Ispirtu s-Santu qiegħed fija?”.

Dan huwa li nixtieq lilkom, “ħbieb ta’ Alla” li llum, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, int, Patri Elija ta’ Ġesù Msallab OCD, ser tirċievi d-don tal-presbiterat, u inti, Mario, ser jingħatalek id-don tad-djakonat: li tkunu mimlija bl-Ispirtu s-Santu. Kif tgħallem Santa Tereża minn Avila, “mingħajr l-Ispirtu s-Santu u l-imħabba tiegħu li tqabbad u tibdel, kull sforz li jagħmel il-bniedem biex ikun perfett imur fil-vojt. Il-prattiċi axxetiċi u l-impenn biex il-bniedem jikkonverti, partikularment f’dak li għandu x’jaqsam mal-imġiba morali, iħallu l-frott biss jekk ikun hemm l-Ispistu s-Santu”.

It-tisħib tagħkom fl-Ordni Sagri, it-tnejn li intom bi grad differenti, ser ipoġġikom f’kuntatt speċjali mal-Ewkaristija li hija s-sagrament per eċċellenza tal-Imħabba, u għalhekk sinjal qawwi tal-Ispirtu s-Santu li jinżel fuqna. Huwa fl-Ewkaristija li sal-aħħar taż-żmien Ġesù jkompli bil-missjoni tiegħu “jgħammidna fl-Ispirtu s-Santu u n-nar”. Dakinhar li waqqaf l-Ewkaristija, Ġesù għamel tnehida quddiem il-maħbubin tiegħu: “Jien nitlob lill-Missier u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem” (Ġw 14:16). Dakinhar lil Missieru Ġesù jitolbu: “Missier, irrid li l-imħabba li biha ħabbejtni tkun fihom u jien fihom” (Ġw 17:26). Huwa permezz tal-Ewkaristija li l-Missier iwieġeb għat-talba ta’ Ibnu l-maħbub. Huwa bl-Ewkaristija li Ġesù Rxoxt jgħaddi l-Ispirtu s-Santu lill-maħbubin tiegħu kif għamel nhar l-Għid filgħaxija: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu” (Ġw 20:23).

Meta Ġesù waqqaf l-Ewkaristija, fiċ-Ċenaklu, fit-Talba Saċerdotali, huwa stqarr lill-Missier li “l-glorja li inti tajtni, jien tajtha lilhom” (Ġw 17:22). San Girgor Nissenu jittraduċi din is-sentenza b’dan il-kliem: “L-Ispirtu s-Santu li inti tajtni, jien tajtu lilhom”. Il-Missirijiet tal-Knisja jsejħu l-umanità ta’ Ġesù Ewkaristiku bħala “vażett tal-alabastru mimli bil-fwieħa tal-Ispirtu s-Santu”. Fuq is-salib dan il-vażett tal-alabastru tkisser (meta l-ġisem tal-Kurċifiss tkisser bil-mewt) u l-Ispirtu s-Santu ħareġ minnu, u kif ġara dakinhar tad-dilka li saret f’Betanja, il-fwieħa mliet id-dar kollha, jiġifieri mliet il-Knisja u lill-umanità kollha.

Hemm rabta bejn l-Ispirtu s-Santu u l-maħfra tad-dnubiet. F’talba profonda li nsibu fil-Knisja tal-Lvant miktuba minn Taddew u Mari, dixxipli tal-Appostlu San Tumas (fl-ewwel seklu), naqraw hekk: “Ejja, Mulej tiegħi, l-Ispirtu tiegħek jistrieħ fuq din l-offerta, iberikha u jqaddisha sabiex tiswielna għall-maħfra tad-dnubiet, ninħelsu mid-djun tagħna u niksbu tama qawwija fil-qawmien mill-imwiet”. Il-Knisja Griega żżomm li fl-Ewkaristja l-Ispirtu s-Santu jibdel id-doni, jitħallat magħhom u jimliehom biex aħna naqilgħu l-maħfra tad-dnubiet. Min-naħa l-oħra, anki San Ambroġ jgħallem li kull darba li nixorbu mill-kalċi, nirċievu l-maħfra tad-dnubiet u nimtlew bl-Ispirtu s-Santu.

Il-Liturġija ta’ San Ġakbu fil-fatt għandha din it-talba qawwija u espressiva: “Ħa l-kalċi, ikkonsagrah, bierku, imlieh bl-Ispirtu s-Santu, tah lid-dixxipli tiegħu u qal: ‘Ħudu u ixorbu lkoll minn dan…’”.

San Efrem tas-Sirja, magħruf ukoll bħala “l-arpa ta’ Alla”, ħallielna din it-talba sabiħa: “Int kont nar u Spirtu fil-ġuf ta’ Ommok; nar u Spirtu fl-ilma tal-Ġordan; nar u Spirtu fil-magħmudija tagħna; u nar u Spirtu fil-ħobż u fil-kalċi. Fil-ħobż tiegħek hemm moħbi l-Ispirtu li ma jittekilx; fl-inbid tiegħek hemm in-nar li ma jinxtorobx. L-Ispirtu fil-ħobż tiegħek u n-nar fl-inbid tiegħek. X’għaġeb fuq xofftejna! Fil-ħobż nieklu n-nar u nsibu l-ħajja”. U f’omelija li San Efrem għamel fil-Ġimgħa Mqaddsa, huwa jgħid: “Intom tieklu l-Għid pur u immakulat – ħobż imtella’ u perfett li l-Ispirtu s-Santu ħejja u sajjar; tixorbu nbid imħallat bin-nar u l-Ispirtu – il-ġisem u d-demm ta’ Alla”. L-Ispirtu s-Santu, għalhekk, huwa dak in-nar moħbi li jaħtaf lis-saċerdot, jittajjar fuq l-altar u jinżel fuq l-offerti waqt l-Epiklesi. Il-ħobż u l-inbid iridu jgħaddu mill-ħuġġieġa ta’ Għid il-Ħamsin biex joħorġu l-Ġisem u d-Demm tal-Ħaruf mogħti għalina.

Fir-rit tal-Kaldej id-djaknu jagħmel din is-sejħa interessanti lill-Insara: “Tremend u tal-biża’ huwa dan il-waqt, ħuti l-għeżież: l-Ispirtu s-Santu ġej mis-Smewwiet, jinżel fuq dawn l-offerti u jikkonsagrahom. Ibqgħu bilwieqfa, itolbu fis-skiet u bir-rogħda”. Jekk napplika dan għall-misteru li qed ngħixu waqt l-Ordinazzjoni tagħkom, jien ikolli ngħid: “Tremend u tal-biża’ huwa dan il-waqt, ħuti l-għeżież: l-Ispirtu s-Santu ġej mis-Smewwiet, jinżel fuq dawn l-irġiel u jikkonsagrahom. Ibqgħu bilwieqfa, itolbu fis-skiet u bir-rogħda”.

Bħalma fir-Rit Kopt, fil-bidu taċ-ċelebrazzjoni d-djaknu jgħid fuq is-saċerdot: “L-Ispirtu s-Santu jinżel fuqek u l-qawwa tal-Għoli tgħattik bid-dell tagħha”, u s-saċerdot iwieġeb: “L-Ispirtu s-Santu jikkonċelebra magħna l-jiem kollha ta’ ħajjitna”, hekk nistħajjel lilkom, Djaknu Patri Elija u Mario li dalwaqt tirċievi l-karattru sagramentali li ma jitħassarx tad-djakonat, tgħidu fuqi: “L-Ispirtu s-Santu jinżel fuqek u l-qawwa tal-Għoli tgħattik bid-dell tagħha”!

Fi kliem il-Papa Benedittu XVI, l-Ewkaristija hija Għid il-Ħamsin kontinwu! Nagħmel tiegħi dak li staqsa u stqarr darba l-qaddis Papa Pawlu VI: “X’teħtieġ il-Knisja tagħna? Għandha bżonn l-ispinta tal-Ispirtu s-Santu. Hija teħtieġ l-Ispirtu s-Santu, li huwa r-ruħ tagħha; teħtieġ in-nifs ta’ Alla, ir-riħ tiegħu biex jimla l-qlugħ tagħha, teħtieġu biex ikun hemm l-għaqda, teħtieġu għax huwa għajn ta’ qawwa interjuri u dawl, għajn ta’ kariżmi, paċi u ferħ. Imma l-Knisja teħtieġ Għid il-Ħamsin għax għandha bżonn in-nar li jqabbad il-qlub, il-Kelma fuq fommha, id-don tal-profezija”. Kif ser niksbu dan kollu? It-tweġiba jagħtiha Benedittu stess meta jgħid: “Huwa permezz tas-sagramenti tal-bidu tal-ħajja Nisranija (Magħmudija, Konfermazzjoni u Ewkaristija) li l-Ispirtu s-Santu jagħmilna wlied il-Missier, aħwa ta’ Ġesù Kristu u membri tal-Knisja” (Messaġġ għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ 2008). U l-Papa San Ġwanni Pawlu II jgħidilna li “permezz tal-għaqda mal-ġisem tiegħu u mad-demm tiegħu, Kristu jgħaddilna lill-Ispirtu tiegħu… Il-Knisja titlob dan id-Don divin, għerq ta’ kull don ieħor, fl-Epiklesi Ewkaristika. Ngħidu aħna, naqraw fil-Liturġija Divina ta’ San Ġwann Kriżostmu: ‘Aħna nsejħulek, aħna nitolbuk, ibgħat l-Ispirtu s-Santu tiegħek fuqna lkoll u fuq dawn id-doni sabiex għal dawk kollha li jieħdu sehem fihom, ikunu tisfija tar-ruħ, maħfra tad-dnubiet, komunikazzjoni mal-Ispirtu s-Santu’. Fil-Missal Ruman iċ-ċelebrant jitlob bil-ħerqa: ‘Lilna li nieklu mill-ġisem u d-demm tal-Iben tiegħek, agħtina l-milja tal-Ispirtu s-Santu sabiex insiru fi Kristu ġisem wieħed u spirtu wieħed’. B’hekk, permezz tad-don tal-Ġisem u d-Demm tiegħu, Kristu jkabbar fina d-don tal-Ispirtu tiegħu, diġà msawwab fuqna fil-Magħmudija u mgħoddi lilna bħala siġill fis-sagrament tal-Konfermazzjoni” (Ecclesia de Eucharistia, 17).

Il-Papa Benedittu darba oħra kompla jfisser illi “huwa bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li Kristu nnifsu jibqa’ preżenti u attiv fil-Knisja, b’mod partikulari fl-Ewkaristija. Il-bidla kbira li sseħħ meta l-ħobż u l-inbid isiru l-Ġisem u d-Demm tal-Mulej iġġib magħha bidla mill-qiegħ fil-ħolqien li twassal sakemm fl-aħħar il-ħolqien jinbidel u Alla jsir kollox f’kulħadd. San Ċirillu ta’ Ġerusalemm jgħallem li dak li l-Ispirtu s-Santu jmiss, jitqaddes u jinbidel totalment. Għalhekk l-Ispirtu s-Santu jdawwal, jurina lil Kristu msallab rebbieħ fuq il-mewt, u jindikalna t-triq li twassalna biex inkunu bħalu, għodda tal-imħabba li ħierġa minnu – għodda tal-Ispirtu s-Santu” (ibid.).

Għeżiez ordinandi, illum hawn ħafna li huma mxennqa għal dak li l-Ispirtu s-Santu biss jista’ jagħti. Hawn ħafna li jixtiequ jduqu l-ħlewwa, il-ferħ, il-kuraġġ, it-tama li ġejjin mill-Ispirtu s-Santu. Neżortakom biex ma tkunux burokrati jew funzjonarji tas-sagru, u m’hemmx bżonnkom bħala managers ta’ xi organizzazzjoni ekkleżjastika; imma kunu għalina kanali tal-Ispirtu s-Santu. Għożżu l-Ewkaristija, li kif għidna, hija Pentekoste dejjiemi. Anki jekk issibu ruħkom f’dagħbien ta’ faqar morali, komplu sejħu fuqkom l-Ispirtu ta’ Alla li hu biss għandu l-ħila li jwassalkom biex tirfsu fuq l-għatba tal-misteru u hekk tgħinu lill-oħrajn jagħmlu l-istess passi. “Tibżgħux timmiraw iżjed fl-għoli, li tħallu lil Alla jħobbkom u jeħliskom. Tibżgħux tħallu lill-Ispirtu s-Santu jmexxikom. Il-qdusija ma tagħmlekx inqas bniedem milli int, għax hi l-laqgħa tad-dgħufija tiegħek mal-qawwa tal-grazzja” (Gaudete et exsultate, 29).

Inpoġġikom taħt il-ħarsien ta’ Marija, Sponsa Spiritus Sancti (Għarusa tal-Ispirtu s-Santu). Kif l-esperjenza tal-Ispirtu s-Santu f’Nazaret xprunat lil Marija biex kollha ħeġġa tħaffef twasslu lil Eliżabetta, ħa tkun il-Qawwa tal-Għoli li ser tinżel fuqkom illum in-nar li jimliekom bil-ħeġġa appostolika – jagħnikom bil-parresia li hija “s-siġill tal-Ispirtu” (Gaudete et exsultate, 133).

 

Il-Ħamis, 13 ta’ Ġunju 2019: Velja ta’ Talb qabel l-Ordinazzjoni Djakonali ta’ Mario Mercieca u dik Presbiterali ta’ Patri Elija ta’ Ġesù Msallab OCD fis-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Belt Victoria.

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/637028241″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” width=”100%” height=”100″ iframe=”true” /]

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading