Solennità tat-Twelid ta’ San Ġwann Battista u 25 Sena mill-Ordinazzjoni Presbiterali

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 24 ta’ Ġunju 2019: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fil-Konċelebrazzjoni tas-Solennità Liturġika tat-Twelid ta’ San Ġwann Battista u fl-okkażjoni tal-25 Sena mill-Ordinazzjoni Presbiterali tal-Arċipriet Mons. Daniel Xerri u l-missjunarju Dun Raymond Portelli, fir-Rotunda tax-Xewkija.

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/641483415″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” width=”100%” height=”100″ iframe=”true” /]

Bil-kortesija ta’ Radju Prekursur

IL-KURAĠĠ LI TIKSER IT-TRADIZZJONI

Kif isem San Ġwann ifisser don ta’Alla, bir-raġun illum irroddu ħajr lil Alla għad-don sabiħ tas-saċerdozju li ħamsa u għoxrin sena ilu huwa ta lil dawn iż-żewġ saċerdoti, Dun Daniel Xerri (Arċipriet tax-Xewkija) u Dun Raymond Portelli (missjunarju fil-Perù). Kif San Ġwann il-Battista kien mibgħut biex ixandar il-miżerikordja ta’ Alla, din hija l-missjoni tagħna s-saċerdoti: li ndewqu l-ħniena infinita ta’ Alla lill-bniedem.

Imma jekk is-saċerdozju huwa rigal sabiħ, huwa wkoll tqil. Fil-fatt, xi drabi aħna s-saċerdoti naħbtu ninfixlu kif ser inħaddmu dan il-ministeru; l-istess jiġri lilkom, il-poplu ta’ Alla, dwar dak li għandkom tistennew minna s-saċerdoti. Hemm il-possibbiltà li aħna s-saċerdoti nirraġunaw li ladarba sirna qassisin, aħna nistgħu nkomplu nagħmlu dak li dejjem għamlu ta’ qabilna – ma nibdlu xejn minn dak li dejjem sar! Imma ladarba Alla qed isejħilna biex inkunu ministri tiegħu “llum”, ma nistgħux inkunu saċerdoti tal-bieraħ! Xi drabi huwa komdu li nserrħu rasna fuq it-tradizzjonijiet u ngħixu l-ministeru tagħna skont skemi tal-imgħoddi. Huwa fatt li hemm sfidi pastorali u spiritwali mhux żgħar għal min jixtieq jgħix is-saċerdozju tiegħu fil-preżent.

Qed nagħmel din ir-riflessjoni għax mistoqsija li kontinwament nagħmel lili nnifsi, anki meta naħseb dwar kif għandi nakkumpanja lis-saċerdoti tagħna, hija dwar x’inhi l-missjoni tagħna s-saċerdoti llum. Hija mistoqsija li jagħmluha ħuti s-saċerdoti quddiem it-tibdil kbir li qed iseħħ madwarna u meta jaraw li minkejja r-reliġjożità li għandna, il-fjamma tal-fidi qiegħda tintefa. Hija mistoqsija li tagħmlu intom il-lajċi fir-rigward tal-aspettattivi tagħkom mill-Knisja. Għax il-poplu ta’ Alla, daqskemm jista’ jgħin lis-saċerdot biex jgħix is-sejħa tiegħu “llum”, daqshekk ieħor jista’ jitfagħna fil-passat u jagħmel minna s-saċerdoti sempliċi kuraturi ta’ mużew ta’ ritwali reliġjużi u folkloristiċi.

Qed nagħmel din ir-riflessjoni fid-dawl tal-ġrajja ta’ San Ġwann il-Battista li wkoll kellu jagħżel jekk ikunx qaddej ta’ Alla għal żmienu jew jekk jikkuntentax ruħu li jgħaddi ħajtu jagħmel reenactments tal-imgħoddi.

San Ġwann l-Għammiedi kien bniedem ħieles li trabba f’ambjent ħieles. Fil-fatt ommu Eliżabetta meta ġiet biex tagħti l-isem lit-tarbija kellha l-kuraġġ li tikser it-tradizzjoni: filwaqt li l-familjari tagħha riduha ssemmih għal missieru (għax hekk kienet id-drawwa), Eliżabetta ma ċedietx għat-tradizzjoni imma mxiet skont kif kien nebbaħha l-anġlu meta wasslilha l-Kelma. F’kuntest konservattiv, din il-mara tkellmet b’parresia, li fi kliem il-Papa Franġisku tfisser “il-kuraġġ” li ġej mill-Ispirtu s-Santu: “Għandna bżonn tal-ispinta tal-Ispirtu biex ma neħlux minħabba l-biża’ u l-kalkoli, biex ma nidrawx nimxu biss fejn hu żgur. Niftakru li dak li jibqa’ magħluq, fl-aħħar mill-aħħar, riħa ta’ moffa jkollu u jmarradna” (EG, 133).

L-istess seħħ lil Żakkarija li kien saċerdot fit-Tempju. Min jista’ jobsor kemm Żakkarija xtaq li ibnu jkompli r-razza tas-saċerdozju ta’ Aaron! Żakkarija kien moħħu mistrieħ li kellu lil min jgħaddi l-uffiċċju ta’ saċerdot. Imma għall-kelma tal-anġlu, Żakkarija aċċetta li ibnu ma jkunx saċerdot imma profeta. Żakkarija kien għaqli biżżejjed li “jitlef” tradizzjoni li kienet waslet fi tmiemha, għax ma’ Ġesù nibet saċerdozju differenti.

Seta’ kieku ried Ġwanni l-Battista jxaqleb mal-konservattivi jew mat-tradizzjonalisti, imma billi kien raġel meħlus, kellu d-dehen li jħares ’il quddiem flok lejn l-imgħoddi – kien għaref biżżejjed biex jagħżel il-qamħ mill-karfa. Fil-fatt huwa għażel id-deżert flok it-Tempju; flok l-ilbies ċerimonjali huwa xedd fuqu “libsa tax-xagħar tal-ġemel u ħżiem tal-ġild ma’ qaddu” (Mt 3:4). Ġwanni ma kienx jilqa’ għandu biss lill-magħżulin, imma lil kulħadd, anki lil dawk li kienu esklużi milli jidħlu fit-Tempju: lill-pubblikani u lill-midinbin. Il-Battista jikser it-tradizzjoni u jipprietka l-Kelma anki lil dawk li l-istituzzjoni reliġjuża kienet qatgħet qalbha minnhom. Huwa għażel li fil-missjoni tiegħu jkun innovattiv u mhux “ripetittiv”. Ħafna ma fehmuhx meta Ġwanni ġie biex jgħix is-sejħa tiegħu skont il-ħtiġijiet tal-“lum” tiegħu – skont dak li kien qed jgħidlu Alla “llum”.

Nemmen li llum din hija l-isfida għalina l-presbiteri u għall-poplu ta’ Alla. Għax jekk aħna ma nweġbux għal dak li jeħtieġ il-bniedem ta’ żmienna, jekk ma nitkellmux b’lingwaġġ li jiftiehem mid-dinja kontemporanja, jekk nibqgħu nagħmlu riti u ġesti li sal-bieraħ kienu jiftehmu imma llum tbattlu minn kull tifsira, jekk ser nibqgħu nħallu lil ftit “għomja” li jkollna ma’ saqajna jkomplu jdaħħluna ġol-ħajt, allura l-Knisja f’pajjiżna ser tibqa’ titlef ir-relevanza tagħha.

Għandi miegħi dawn iż-żewġ saċerdoti li t-tnejn li huma b’mod differenti huma żewġ saċerdoti ħielsa, ħabrieka u eżemplari f’dan l-impenn biex il-ministeru saċerdotali tagħhom jgħixuh fid-dinja tal-“lum” – it-tnejn huma attenti biex jikkomunikaw mal-bniedem ta’ żminijietna, it-tnejn għandhom il-kuraġġ li jagħmlu għażliet pastorali u karitattivi skont it-tagħlim tal-Knisja ta’ wara l-Konċilju Vatikan II. Naturalment, kif ġara lill-Battista, anki dawn mhux dejjem huma mifhuma u l-fedeltà tagħhom tiswielhom prezz. It-tnejn huma konxji li Alla tahom dan id-don tas-saċerdozju biex prinċipalment ma jkunux dawk li jikkonservaw l-istorja jew il-memorja, imma li jdewqu l-ħniena ta’ Alla lill-bniedem tal-lum, kemm lil dawk li jiġu fit-Tempju u kemm lil dawk li jinsabu fit-trufijiet. L-isfida li għandhom dawn is-saċerdoti hija l-isfida tiegħi bħala isqof, tagħna s-saċerdoti u tal-poplu ta’ Alla. Nitlob lill-Ispirtu s-Santu jieqaf magħna biex ilkoll, skont is-sejħa u l-kariżmi li jagħtina Alla, inkunu Knisja li tmiss il-qlub tal-lum.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading