L-Isqof Mario Grech fil-Vġili tal-Immakulata Kunċizzjoni

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt 7 ta’ Diċembru 2019: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex, fil-Vġili tas-Solennità tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali, il-Belt Victoria.

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/724400089″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” width=”100%” height=”100″ iframe=”true” /]

QAMAR ĠDID

Daqskemm huwa sabiħ il-jum meta tkun tisreġ ix-xemx, daqshekk ieħor huwa ikrah il-lejl mudlam. Id-dlam inissel fina l-biża’, is-suspett, l-inċertezzi u l-bqija. Id-dlam jaqtgħalna qalbna. Id-dlam huwa tqil ħafna. Mhux qed nirreferi biss għad-dlam li jidħol filgħaxija ma’ nżul ix-xemx; imma għandi f’moħħi wkoll id-dalma tal-ħajja, speċjalment meta moħħna u qalbna jiddallmu. Hemm ħafna ħwejjeġ li jitfgħuna fid-dlam: xi drabi nidħlu fih aħna stess, drabi oħra jdaħħluna fih, u f’mumenti oħra sempliċement insibu ruħna fil-qalba tiegħu! Dan jgħodd għall-ħajja personali, soċjali u anki ekkleżjali. F’kull livell ngħaddu minn waqtiet fejn nixxennqu qatigħ li jisbaħ jum ġdid.

Meta llum l-Immakulata laqgħetna flimkien biex niċċelebraw il-fidi tagħna fi Kristu, mhux il-ħsieb tiegħi li nkattrilkom id-dlamijiet. Xewqti hi li naqsam magħkom kelma li tgħinna nagħmlu l-qalb, għax bl-għajnuna ta’ Alla ma hemm ebda dlam li ma jistax jintrebaħ. Anzi, aktar milli nwassal kelma, nixtieq nippreżentalkom lill-Immakulata Kunċizzjoni li fl-ikonografija (pittura, statwi u l-bqija) dejjem iġibuha bil-qamar taħt riġlejha, u preċiżament bil-qamar fl-għamla ta’ wieħed li qed jimla jew jikber (luna crescente).

Il-qamar huwa dak li jikser id-dlam. Meta l-qamar ikun sħiħ, id-dawl fiddien tiegħu jagħmlilna l-qalb biex nibqgħu għaddejjin anki fid-dlam (anzi xi darba jkun aħjar id-dawl tal-qamar minn dak tax-xemx qawwija li għandu l-ħila jgħammex l-għajnejn). Kif fin-natura hemm il-qamar, fil-ħajja spiritwali tagħna għandna din “il-mara”, l-Immakulata, li kif jgħid l-awtur tal-Apokalissi, “hija liebsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha” (12:1); u fl-Għanja tal-Għanjiet jingħad: “Min hija dik li tielgħa bħaż-żerniq, sabiħa bħall-qamar!” (6:10). Marija hija dak il-qamar li jixgħel kull xorta ta’ dlam li jista’ jkollna fil-ħajja. Kemm nixtieq li d-devozzjoni Marjana li għandna fostna tissarraf f’din il-fiduċja f’Marija: f’dik li tat id-dawl lid-dinja bit-twelid ta’ Ġesù Bambin (Lq 2:7), dik li għax hija “Omm id-Dawl”, saret id-dawl tad-dinja!

Marija hija l-qamar u mhux ix-xemx. Kristu huwa x-xemx! Kristu huwa “d-dawl (li) idda fid-dlam” (Ġw 1:5). Jekk il-qamar jinħeba mix-xemx (Kristu), jibqa’ fid-dlam. Bħalma l-qamar ma jixgħelx waħdu imma huwa r-rifless tax-xemx fuqu, hekk ukoll Marija ma “tixgħelx” waħidha imma hija r-rifless ta’ Kristu. Marija hija d-dawl għax hija mdawla minn Kristu. Meta l-Anġlu jgħidilha li hija “mimlija bil-grazzja”, hu qed jgħidilha li hija mimlija bi Kristu – mimlija bid-dawl. Proprju għalhekk hija l-Immakulata: għall-merti ta’ Ġesù hija meħlusa minn kull dnub sa mill-bidu tat-tnissil tagħha. Ladarba fiha ma hemm ebda dnub, f’Marija ma hemm ebda dell.

Marija mhux biss hija l-qamar li jkeċċi d-dlamijiet, imma hija taf ukoll x’inhu d-dlam. Għalkemm fiha ma kien hemm ebda nikta ta’ dlam, hija għaddiet minn waqtiet mudlama. Hija ġarrbet it-toqol tad-dlam fil-ħajja relazzjonali tagħha kemm fil-familja u kemm fis-soċjetà ta’ żmienha. Ma ninsewx li l-Immakulata hija wkoll l-Addolorata li għaddiet mil-lejl mudlam tal-ispirtu. Għalhekk hija tifhimna meta ngħaddu mill-widien mudlama tal-ħajja.

Il-Missirijiet tal-Knisja (Sant’Ambroġ, Santu Wistin, San Ċirillu ta’ Lixandra u San Anastasju s-Sinajita) għandhom riflessjonijiet sbieħ ħafna dwar il-misteru tal-qamar (mysterium lunæ), fejn ixebbhu l-Knisja mal-qamar. Il-qamar huwa simbolu tal-misteru tal-Knisja. Bħall-Madonna, il-Knisja tirrifletti d-dawl ta’ Kristu: “Fulget Ecclesias non suo sed Christi lumine” – il-Knisja tiddi mhux bid-dawl tagħha imma b’dak ta’ Kristu (Sant’Ambroġ). Fi kliem San Ċirillu ta’ Lixandra, “il-Knisja hija mixgħula bid-dawl divin ta’ Kristu li huwa l-uniku dawl li jdawwal is-saltna tar-ruħ. Dawl wieħed hemm: Ġesù Kristu”.

Kif insibu fil-Konċilju Vatikan II, Marija hija figura tal-Knisja fl-ordni tal-fidi, tal-karità u tal-għaqda perfetta ma’ Kristu (ara Lumen gentium, 63). Il-Knisja tifhem lilha nfisha jekk tifhem lil Marija. Għalhekk, kif Marija hija l-qamar, anki l-Knisja hija dawl tal-ġnus (lumen gentium). Marija u l-Knisja jdawlu lil xulxin. Id-devozzjoni lejn Marija għandha tkebbes fina mħabba lejn il-Knisja!

Huwa fatt li l-qamar għandu l-fażijiet tiegħu – daqqa jkun sħiħ, daqqa nofs, daqqa felli u minn xi daqqiet ma jidhirx. Sant’Ambroġ josserva li kemm meta naraw parti minnu u kemm meta jinħeba, il-qamar jibqa’ dejjem hemm. Hekk ukoll il-Knisja li għandha l-istaġuni tagħha: hemm mumenti fejn tkun sħiħa u kbira, u hemm mumenti fejn tiċkien u dawlha jonqos – imma hi hemm tibqa’ anki jekk ma narawhiex. Il-Knisja hija bħal din iż-żerriegħa midfuna fit-trab li xħin jasal l-istaġun tagħha, tagħti l-frott. Dawn il-fażijiet varji jirriflettu l-istadji tal-ħajja tal-Knisja: kemm meta tkun fil-glorja u kemm meta tkun maħbuta minn barra u minn ġewwa! Bħalma hemm mumenti ta’ qdusija, hemm ukoll mumenti fejn minħabba d-dgħufija, id-dija “tal-qamar” tnin.

Meta napplikaw dan għall-ħajja personali tagħna, għandna nagħmlu l-qalb. Ħasra li hemm min jaħseb li fil-ħajja Nisranija “l-qamar” irid ikun dejjem mimli (ħajja perfetta) u gwaj jekk il-qamar jitlef xi ftit mid-dija! Huwa naturali li “l-qamar” ikollu fażijiet differenti!

Meta jikkummenta dwar il-qawwa għammiela tal-qamar fuq in-natura (min hu midħla tal-biedja jifhem aktar x’qed ngħid), Santu Wistin jgħid li bħall-qamar il-Knisja wkoll hija għammiela: il-Knisja tagħtina l-ħajja fil-Fonti tal-Magħmudija u bil-qawwa tal-Kelma u tas-Sagramenti tgħinna nimmaturaw u tfejjaqna meta d-dnub iferina.

Il-Knisja hija dawl jekk bħal Marija hija mimlija bi Kristu. Il-Knisja ddawwal madwarha mhux meta tippreżenta jew tipprietka lilha nfisha (tkun awtoreferenzjali), imma meta twassal lil Ġesù. Hemm ir-riskju li l-Knisja timita gruppi ċivili oħra li għandhom għanijiet politiċi ta’ riformi soċjali. Meta taqa’ f’din in-nasba, il-Knisja ma tibqax dawl; anki jekk dawk l-għanijiet huma tajba fihom infushom, imma ma humiex l-għanijiet ewlenin tal-Knisja. L-iskop tal-Knisja huwa li xxandar lil Kristu u l-Vanġelu tiegħu li għandu qawwa li jifforma u jispira lil-lajċi biex imbagħad jibnu l-belt tad-dinja.

Il-Knisja hija l-poplu ta’ Alla kollu. Għalhekk dak li għidt dwar l-Immakulata u l-Knisja fir-rigward tal-misteru tal-qamar japplika wkoll għal kull wieħed u waħda minna. Aħna lkoll imsejħa biex inkunu għammiela spiritwalment. Mhix il-missjoni tagħna li nkunu profeti tad-dlam. Jiddispjaċini meta fil-Knisja nilmaħ profeti tad-dlam. Dan jgħodd għall-imgħammdin kollha, imma aktar ma wieħed ikollu responsabbiltà fil-Knisja, aktar għandu joqgħod għassa biex ma jkunx profeta tad-dlam. Ma nistgħu naqtgħu qalb ħadd – mhux għax għandna xi ħiliet speċjali, imma għax nemmnu fi Kristu.

Xħin nitfgħu ħarsitna fuq il-Kunċizzjoni u nilmħu l-qamar taħt riġlejha, napprezzaw mhux biss li Marija hija “qamar” li jkeċċi d-dlamijiet, imma wkoll li kull min tgħammed iġorr fih dan il-misteru tal-qamar. Għalhekk kull fejn hemm id-dlam, aħna rridu nirriflettu d-dawl ta’ Kristu, u dan huwa motiv ta’ faraġ kbir. Kelma oħra flok “rifless” hija x-xhieda. Il-Papa San Pawlu VI darba qal li d-dinja ma għandhiex bżonn ta’ għalliema imma ta’ xhieda, u jekk tisma’ lill-għalliema, tismagħhom għax huma xhieda. Kieku aħna li għandna din id-devozzjoni lejn l-Immakulata nirriflettu ftit aktar dawl u nkunu bħal qamar li jmewwet id-dlam tas-soċjetà, kieku l-Knisja tkun tagħti servizz kbir lill-umanità.

Il-Knisja hija l-qamar ġdid li għandu bżonn il-bniedem. Id-dnub (id-dlam) huwa dejjem dnub; imma l-midneb jibqagħlu dejjem il-possibbiltà li jikkonverti. Qatt ma għandna niskartaw lill-midneb, qatt ma nistgħu naqtgħu qalb min żbalja. Dmirna hu li bħall-Immakulata (l-qamar) aħna (l-Knisja) nkunu rifless ta’ Kristu (x-xemx) fil-ħajja.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading