Meditazzjonijiet tal-Avvent pass pass ma’ Ġużeppi – Identità

Print Friendly, PDF & Email

L-Ewwel Ġimgħa – Is-Sibt

“La tibżax, għax jien fdejtek: jien sejjaħtlek b’ismek; inti tiegħi.” – Iżaija 43:1

Kitba ta’ Fr Mark Toups. Illustrazzjonijiet ta’ Mike Moyers.  Miġjub mill-Ingliż għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Jiena konvint li hemm mistoqsija titlajja fil-qalb ta’ kull bniedem. Mill-esperjenza tiegħi bħala bniedem b’ħafna sigħat ta’ riflessjoni personali, din hija l-mistoqsija, waħda li għandha influwenza fuq il-bnedmin iktar minn kull ħaġa oħra fil-ħajja. Il-mistoqsija hi: “Imma jiena għandi kulma hemm bżonn biex inkun bniedem?”. Ħafna jippruvaw isibu tweġiba għal dik il-mistoqsija fil-mudell utilitarju ta’ “missjoni, identità, relazzjoni”. Ħafna jemmnu li l-identità tagħhom hi determinata minn dak li jagħmlu. Normalment li jixprunahom hu l-missjoni tagħhom, dak li jagħmlu u s-suċċess. Fil-missjoni huma jfittxu l-identità tagħhom, u spiss jgħixu bit-tikketta li huma jwaħħlu fuqhom infushom skont is-suċċess jew in-nuqqas tiegħu. F’dan il-mudell, ir-relazzjoni ma’ Alla mhuwiex Alla li jiddeterminaha, imma dak li jaħsbu li huma u dak li jaħsbu li jixirqilhom.

U jekk kien hemm mod ieħor kif inħarsu lejn dan il-mudell? L-Istitut għall-Formazzjoni Saċerdotali għenni nifhem in-nassa ta’ “missjoni, identità, relazzjoni” u l-verità ta’ “relazzjoni, identità, missjoni”. Ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla dejjem tiġi l-ewwel u qabel kollox. Xejn mhu iżjed importanti mir-relazzjoni tagħna ma’ Alla. Mir-relazzjoni aħna nirċievu l-identità tagħna. L-identità tagħna nirċevuha, mhux naqilgħuha. Mill-identità li jagħtina Alla, aħna nwieġbu għar-relazzjoni tagħna ma’ Alla waqt li nirċievu missjoni mingħandu.

Ġużeppi kien jaf min kien għax Ġużeppi kien jaf ta’ min kien. Dak li nafu dwar Ġużeppi, jiġifieri ż-żwieġ tiegħu ma’ Marija u li hu rabba lil Ġesù, it-tnejn jingħatawlu minn Alla. Imma, l-ewwel kelmiet ta’ Alla lil Ġużeppi permezz tal-anġlu jfakkruh x’inhi l-identità tiegħu. “Ġużeppi, bin David, la tibżax…” (Mt 1:20, l-enfasi hi miżjuda). Ġużeppi kien bniedem li għex fl-ordni u l-libertà ta’ “relazzjoni, identità, missjoni”. L-identità ta’ Ġużeppi kienet determinata minn Alla u minn Alla waħdu. Ġużeppi rċieva l-identità tiegħu mingħand Alla, u minn hemm nixxiet il-bqija ta’ ħajtu kollha.

Int kif tiddefenixxi min inti? Kif tħares lejk innifsek? Il-perċezzjoni li għandek tal-identità tiegħek minn min hi influwenzata l-aktar, minn Alla jew minn dak li tagħmel? Jekk qed tgħix taħt it-toqol ta’ “missjoni, identità, relazzjoni”, immaġina kif kienet tkun ħajtek li kieku kellek tgħixha fil-verità ta’ “relazzjoni, identità, missjoni”. Immaġina għal waqt wieħed biss kieku ma kellekx toqgħod tafferma lilek innifsek jew taħdem xogħol iebes biex tissodisfa dak li jistennew minnek l-oħrajn. Immaġina kieku Alla reġa’ ta ordni lil ħajtek biex tista’ tgħix iktar bħal Ġużeppi. Tkun tridu dan?

X’kienet it-tema ta’ din l-ewwel ġimgħa? Hemm xi tema ta’ dak li kien qiegħed jgħidlek? Hemm xi disinn ta’ dak li trid inti mingħand Alla?

Għat-talb tiegħek

Ġużeppi kien jitlob bit-Testment il-Qadim, speċjalment bil-kliem tal-profeta Iżaija. Ibda billi taqra bil-mod Iżaija 43:1-7. Aqrah iżjed minn darba. Qis kemm spiss Ġużeppi kien jitlob b’dawn il-versi tat-Testment il-Qadim. X’qed jgħidlek il-Mulej f’din is-silta tal-Bibbja? Dan kif jgħodd għaċ-ċirkustanzi ta’ ħajtek? X’tixtieq tgħidlu lil Alla?

“Missier, nitolbok biex tagħmel minn dan l-Avvent l-aqwa wieħed li qatt kelli. Għinni biex inkun naf jien ta’ min jien ħalli nista’ nagħraf min jien tassew.”

Xi kliem laqtek l-iżjed int u titlob?

X’kien li ħassejt jiċċaqlaq fil-qalb tiegħek?

Leave a Reply