Il-Papa f’Santa Marta: L-għejra ġġib il-gwerra, imma dejjem tibqa’ bużżieqa tas-sapun

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 24 ta’ Jannar 2020: Inħarsu ruħna mis-susa tal-għira u l-ġelożija li jwassluna biex lin-nies niġġudikawhom ħażin, nidħlu fil-piki fil-familja, fil-kwartier fejn noqogħdu u fuq ix-xogħol. Hija ż-żerriegħa tal-gwerra, tlablib fil-vojt li joqtol lil ħaddieħor. Imma jekk nifhmuha sewwa, l-għira hi bużżieqa tas-sapun. Illum, fl-omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku silet din it-tagħlima kbira għall-ħajja mill-ewwel qari li ttina l-Liturġija li turina kif infaqgħet il-bużżieqa tal-ġelożija tar-re Sawl għal David.

Il-Papa fakkar illi l-għira tar-re, li nsibu fl-ewwel Ktieb ta’ Samwel, nibtet mill-innijiet tar-rebħa tat-tfajliet għax Sawl kien qatel elf għadu filwaqt li David kien qatel għaxart elef.  Hekk tibda l-ansjetà li tqanqal l-għira, bħas-susa li tnawrek minn ġewwa.  Għalhekk Sawl ħareġ mal-eżerċtu biex joqtol lil David.

Il-ġelożiji huma kriminali, dejjem lesti biex joqtlu. U lil min jammetti li hu għajjur u jsostni li mhux assassin, il-Papa fakkru: Għalissa.  Imma jekk tibqa’ tbejjet f’qalbek, l-istorja tista’ tispiċċa ħażin għax l-ilsien faċilment joqtol bil-malafama.

L-għira baqgħet tikbes għax maħħaħ dwarha, interpreta s-sitwazzjoni bil-muftieħ tal-ġelożija.  Meta jmaħħaħ, l-għajjur jitlef il-ħila li jara r-realtà u jkun biss xi fatt qawwi li jiftaħlu għajnejh.  Bil-fantasija tiegħu, Sawl wasal biex jemmen li David kien assassin, għadu.

Meta aħna wkoll nimtlew bl-għira, bil-ġelożija, nagħmlu l-istess!  Kull wieħed u waħda minna naħsbu: ‘Għaliex lil dil-persuna ma nissaportihiex?  Għaliex lill-oħra mank irrid naraha?’  Ilkoll kemm aħna naħsbu dwar ir-raġuni għaliex.

Bosta drabi nfittxu l-għaliex u nindunaw li ma jkun xejn għajr il-fantasija tagħna.  Fantasiji li joktru jien u mmaħħaħ fija nnifsi.

U fl-aħħar mill-aħħar hija grazzja t’Alla li l-għajjur jiltaqa’ mar-realtà kif ġara lil Sawl:  l-għira tinfaqa’ bħal bużżieqa tas-sapun għax l-għira u l-ġelożija ma  fihomx konsistenza.

Is-salvazzjoni ta’ Sawl hija l-imħabba t’Alla li kien qallu illi kieku ma obdiex kien se jneħħilu s-saltna, madankollu xorta waħda kien iħobbu.  U hekk itih il-grazzja li dik il-bużżieqa tas-sapun bla konsistenza, tinfaqa’.

Franġisku rrakkonta l-istorja biblika ta’ meta Sawl daħal fl-għar fejn kien hemm David moħbi flimkien man-nies tiegħu, biex jaqdi l-ħtiġijiet tan-natura.  Il-ħbieb itarrfu lil David biex japprofitta ruħu u joqtol lir-re, iżda hu jirrifjuta: ‘Qatt ma jien se mmidd idejja fuq il-midluk tal-Mulej.’

Hekk tidher in-nobbiltà ta’ David b’kuntrast mal-għira assassina ta’ Sawl.  Għalhekk, bil-moħbi jaqta’ biċċa mill-mantell tar-re, u jżommha.

Imbagħad, David joħroġ mill-għar u lil Sawl jindirizzah bir-rispett: ‘O re, sid tiegħi!’,  minkejja li dak kien qed ifittxu biex joqtlu. U jistaqsih:  ‘Għaliex tagħti widen għal-leħen li jgħid: ‘David irid jagħmillek id-deni’?’  U jurih il-biċċa mill-mant u jgħidlu: ‘Stajt qtiltek, imma ma ridtx.’

Dan kien l-episodju li faqa’ l-bużżieqa tas-sapun tal-għira ta’ Sawl, li għaraf lil David bħala ibnu, ġie f’sensih u qal: ‘Inti aktar ġust minni għax għamiltli l-ġid filwaqt li jien ridtlek id-deni.’

Hija grazzja, irrimarka l-Papa, meta l-għajjur, il-ġeluż, isib ma’ wiċċu r-realtà li tifqagħlu l-bużżieqa tas-sapun, il-vizzju tal-ġelożija, tal-għira.

Il-Papa stedinna nħarsu fina nfusna u neżaminaw għaliex inġibu ruħna ta’ antipatiċi ma’ xi ħadd, meta xi ħadd ma tantx jinżlilna, u nistaqsu: ‘X’hemm ġewwa fija?’  Hemm is-susa tal-għira tinħema għax dak li jkun għandu xi ħaġa li jien m’għandix, jew hemm ir-rabja moħbija.

Jeħtieġ inħarsu qlubna minn dil-marda, minn dat-tmaħħiħ li jonfoħ dil-bużżieqa tas-sapun mingħajr konsistenza, imma li tagħmel tant deni.  U anke meta xi ħadd jiġi jqassas dwar ħaddieħor, irridu nfehmuh li aktarx kliemu mhux seren imma mqanqal mill-passjoni, passjoni li taħżen fiha l-ħażen tal-għira u l-ħażen tal-ġelożija.

Noqogħdu attenti għax dis-susa tidħol fil-qalb ta’ kulħadd, tagħna lkoll, u ġġegħilna niġġudikaw ħażin lin-nies għax inkunu maħkumin mill-pika: dak għandu xi ħaġa li jien m’għandix.  B’hekk jibdew il-piki li jwassluna biex niskartaw lin-nies, iressquna lejn il-gwerra fil-kwartier, fuq il-post tax-xogħol.  L-għira u l-ġelożija huma ż-żerriegħa tal-gwerra.

Noqogħdu attenti biex meta nħossu antipatija lejn xi ħadd, nistaqsu lilna nfusna: ‘Għaliex qed inħoss dan?’ U ma nħallux dat-tmaħħiħ iġegħilna naħsbu ħażin, għax b’hekk tintefaħ il-bużżieqa tas-sapun.

Nitolbu l-grazzja lill-Mulej, temm il-Papa, li jkollna qalb tixbah lil dik ta’ David: qalb trasparenti li tfittex biss il-ġustizzja, li tfittex il-paċi;  qalb mimlija ħbiberija, li ma trid toqtol lil ħadd, għax il-ġelożija u l-għira huma qattiela.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading