Ittra lis-saċerdoti mingħand l-Isqof Mario Grech

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 12 ta’ Marzu 2020: Ittra lis-saċerdoti mingħand l-Isqof Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex.

ITTRA LIS-SAĊERDOTI

L-esperjenza xejn sabiħa li bdejna ngħixu llejla bħala Knisja, meta fil-knejjes tagħna waqgħet ħemda kbira għax intfew l-ilħna tal-ġemgħa li s-soltu tinġabar biex tfaħħar lil Alla u meta l-“mejda tas-sagrifiċċju” tħalliet żarmata għax il-ġemgħa baqgħet id-dar, tnissel diqa fil-qalb ta’ ħafna, partikularment fina s-saċerdoti. Dawn il-jiem ser ngħixu mumenti li qatt ma għexna bħalhom u li ma jistax ikun li ma jqabbdux fina għadd ta’ ħsibijiet u mistoqsijiet.

Żgur li ser ikun hawn min jistaqsi jekk għamilniex sew li, meta ntlaqatna minn din il-pandemija, flok ma għamilna sejħa biex in-nies jintefgħu għarkupptejhom quddiem Ġesù Sagramentat, tajniehom direttivi biex jibqgħu d-dar u, agħar minn hekk, ċaħħadniehom mill-Ewkaristija. Ma ħadniex din id-deċiżjoni b’kapriċċ, imma għax qalulna li f’dawn iċ-ċirkustanzi biex il-mikrobu ma jinfirixx huwa importanti li nevitaw li n-nies ma jiltaqgħux fi gruppi.

Jiena konvint li jekk fil-preżent il-knejjes tagħna siktu, ma nistgħux ngħidu li l-Knisja (il-miġemgħa) waqgħet fil-muta. Waqaf it-talb fil-knisja, imma kotrot is-supplika tal-Knisja, partikularment tal-“Knisja tad-dar” (il-familja), kif tikkonfermalna ċerta xhieda li smajna u rajna dan l-aħħar. Anzi, inżid ngħid li anki fost dawk li birdu fil-fidi u saħansitra fost dawk li ma jgħoddux lilhom infushom bħala membri tal-Knisja hemm min qed jitlobna biex insejħu lil Alla biex jieqaf ma’ pajjiżna.

Għalkemm fil-jiem li ġejjin aħna s-saċerdoti ma aħniex ser inkunu mmexxu fit-talb lill-ġemgħa miġbura fil-knisja (għax dan huwa temporanjament sospiż), il-ministeru tagħna mhux sospiż u għalhekk xorta tibqa’ l-missjoni tagħna li nitolbu għall-komunità. It-talb huwa l-ewwel servizz li aħna mitluba nagħtu lill-komunità. Dan nagħmluh b’diversi modi, speċjalment meta nitolbu bis-salmi (il-Liturġija tas-Sigħat) u fil-quddiesa.

Neżortakom biex f’dan iż-żmien ta’ toqol, ngħidu t-talb tagħna b’aktar ħeġġa u devozzjoni. Dan jgħodd b’mod partikulari għal meta niċċelebraw il-quddiesa. Peress li ser inkunu nqaddsu waħdina, nistgħu nkunu mġarrbin biex inqaddsu malajr. Għall-kuntrarju, għandna napprofittaw minn dan il-mument ta’ kalma fejn mhux ser ikollna min jgħaġġilna biex ngħixu l-quddiesa b’mod devot ħafna. Il-quddiesa toffrilna esperjenza intima ma’ Ġesù li tpoġġi lilna u lil dawk li nippreżentaw qrib ta’ Alla. Għalhekk, għalkemm il-komunità mhix ser tkun fiżikament madwar il-mejda Ewkaristika, aħna għandna nagħmlu minn kollox biex xħin nitilgħu fuq l-altar, inġorruha f’qalbna. Waqt il-quddiesa nressqu u nwaħħdu mal-offerta tas-Sagrifiċċju t-tbatija, il-biża’ u l-qtigħ ta’ qalb tal-komunità, u nħallu l-Kelma toffrilna messaġġ ta’ tama biex ngħadduh lil ħutna.

Billi minħabba d-direttivi li tajna, l-attivitajiet pastorali tagħna s-saċerdoti issa ġew ridotti, nirrakkomanda li nagħmlu aktar ħin għat-talb personali, partikularment fil-preżenza ta’ Ġesù Ewkaristija. Mhux ser ikun faċli li nitkellmu man-nies dwar Ġesù, għax ma għandniex predikazzjoni, omeliji, u l-bqija, daqs is-soltu, imma jista’ jkun faċli li nitkellmu ma’ Ġesù dwar il-ħtiġijiet tal-proxxmu tagħna, speċjalment billi nsemmulu dak li l-oħrajn jafdawlna. Nirrakkomanda li fir-rispett tad-direttivi li tawna l-Awtoritajiet tas-Saħħa, insibu modi fejn il-presbiterju parrokkjali jkun jista’ jiltaqa’ (anki virtwalment) b’mod regolari għat-talb flimkien – hekk, ngħidu aħna, biex jgħidu xi parti mil-Liturġija tas-Sigħat.

Infittxu li nkunu qrib il-poplu, speċjalment ma’ dawk li huma dgħajfin, biex waqt li nimxu magħhom it-triq tas-suspett u tal-biża’, inwasslulhom kelma ta’ kuraġġ u ta’ faraġ. Ma nħallux il-biża’ jaħkem fuqna wkoll u jwassalna biex nirtiraw mit-toroq. Importanti li nkunu disponibbli aktar mis-soltu kemm għad-direzzjoni spiritwali u kemm għall-qrar. Il-qagħda hija serja, imma nippruvaw mill-ħażin nieħdu t-tajjeb. Nagħti ftit eżempji. L-istess esperjenza tal-limitazzjoni tax-xjenza u tad-dgħufija tagħna tista’ tgħinna npoġġu l-ġerarkija tal-valuri f’postha. Il-fatt li qed ikollna nibqgħu ġewwa jgħinna nduqu s-seħer tan-normalità anki fil-ġabra tal-familja. Fil-pajjiż bħal nibet sens ta’ għaqda nazzjonali – sens li ħafna kienu ilhom jixtequh. Fuq kollox, hawn min bħal daħal f’qoxortu u reġa’ beda jiżen il-valur tat-twemmin. Kif jgħid is-Salmista, “il-biża’ tal-Mulej huwa l-bidu tal-għerf” (Salm 111:10).

Għalina s-saċerdoti wkoll dan jista’ jkun żmien ta’ grazzja, għax il-ġrajjiet li qed iseħħu jiftħulna ftit għajnejna dwar x’inhu l-aktar essenzjali fil-missjoni tagħna – għax “il-mondanità” dakkret kemm lilna u kemm il-ħidma pastorali tagħna. F’dawn iċ-ċirkustanzi eżami tal-kuxjenza, kemm individwalment u kemm bħala presbiterju, jgħinna nrawmu fina l-qalb tar-ragħaj li hija aktar importanti mill-istess ħidma tar-ragħaj li kultant issir attiviżmu biex inħossuna utli!

U jekk din l-imxija tqiegħed lil xi individwi jew familji f’sitwazzjoni prekarja, inkunu ġenerużi magħhom anki bħala Djakonija, kemm dik parrokkjali u kemm dik djoċesana. Infakkar f’dak li qalilna l-Papa Franġisku nhar it-Tlieta li għadda: għandu jkollna l-kuraġġ li noħorġu u mmorru għand il-morda biex inwasslulhom il-qawwa tal-Kelma u tal-Ewkaristija. Fejn hemm każ ta’ mard gravi l-preżenza tas-saċerdot tkun balzmu; imma biex nevitaw li jkompli jixtered il-mikrobu, wieħed jista’ jikkunsidra li f’dawn iċ-ċirkustanzi naraw jekk ikunx hemm xi membru tal-familja li jwassal l-Ewkaristija lill-marid/a.

Meta qed insemmi lill-morda ma nistax ma niftakarx f’ħutna s-saċerdoti li qed iwettqu l-ministeru tagħhom fl-isptar. Nifhem li l-ħidma pastorali tagħkom fis-swali tesponikom għal ċerti riskji, imma fl-istess waqt tqegħedkom qrib dawk l-aktar vulnerabbli li fiċ-ċirkustanzi jixxennqu biex Kristu jkellemhom u jmisshom. Intom qed tagħmlu lil Ġesù preżenti għalihom: il-kelma, il-ħarsa, it-tbissima tagħkom huma l-leħen, il-ħarsa u t-tbissima tal-Maħbub. Naf li hija prattika tagħkom li fl-isptar takkumpanjaw lill-istaff kollu; dawk kollha li jaħdmu fl-isptar għandhom bżonn il-qrubija tagħkom aktar minn qatt qabel. Inkunu hemm għalihom. Nistieden lil ħutna kollha fil-presbiteru djoċesan biex iweżnukom b’kull mod.

Kif tafu, kellna wkoll nagħtu direttiva dwar il-funerali. Inħoss ma’ dawk il-familji li ser ikollhom jidfnu lill-għeżież tagħhom f’dawn iċ-ċirkustanzi. Inkunu viċin tagħhom aktar mis-soltu u niżgurawhom li meta ma jagħmlulhomx funeral bħas-soltu ma humiex ser ikunu jonqsu lil dawk li jħalluna. Aħna solidali magħhom u l-kappillani f’isem il-komunità parrokkjali ser jakkumpanjawhom kemm billi dakinhar tad-difna joffru l-quddiesa b’suffraġju tal-mejjet/mejta u kemm billi jaraw li qabel id-difna jsir ir-rit propost mill-Knisja.

Fuq kollox nirrakkomandalkom biex f’din is-siegħa delikata li għaddej minna pajjiżna nsejħu l-patroċinju tal-Omm tagħna l-Madonna Ta’ Pinu u tal-qaddisin San Ġorġ, Sant’Ursula u l-Papa San Girgor. Meta wieħed jiftakar li l-antenati tagħna meta talbu bl-interċessjoni ta’ dawn il-qaddisin sabu s-serħan tal-qalb u u tal-moħħ, fil-limiti u l-inċertezzi tagħna wkoll aħna nduru lejhom. Niftakru u nfakkru li l-mixja tar-Randan ma tintemmx fuq il-Kalvarju imma nhar l-Għid il-Kbir fejn Kristu jirbaħ fuq dak kollu li huwa negattiv.

Illum, 12 ta’ Marzu 2020

✠ Mario Grech

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading