Quddiesa mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi mill-Parroċċa ta’ Ħal Balzan – 22 ta’ Marzu 2020

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 22 ta’ Marzu 2020: Quddiesa mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi mill-Parroċċa ta’ Ħal Balzan.

IL-MULEJ HU D-DAWL LI JMEXXINA FID-DLAM

F’din l-istorja twila tal-fejqan ta’ wieħed għama mit-twelid, żgur li ninnutaw kif mill-istorja kollha, hemm ftit versi biss li juruna l-miraklu li għamel Ġesù – meta għamel ftit tajn, għamlu ma’ għajnejn l-għama u qallu biex jinħasel, u mbagħad ġie jara. Il-bqija tal-istorja hija qisha investigazzjoni ta’ dan l-għama.

Hemm ħaġa partikulari li żgur ninnutaw f’din l-istorja kollha: hemm bidla li sseħħ f’dan li kien għama. Mhux biss għax kien għama u ġie jara, imma għax ma kienx jaf lil Ġesù u sar jafu bħala l-Mulej, u niżel iqimu bħala l-Mulej. Fil-fatt tolqtok kif fil-bidu tar-rakkont l-ewwel jirreferi għal Ġesù bħala “wieħed raġel” u fl-aħħarnett jinżel għarkubbtejh iqimu bħala l-Mulej.

Hawn messaġġ tassew f’waqtu għall-ħajja tagħna: id-differenza f’ħajjitna hi jekk aħna lil Ġesù nqisuh bħala “wieħed raġel” jew ikun tassew “il-Mulej” li jmexxi l-ħajja tagħna.

Aħna nistgħu lil Ġesù nqisuh bħala wieħed raġel li għex tant snin ilu, xi ħadd tal-passat li għamel il-ġid, li kien jagħmel il-mirakli – bħalma rajna llum – għallem lin-nies ħafna affarijiet sbieħ, imma xi ħadd tal-passat. Imma aħna nistgħu nqisu lil Ġesù bħala l-Mulej ħaj fostna, li jmexxina, li jagħtina hu d-dawl fil-ħajja tagħna, li jmexxina fit-triq tas-sewwa, kif għedna fis-Salm. Meta jkollna l-Mulej fil-ħajja tagħna, u jkun hu li jmexxina, nindunaw li jkollna l-ikbar għajnuna, l-ikbar dawl, biex fit-triq ta’ ħajjitna nagħrfu kif għandna nimxu.

Il-Mulej jagħtina d-dawl f’kull mument tal-ħajja tagħna. Imma nħossu speċjalment din l-għajnuna tiegħu f’mumenti bħalma qed ngħixu bħalissa – mumenti kultant ta’ biża’, ta’ ansjetà, ta’ preokkupazzjoni, ta’ inċertezza. Fejn naraw anke dak li tant ħadnieh bħala xi ħaġa normali fil-ħajja jaqa’, dak li tant tħabatna għalih jispiċċa jew għallanqas għalissa ma jidhirx. F’dawn il-mumenti ta’ tbatija għal tant nies, jagħmel differenza li l-Mulej hu magħna, li jagħtina d-dawl, li jmexxina, kif għedna fis-Salm: “Imqar jekk nimxi f’wied mudlam, ma nibzax mill-ħsara għax inti miegħi.”

Il-Mulej magħna, jagħtina l-kuraġġ, l-għajnuna li għandna bżonn f’dawn il-mumenti diffiċli. Hu jgħinna biex fid-dawl tiegħu nagħrfu nagħżlu, kif smajna fil-Kelma ta’ Alla llum, dak li hu xieraq, dak li hu ġust, dak li hu veru. Huwa d-dawl tiegħu li jgħinna fil-ħajja biex nagħmlu dan.

Jgħinna wkoll fil-mumenti meta, għax irridu ngħixu l-fidi tagħna, ngħaddu mit-tbatija. Dan l-għama spiċċa mkeċċi mis-sinagoga għax stqarr li Ġesù kien li fejqu. Kultant aħna wkoll ngħaddi mit-tbatija biex ngħixu tassew il-fidi tagħna. Meta l-Mulej hu magħna, jagħtina d-dawl u l-għajnuna li għandna bżonn fil-ħajja tagħna.

Nitolbu llum li meta nħarsu lejn Ġesù ma nqisuhx biss bħala “wieħed raġel” li għex tant snin ilu, li għamel il-ġid, li għallem ħafna affarijiet sbieħ; imma nqisuh bħala l-Mulej preżenti f’ħajjitna li meta niftħu qalbna għalih, jimliena bl-imħabba tiegħu, jagħtina d-dawl tiegħu, u jgħinna naraw kif għandna nimxu fit-triq tal-ħajja. Speċjalment nagħmlulu talba wkoll biex fil-mumenti ta’ tbatija, meta naraw biss dlam, ikun id-dawl tiegħu li jmexxina fit-triq tas-sewwa.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading