Maturità umana, maturità spiritwali

Print Friendly, PDF & Email

L-Eremit kien fl-għar, medhi fil-kontemplazzjoni. Ġie ġurdien żgħir u beda jgerrimlu l-qorq. L-eremit farfar riġlu biex ikeċċi l-ġurdien waqt li għajjat miegħu: “Ħallini, għax bħalissa ħsiebi mitluf fil-Mulej u inti qed tfixkilni!” Il-ġurdien ħares ‘il fuq u qallu: “Inti kif trid tkun ħabib mal-Mulej jekk m’intix ħabib miegħi?”

Mhijiex ħaġa rari li tiltaqa’ ma’ nies li jinqdew bl-ispiritwalità biex jaħarbu mir-realtà tal-ħajja. Ma jaffrontawx il-kriżijiet ta’ madwarhom. Għalihom, l-ispiritwalità hi xi mkien fejn iħossuhom komdi billi jagħlqu għajnejhom għat-taqbidiet ta’ kuljum u l-problemi tal-ħajja. Fl-istess ħin ikunu qed iħarrġu lilhom infushom f’eżerċizzji spiritwali kemm jistgħu, imma mingħajr ma jieħdu vantaġġ minn dak li tista’ tagħtihom il-maturità umana.

Skont il-monaċi tal-bidu, fosthom dawk tar-raba’ seklu, l-ispiritwalità hi maħsuba biex tilħaq lill-bniedem kollu kemm hu u twassal biex tagħmlu iktar uman. Għal dan jeħtieġ, qabel kollox, li wieħed jiltaqa’ miegħu nnifsu u jagħraf tassew min hu. Dwar dan, hemm manuskritti ta’ Evagrius il-Pontiku, monaku mistiku u kittieb tar-raba’ seklu. Evagrius twieled fit-Turkija fis-sena 346 u għex fid-deżert ta’ Nitria, fl-Eġittu. Kiteb dwar l-esperjenza spiritwali tal-monaċi tad-deżert. Evagrius jagħti dan il-parir għal min qed ifittex l-ispiritwalità: “Jekk trid tkun taf lil Alla, qabel tgħallem għaraf lilek innifsek.” Jekk wieħed ma jirnexxilux jiffamiljarizza lilu nnifsu mal-ħsibijiet, mas-sentimenti u saħansitra mal-passjonijiet tiegħu, jibqa’ lura mill-ispiritwalità ġenwina. Dan jgħaddina għal dik li tissejjaħ apatheia, li hi l-istat tal-moħħ li bih, kemm jista’ jkun, wieħed ma jħallix li jkun imfixkel mill-passjonijiet. M’għandhiex x’taqsam mal-apatija, li hi attitudni b’konnotazzjoni negattva.

B’dan it-terminu ta’ apatheia, l-istess Evagrius jiddiskrivi s-saħħa tar-ruħ. Jgħid li biha wieħed ma jibqax dipendenti mill-passjonijiet u mill-emozzjonijiet tiegħu, imma jimxi flimkien magħhom u jgħix magħhom hekk li jkunu f’armonija għas-servizz tiegħu. Karatteristika ta’ maturità umana u spiritwali hi li wieħed jgħix f’attitudni ta’ ħajja kalma u serena quddiem il-ġrajjiet ta’ ħajtu.

Mingħajr maturità umana, mhux possibbli li wieħed jakkwista l-maturità spiritwali. Dan jesiġi li, irid jew ma jridx, ikollu jħabbat wiċċu mal-bżonnijiet personali, mal-emozzjonijiet, mal-ġrieħi tal-istorja tiegħu u mal-mudelli ta’ ħajja li hemm ankrati fih. Il-monaċi tal-bidu wrewna li l-mixja spiritwali trid tgħaddi l-ewwel mill-mogħdija psikoloġika ta’ tfittxija fuq il-persuna nnifisha u mir-rikonċiljazzjoni magħha stess..

Il-maturità spiritwali hi li wieħed iqiegħed f’relazzjoni ma’Alla dak kollu li jiskopri fih innifsu. Għax issib min hu midħla tal-ispiritwalità u li fil-mixja spiritwali u fil-meditazzjoni tiegħu jipprova li dejjem isir aħjar; jirnexxielu jirfina t-teknika ta’ din il-mixja u jakkwista d-dixxiplina meħtieġa fuqu nnifsu, imma filwaqt li jagħmel dan, fit-talb tiegħu ma jippreżentax lil Alla l-verità sħiħa dwaru nnifsu bħala uman. Hi biss in-naħa spiritwali tiegħu li jqiegħed fir-relazzjoni tiegħu ma’ Alla. Allura ma jkunx hemm dik il-metamorfosi, it-trasformazzjoni li wieħed jixtieq li tifforma fih meta qed jippreżenta lilu nnifsu kif inhu quddiem Alla. Meta jċaħħad lil Alla dak li jagħmlu dgħajjef bħala bniedem, jissogra li jibqa’ kif inhu u ftit li xejn se jkun hemm li jimmatura fih. Qabel ma wieħed isir spiritwali jrid ikun uman, għax hawn min jimxi tajjeb ma’ Alla, imma jagħmel il-ħajja diffiċli għal dawk ta’ madwaru.

Dawn il-ftit passi jistgħu jgħinu fil-mixja lejn maturità spiritwali:

L-ewwel pass hu li, fis-silenzju quddiem Alla, wieħed iħalli joħroġ minnu dak kollu li hemm fil-qiegħ ta’ qalbu u jippreżentah lil Alla. B’hekk, l-ispirtu t’Alla jkun jista’ jippenetra fih kollu kemm hu, speċjalment f’dawk l-aspetti li huma l-iżjed oskuri. Għax hemm aspetti li għandna ħabta mhux biss naħbuhom mill-oħrajn imma wkoll li naħbuhom minna nfusna.

It-tieni pass jikkonsisti f’li wieħed jinħall mill-illużjonijiet li jkun iffabbrika fil-konfront tiegħu nnifsu fil-mixja spiritwali. L-ispiritwalità hi dejjem att ta’ verità. Il-verità biss tista’ tagħmilna ħielsa, jgħidilna Ġesù fil-Vanġelu: “Jekk iżżommu sħiħ mal-kelma tiegħi, tkunu tassew dixxipli tiegħi, u tagħrfu s-sewwa, u s-sewwa jagħmilkom ħelsin” (Ġw 8,31 u 32).

It-tielet pass hu li wieħed jiddiplora dak kollu li fih hu medjokri, l-opportunitajiet li ħalla jgħaddu u l-ħolm li tar mar-riħ. Xi drabi wieħed irid jgħix man-niket tiegħu, meta jgħaddi mis-sofferenzi, li jiġu mill-fatt li l-bniedem hu dak li hu. F’dan in-niket, wieħed imiss il-fond ta’ ruħu u hemm jiskopri tassew min hu, imma b’possibbiltajiet ġodda għal ħajtu. Ikun hemm min ma jammettix ir-realtà u jgħaddi ħajtu medhi fil-lamentazzjoni. Jasal biex jegħreq fl-ilmijiet tal-ħasra u jakkuża lilu nnifsu talli sab ruħu f’dak l-istat. Hemm ukoll min saħansitra jagħti t-tort lil Alla għax mhuwiex jgħinu biex isir aħjar. Jakkuża lin-nies ta’ madwaru li qed ifixkluh li jsir il-bniedem matur kif dejjem xtaq. Atti bħal dawn ifixklu bis-sħiħ il-mixja spiritwali tal-individwu.

Ir-raba’ pass, li jiġi immedjatament wara li wieħed jifhem din il-ħasra fuqu nnifsu, hu r-rikonċiljazzjoni miegħu stess u mal-mod tal-ħajja tiegħu, li hi differenti minn dik ta’ nies oħra. L-ewwel, rikonċiljazzjoni mal-persuna tiegħu. Xi wħud donnhom ma jridux ikunu bnedmin tad-demm u l-laħam, meta l-Vanġelu ta’ Kristu hu dak tal-Inkarnazzjoni, ta’ Alla li sar bniedem. Jeħtieġ li wieħed jirrikonċilja ruħu mal-grieħi tal-mixja tiegħu fil-ħajja. Min ma jirrikonċiljax mal-esperjenzi tat-tfulija u taż-żgħożija tiegħu, se jitkisser hu, jew ikisser lill-oħrajn, meta jġib fil-preżent is-sitwazzjonijiet, forsi xejn sbieħ, tal-imgħoddi. Kemm hu importanti li wieħed jaħfer lil dawk li weġġgħuh. Jekk le, jibqa’ marbut ma’ dawn il-persuni bit-tifkiriet kollha tagħhom, u jibqa’ jiddependi minnhom. Il-maħfra hi att ta’ ħelsien mill-enerġija negattiva li tinsab fil-persuni minħabba l-weġgħat li jinħassu kultant u jħallu l-effett tagħhom. Ikun hemm bżonn ukoll li wieħed jaħfer lilu nnifsu, bħal meta ma ġabx ruħu bl-aħjar mod u li ma rnexxilux isir dak li xtaq.

Ħlewwa u ferħ tal-qalb

Għall-mistiku li semmejna, Evagrius il-Pontiku, il-veru kriterju tal-maturità hi l-ħlewwa. Il-ħlewwa tikkaratterizza l-maturità umana u spiritwali. Wieħed irid jagħmel kuraġġ biex jiġbor f’basket wieħed dak kollu li jagħmel lil ħajtu, anke l-aspetti mudlama. B’kuraġġ jirnexxielu jqiegħed dan kollu fir-relazzjoni tieghu ma’Alla. Dan iżid fih il-virtù tal-ħlewwa, kemm lejh innifsu kif ukoll lejn l-oħrajn. Fil-ħlewwa, Evagrius jara l-attitudni ta’ Ġesù meta jeżortana b’dal-mod:  “Itgħallmu minni, għax jien għandi qalbi ħelwa u umli” (Mt 11,29). Din il-virtù timplika qalb miftuħa. Fil-fehma wkoll tal-monaċi tal-bidu, Alla jgħammar f’qalb miftuħa beraħ. Qalb miftuħa la tiġġudika u lanqas taqta’ bl-addoċċ; hi lesta għall-oħrajn li qed ifittxu serħan fiha.

Ħaġa oħra marbuta mal-maturità spiritwali hi dik li tissejjaħ il-joie du coeur, il-ferħ tal-qalb, bil-latin hilaritas. Iġġib f’moħħna l-kalma interjuri, paċi, ħeġġa spiritwali u sens ta’ libertà. L-ispiritwalità mhix libsa li tiġi lil kulħadd, imma titfassal fuq l-umanità ta’ kull persuna.

Joe Galea

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading