Biex ma nġegħlux jisħti lil min ma għandux

Print Friendly, PDF & Email

Ħamis ix-Xirka, 9 ta’ April 2020: Omelija fil-Quddiesa “In Cœna Domini” mill-E.T. Mons. Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex fil-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria.

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/795380992″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” width=”100%” height=”100″ iframe=”true” /]

BIEX MA NĠEGĦLUX JISTĦI LIL MIN MA GĦANDUX

Dalgħodu kien għadu kemm daqq nofsillejl meta waslitli email li mlietli mnifsejja bir-riħa taqsam tal-qamħ mitħun tal-Ewkaristija – email mingħand patri Kapuċċin li huwa kappillan fil-ħabs ta’ Kordin. Kitibli hekk: “Flimkien ma’ 130 uffiċċjal tal-ħabs ġejt ngħix il-ħabs minħabba li ninsabu f’lockdown… Madwar għoxrin uffiċċjal korrettiv qed jgħixu fil-kappella li ġiet ittrasformata f’dormitorju. Fil-kappella mhux qed isir quddies aktar. L-altar tas-sagrifiċċju huwa s-sodod tal-ħaddiema mċaħħdin mill-familji tagħhom. Fl-għajnejn ta’ wħud minnhom ilmaħt demgħa. Hemm min għadu kif kellu tarbija ftit ġimgħat ilu u jkollu jiċċaħħad mill-mara u t-tarbija. Anki jekk uħud ma kinux jingħaqdu mal-komunità Nisranija fl-Ewkaristija, issa jinsabu fil-kenn tal-Knisja taħt il-ħarsien tal-Omm. Inqaddes kuljum fid-9.30am u fit-3.00pm f’divisions differenti fuq il-mejda tal-ikel fejn jieklu l-priġunieri… F’uħud il-fjamma tal-fidi, xi drabi mgeżwra fl-uġigħ u fl-iżbalji, qed terġa’ tinxtegħel biex iddawwal id-dalma tal-imxija tal-epidemija li qed ngħixu fiha. Fil-ħabs il-kappella hija żarmata imma l-Knisja hi armata! Qed tintrama bl-Ewkaristija b’mod aktar minn qabel. Fid-divisions qed issir ‘ecclesia domestica’. Fil-qatra ilma li npoġġi fil-kalċi, inpoġġi wkoll id-dmugħ li jidher u dak li ma jidhirx biex bil-misteru ta’ dan id-dmugħ u l-inbid l-aħwa ta’ hawn ġew ikollhom sehem mill-faraġ ta’ Kristu kif huwa għandu sehem mit-tbatija tagħhom”.

Proprju fil-jum li fih qegħdin infakkru meta Ġesù waqqaf l-Ewkaristija, l-Ispirtu ta’ Alla ma setax jipprovdilna xhieda ħajja aqwa minn din biex jgħinna nifhmu x’inhi tassew l-Ewkaristija. Hemm rabta għoqda bejn l-Ewkaristija u s-solidarjetà mal-bniedem li qed ibati, mal-marid, mad-dgħajjef, ma’ min huwa ferut fid-dinjità umana tiegħu. Il-liturġija tagħna hija liturġija tal-fqir (fit-tifsira wiesgħa tal-kelma) fis-sens li hija liturġija li tesprimi l-etika tal-għotja (“dan huwa ġismi li jingħata”), l-etika li wieħed jaqsam mal-oħrajn (“il-qsim tal-ħobż”), u l-etika tal-karità (l-għotjiet lill-foqra).

Assolutament ma nistgħux niċċelebraw l-Ewkaristija u nibqgħu maqtugħin mit-tbatija tal-bnedmin ta’ madwarna. Min jagħlaq qalbu u għajnejh għall-ħtiġijiet tal-proxxmu tiegħu ma għandux dritt jiċċelebra l-Ewkaristija. Naturalment min ma jridx jiftaħ qalbu kapaċi jsib elf raġuni u skuża! Jekk il-patri Kapuċċin li “ngħalaq” mal-ħabsin qed jgħid li “l-kappella hija żarmata imma l-Knisja hi armata”, meta aħna niltaqgħu għall-Ewkaristija u ninsew il-foqra, ikollna ngħidu l-kuntrarju: “Il-knisja hija armata” (bil-linef, id-damask, il-fided), imma l-Knisja vera tkun żarmata!

Ħafna jaħsbu li ma humiex denji li jersqu għall-Ewkaristija għax jaqgħu u jerġgħu jaqgħu fid-dnubiet tas-soltu. Dan mhux minnu. Niftakru li l-Ewkaristija hija s-sagrament tal-morda, hija l-mejda mifruxa għall-midinbin, mhix l-ikla tal-ġusti! Ma jkunx jixirqilna nersqu lejn l-altar meta l-mejda nagħmluha tagħna, meta l-mejda tkun riservata għal ftit, meta l-ikla ssir waħda tal-individwi, meta ninsew lil dawk li huma fil-bżonn! Missierna San Pawl ma joqgħodx jomgħod il-kliem meta jagħtina l-kriterju dwar min jistħoqqlu jiċċelebra l-Ewkaristija: “min jiekol u jixrob bla ma jagħżel minn ikel ieħor il-ġisem tal-Mulej” (1 Kor 11:28). Ma jagħrafx “il-ġisem tal-Mulej” mhux biss min ma jemminx li l-ħobż u l-inbid jinbidlu fil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, imma wkoll min ma jemminx li l-“ġemgħa ekkleżjali” hija “ġisem ta’ Kristu” – min ma jaċċettax li Kristu huwa wkoll preżenti fil-foqra, f’dawk li b’xi mod jew ieħor ħajjithom hija f’riskju.

X’wassal biex Pawlu jitkellem b’daqshekk qawwa mal-Insara ta’ Korintu? Dakinhar ma kellhomx knejjes u għalhekk kienu jiltaqgħu biex jiċċelebraw l-Ewkaristija f’dar ta’ xi ħadd li kien tat-tajjeb u wara kienu jagħmlu ikla bejniethom. Il-ġemgħa kienet tkun imħallta: kien hemm għonja u lsiera. Min kellu l-mezzi kien iġib xi ħaġa tal-ikel miegħu u jpoġġiha fuq il-mejda għal kulħadd; imma min kien fqir ma kien ipoġġi xejn. Ġara imma li maż-żmien id-distanza bejn min għandu u min m’għandux bdiet tikber – xi wħud bdew imaxtru mingħajr jagħtu kas tal-oħrajn li forsi kienu jaslu ftit tard. Fil-fatt, San Pawl jikteb: “Kull wieħed minnkom iġib, jaqbad u jiekol l-ikel tiegħu; wieħed bil-ġuħ u l-ieħor fis-sakra. Ma għandkomx djar fejn tieklu u tixorbu? Jew tridu twaqqgħu fil-għajb il-Knisja ta’ Alla u ġġiegħlu jistħu lil dawk li ma għandhomx?” (1 Kor 11:18-22).

San Ġwann Kriżostmu (407) jikkummenta hekk dwar din is-silta: “Il-Knisja mhix hawn biex niġu u kull wieħed minna jibqa’ mifrud mill-bqija, imma biex tinqered kull għażla bejnietna: dan huwa s-sens għaliex niltaqgħu flimkien [għall-Ewkaristija]”. Meta bħala komunità niltaqgħu biex niċċelebraw l-Aħħar Ikla tal-Mulej imma ninsew lil min hu fil-bżonn, u min għandu ma jaqsamx ma’ min ma għandux, inkunu nxejnu l-Ewkaristija. Għax kif nistgħu nersqu biex nirċievu l-Ħobż li jagħti l-ħajja meta nafu li hemm ħaddieħor li jista’ jmut jekk aħna ma nnewlux idejna u ngħinuh?

Hemm min huwa tal-fehma li fil-Vanġelu tiegħu San Ġwann jiskot dwar il-ġrajja ta’ meta Ġesù waqqaf l-Ewkaristija fl-Aħħar Ċena għaliex diġà dan is-sagrament kien sar sempliċement rit intimistiku mbattal mit-tifsira tiegħu. Fil-fatt, San Ġwann jippreżenta lil Kristu bħala dak li jaħsel riġlejn id-dixxipli. Fl-azzjoni ta’ Ġesù li jitbaxxa biex jaħsel ir-riġlejn għandna t-tifsira kollha tal-Ewkaristija: azzjoni ta’ qadi għall-oħrajn li ssib il-qofol tagħha fl-għotja li Ġesù jagħmel ta’ ħajtu. F’dan il-kwadru jinbidlu r-rwoli: fejn is-soltu huwa l-ilsir li jaħsel ir-riġlejn tas-sid, hawn għadna lis-sid li jieqaf mal-qaddej. Din il-bidla għandha sseħħ fil-kamp soċjali: min għandu “jaqdi” lil min ma għandux; il-kbir “jaħsel ir-riġlejn” taż-żgħir. Meta Ġesù ħasel ir-riġlejn tad-dixxipli kien qed jgħidilhom bil-fatti: “Dan hu ġismi li jingħata għalikom”; meta ngħinu lill-foqra nkunu qegħdin intennulhom: Dan huwa “ġismi” għalikom!

Għalhekk mhuwiex denn li jiċċelebra l-Ewkaristija min ma jagħrafx li hemm rabta qawwija bejn Kristu fil-ġisem Ewkaristiku u Kristu fil-ġisem tal-Knisja. Wieħed ma jistax jemmen fil-preżenza sagramentali ta’ Ġesù fl-Ewkaristija, imbagħad jiġi jaqa’ u jqum mill-preżenza ta’ Ġesù fil-membri li flimkien jiffurmaw il-ġemgħa. Dwar dan inħoss li huwa urġenti li l-Knisja tagħna, sew bħala individwi u sew fuq livell ta’ komunitajiet, titgħallem tagħmel dixxerniment mhux tant dwar il-preżenza sagramentali imma dwar il-preżenza ta’ Ġesù f’dawk li huma minn tal-aħħar! Inkella, jekk din l-attenzjoni għaż-żgħir tkun nieqsa, inkunu nirriskjaw li l-ikla tal-Mulej ma tkunx Ewkaristija. Jekk naqgħu f’din il-patoloġija, inkunu nġibu l-kundanna tal-Mulej fuqna (ara Lq 13:26-27).

Fi kliem il-Papa Benedittu XVI, “l-imħabba lejn il-foqra hija liturġija”. Meta San Pawl għamel appell lill-Insara f’Korintu biex jagħmlu ġabra ħalli jgħinu lill-foqra fil-Knisja ta’ Ġerusalemm (1 Kor 16:1-5; 2 Kor 8-9), huwa jsejjaħ il-ġabra “servizz liturġiku” jew “ministeru” (2 Kor 9:12). Ma nistgħux nifirdu l-kult mill-ħajja, il-fidi mill-opri, it-talb mill-karità mal-aħwa. Huwa skandlu jekk aħna nersqu għall-Ewkaristija u ma ngħinux lill-foqra, agħar u agħar jekk min għandu mhux biss ma jgħinx imma jkompli jħaddem sistemi u strutturi li jkattru l-faqar.

Ħassejt li kelli nagħmel din ir-riflessjoni għaliex minħabba l-imxija li għaddejjin minnha jidher li ser ikollna nħabbtu wiċċna ma’ kriżi ekonomika u wisq probabbli ser joktor il-faqar. Fil-kuntest soċjali nittama li min għandu s-saħħa, politika, finanzjarja jew tal-membri, ikun prudenti fil-miri tiegħu. Nagħmel sejħa lill-poplu ta’ Alla biex ma jibqax lura milli “jaqsam il-ħobż” ma’ min m’għandux. Dan jgħodd l-aktar għal min għandu ħobżu maħbuż u żejtu fil-kus. Jekk hemm bżonn, għalissa ma nagħmlux opri u nkunu sobrji fiċ-ċelebrazzjonijiet, biex minflok inkunu ta’ forċina għall-proxxmu. Għalina li niċċelebraw l-Ewkaristija, li noffru mill-ġid tagħna, qabel ma hija materja ta’ ġustizzja soċjali hija ħaġa ta’ natura Kristoloġika u għalhekk sagramentali. Dan l-aħħar ħafna lmentaw għax fil-knejjes ma kienx hemm il-quddies; nitlob lill-Ispirtu s-Santu jgħinna biex din il-ħeġġa għall-quddiesa twassalna ħalli nagħmlu miċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija azzjoni profetika li tqanqal lil ħafna oħrajn biex “ma ġġiegħlux jistħu lil dawk li ma għandhomx” (1 Kor 11:22).

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading