M’intix waħdek

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 6 ta’ Mejju 2024: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tat-Tnejn tas-sitt ġimgħa tal-Għid. Kappella tal-Kurja, Floriana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

“Id-difensur” (Ġw 15:26). Din hi l-kelma li juża Ġesù fl-Evanġelju llum hu u jkellem lid-dixxipli tiegħu fuq l-Ispirtu s-Santu li kien se jibgħatilhom. Jgħidilhom li se jibgħatilhom “id-difensur”. Xi tfisser din il-kelma? Aħna nużaw dil-kelma għall-futbol, jew għal avukat difensur. Il-kelma li juża Ġesù gejja mill-kelma Griega “Parakletos” – nużaw anke bil-Malti il-kelma “Paraklitu” – u li tfisser “issejjaħlu ħdejk”.  Qed jgħidilhom li l-Ispirtu s-Santu se jkun dak li jkun ħdejhom biex jiddefendihom, biex jipproteġihom, biex ikun magħhom. Għalhekk il-messaġġ li qed jagħti Ġesù lid-dixxipli tiegħu, lil kull wieħed minnhom fl-Aħħar Ċena, hu: m’intix waħdek, m’intix se tkun waħdek, imma se jkollok miegħek l-Ispirtu s-Santu.

Kien meħtieġ li Ġesù jagħtihom dak il-messaġġ, anke jekk dak il-ħin ma fehmux eżattament x’qed jgħid. Imma kien meħtieġ għax huma kienu se jgħaddu mit-tbatija tal-Passjoni, jaraw lil Ġesù msallab, u jmut; imbagħad wara li jqum mill-mewt jibgħatilhom l-Ispirtu s-Santu biex jgħinhom jegħlbu l-biża’. Huma kienu nies li fehmu lil Ġesù iktar u iktar matul is-snin, imma li mbagħad baqgħu flimkien, waħedhom, imbeżżgħin. Bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu għelbu l-biża’ u ħarġu jħabbru li Ġesù hu ħaj – għalhekk kellhom magħhom lid-difensur li kien magħhom f’din il-missjoni tagħhom u baqa’ magħhom. Ħafna minnhom sal-punt li taw ħajjithom u mietu martri biex ikomplu jistqarru lil Ġesù.

Hawnhekk Ġesù lid-dixxipli tiegħu ma jaħbilhomx it-tbatija li se jgħaddu minnha. Ġesù qatt ma ħeba dal-fatt li min jimxi warajh irid jgħaddi mit-tbatija. Anzi hawnhekk jgħidilhom ċar u tond lid-dixxipli tiegħu li se jgħaddu mill-persekuzzjoni. Jgħidilhom: “ikeċċukom ’il barra mis-sinagogi, mhux biss, imma tasal is-siegħa meta min joqtolkom jaħseb li jkun qed jagħti qima lil Alla” (Ġw 16:2). Jiġifieri: se tiltaqgħu ma’ nies verament imqarrqa li jaħsbu li qed jagħtu qima lil Alla billi lilkom jippersegwitawkom u joqtlukom. Ara kienx ċar Ġesù mad-dixxipli tiegħu. Qalilhom li se jbatu, imma qalilhom: se jkollkom magħkom id-difensur, l-Ispirtu s-Santu, li jgħinkom f’kull esperjenza ta’ tbatija, ta’ persekuzzjoni, biex tkomplu sħaħ sal-aħħar.

Dan hu messaġġ tajjeb ħafna għalina, kull wieħed u waħda minna, li aħna dixxipli ta’ Ġesù għax jista’ jiġrilna li ngħixu bħala dixxipli ta’ Ġesù qisu qabel l-inżul tal-Ispirtu s-Santu. Jiġifieri ngħixu l-fidi tagħna f’Ġesù imma bħala nies imbeżża’, qisu f’qoxortna, ma aħniex lesti li nagħtu xhieda tiegħu. Għalhekk aħna wkoll għandna bżonn l-Ispirtu ta’ Alla li aħna rċevejna fil-Magħmudija u fil-Konfermazzjoni, u nerġgħu nitolbu lill-Mulej biex ikollna l-qawwa tal-Ispirtu tiegħu li jgħinna f’kull mument tal-ħajja tagħna, u speċjalment meta jkollna dawn id-diffikultajiet, naħbtu naqtgħu qalbna jew inkella se jegħlibna l-biża’. L-Ispirtu ta’ Alla, id-difensur, jgħinna biex negħlbu l-biża’, biex ma nkunux qisna denbna taħt il-blat imma nkomplu b’kuraġġ ngħixu dak li nemmnu u nagħtu xhieda ta’ dak li nemmnu.

Ġesù, meta jitkellem fuq l-Ispirtu ta’ Alla, isejjaħlu wkoll “l-Ispirtu tal-verità” (Ġw 15:26). Kemm hi sabiħa din il-kelma! L-Ispirtu s-Santu magħna jgħinna biex nagħrfu l-verità: il-verità dwar Alla, dwarna nfusna, dwar is-sens ta’ ħajjitna, x’inhu li jagħtina tassew il-ferħ, il-missjoni li għandna fil-ħajja, fejn irridu naslu. Din hi l-verità dwar l-affarijiet l-iktar essenzjali li jagħtina proprju dan l-Ispirtu tal-verità li jkun magħna. Kemm hi sabiħa l-verità, u meta aħna ngħixu fil-verità, nafu li qed ngħixu tassew fl-ambjent tal-Ispirtu ta’ Alla. Il-verità qatt ma għandna nibżgħu minnha, anzi għandna nħobbuha l-verità u naħdmu biex inkunu fil-verità u nwasslu l-verità. Din hi karatteristika hekk importanti tal-Ispirtu s-Santu li jagħtina l-Mulej magħna.

Nitolbu lill-Mulej biex ikollna fina din il-qawwa li nagħrfu li lilna wkoll qed jagħtina dan id-difensur, dan li hu ħdejna, biex kull darba li fil-ħajja tagħna nagħmlu għażliet, u anke fid-diffikultajiet, ifakkarna: m’intix waħdek, jiena miegħek biex nagħtik l-għajnuna kollha, għax jiena l-Ispirtu tal-qawwa ta’ Alla li qiegħed dejjem miegħek.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading