Il-Papa f’Santa Marta: Nitolbu għall-artisti biex permezz tat-triq tas-sbuħija juruna t-triq li għandna nterrqu

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 27 ta’ April 2020: Illum nitolbu għall-artisti, nies bil-ħila ta’ kreattività kbira, biex permezz tat-triq tas-sbuħija juruna t-triq li għandna nterrqu.  Jalla l-Mulej itina lkoll il-grazzja tal-kreattività f’dal-waqt li għaddejjin minnu.

OmelijaImmorru dejjem lura lejn l-ewwel laqgħa

In-nies li kienu semgħu lil Ġesù matul il-jum, u mbagħad kellhom il-grazzja tat-tkattir tal-ħobż, u kienu raw is-setgħa ta’ Ġesù, riedu jagħmluh sultan.  L-ewwel kienu marru għand Ġesù biex jisimgħu kelmtu u biex jitolbuh ifejjaq il-morda.   Baqgħu jisimgħuh il-ġurnata kollha bla ma ddejqu, bla ma għejew: kienu hemm, hienja.  Meta mbagħad raw li Ġesù tahom jieklu, ħaġa li ma stennewhiex, ħasbu: ‘Dan għandu jkun mexxej tajjeb għalina u żgur ikollu ħila jeħlisna mill-ħakma tar-Rumani u jġib il-pajjiż ’il quddiem.’  U nħakmu mill-entużjażmu biex jagħmluh sultan.  L-intenzjoni tagħhom inbidlet għax raw u ħasbu: ‘Tajjeb… għax persuna li tagħmel dal-miraklu, li titma’ lill-poplu, tista’ wkoll tmexxi tajjeb’ (cfr. Ġw. 6, 1-15).  Imma dak il-ħin kienu nsew il-ħeġġa li kienet qanqlet fi qlubhom il-kelma ta’ Ġesù.

Ġesù tbiegħed u mar jitlob (cfr. v. 15).  Dawk in-nies kienu baqgħu hemm u l-għada bdew ifittxu lil Ġesù, għax ‘hawn għandu jkun’, bdew jgħidu, meta raw li ma kienx tela’ fuq id-dgħajsa mal-oħrajn.  U kien hemm dgħajsa hemmhekk, kienet baqgħet hemm… (cfr. Ġw. 6, 22-24).  Ma kinux jafu li Ġesù kien iltaqa’ mal-oħrajn għax mexa fuq l-ilma (cfr. vv. 16-21).  Għalhekk qatgħuha li jmorru n-naħa l-oħra tal-baħar ta’ Tiberija jfittxu lil Ġesù, u meta rawh, l-ewwel kelma li jgħidulu hi: ‘Rabbi, meta ġejt hawn?’ (v. 25), qishom qed jgħidu: ‘Ma nistgħux nifhmu, din tidher ħaġa stramba.’

U Ġesù jreġġgħalhom ħsiebhom lura lejn l-ewwel sentiment, dak li kellhom qabel it-tkattir tal-ħobż, meta kienu jisimgħu l-kelma t’Alla: ‘Tassew, tassew ngħidilkom, intom qegħdin tfittxuni mhux għax rajtu s-sinjali, imma għax kiltu mill-ħobż u xbajtu’ (v. 26).  Ġesù jikxef l-intenzjonijiet tagħhom u jgħid: ‘Imma hekk bdiltu l-atteġġjament tagħkom.’  U minflok iġibu l-iskużi: ‘Le, Mulej, le…’, saru umli.  Ġesù jkompli: ‘Tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem, dak li Bin il-bniedem jagħtikom, għaliex lilu Alla l-Missier immarka bis-siġill tiegħu’ (v. 27). U huma, twajba, qalulu: ‘X’għandna nagħmlu biex nagħmlu l-opri ta’ Alla?’ (v. 28)  ‘Emmnu f’dak li huwa bagħat’ (v. 29).  Dan hu każ fejn Ġesù jikkoreġi l-atteġġjament tal-persuni, tal-folla, għax f’nofs it-triq tbiegħdet xi ftit mill-ewwel waqt, mill-ewwel faraġ spiritwali, u qabdet triq li ma kinitx sewwa, triq aktar tad-dinja milli evanġelika.

Dan ifakkarna li ħafna drabi fil-ħajja tagħna aħna nibdew it-triq tas-sekwela ta’ Ġesù, (il-mixja) wara Ġesù, bil-valuri tal-Evanġelju, imma f’nofs it-triq tiġina xi idea oħra, naraw xi sinjal u nitbiegħdu, nadattaw ruħna għal xi ħaġa aktar temporali, aktar materjali, aktar tad-dinja – jista’ jkun – u nitilfu l-memorja ta’ dak l-ewwel tħeġġiġ li kellna meta konna nisimgħu lil Ġesù jitkellem.  Il-Mulej dejjem ireġġagħna lura lejn l-ewwel laqgħa, lejn l-ewwel waqt li fih Hu ħares lejna, kellimna u nissel ġewwa fina x-xewqa li nimxu warajh.  Din hija grazzja li għandna nitolbu lill-Mulej, għax fil-ħajja dejjem se jkollna dit-tentazzjoni li nitbiegħdu għax inkunu rajna xi ħaġa oħra: ‘Imma dik se tmur sew, dik hi idea tajba…’ Nitbiegħdu.  Nitolbu l-grazzja li mmorru dejjem lejn l-ewwel sejħa, l-ewwel waqt: ma ninsiex, ma ninsiex l-istorja tiegħi, meta Ġesù tani ħarsa ta’ mħabba u qalli: ‘Din hi triqtek’; meta Ġesù, permezz ta’ bosta nies, fehemni liema kienet it-triq tal-Evanġelju u mhux dik ta’ toroq oħra ftit jew wisq tad-dinja, b’valuri oħrajn. Immorru lura lejn l-ewwel laqgħa.

Lili dejjem laqtitni l-affermazzjoni – fost dak kollu li qal Ġesù fl-għodwa tal-qawmien – ‘Morru għidu lid-dixxipli biex imorru l-Galilija, lili jarawni hemm’ (cfr. Mt. 28, 10). Il-Galilija kienet il-post tal-ewwel laqgħa.  Hemmhekk kienu ltaqgħu ma’ Ġesù.  Kull wieħed u waħda minna għandna ‘l-Galilija’ tagħna ġewwa fina, il-mument personali li fih Ġesù resaq lejna u qalilna: ‘Ejja warajja.’  Fil-ħajja jiġrilna dak li ġara lil dawn in-nies – nies twajba għax imbagħad jgħidu: ‘Imma x’għandna nagħmlu?’, u obdew mill-ewwel; jiġrilna li nitbiegħdu u nfittxu valuri oħrajn, metodi oħra kif ninterpretaw it-Testi Sagri, ħwejjeġ oħra, u nitilfu l-freskezza tal-ewwel sejħa.

L-awtur tal-Ittra lil-Lhud ifakkarna f’dan meta jikteb: ‘Ftakru fl-ewwel jiem’ (cfr. Lhud 10, 32): il-memorja, il-memorja tal-ewwel laqgħa, il-memorja tal-‘Galilija tiegħi’, meta l-Mulej ħares lejja bl-imħabba u qalli: ‘Ejja warajja.’

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading