2. Għalik min jien? Il-Fariżew.

Print Friendly, PDF & Email

Wara li rajna kif Marta tal-Vanġelu tista’ tkun persuna qrib tagħna, f’dan it-tieni ħsieb niltaqgħu ma’ raġel, missier li jqis ruħu Fariżew għax iħoss li għandu kwalità li timmarka l-Fariżej: l-għira.

 2 – IL-FARIŻEW

Farizew 2Fid-dinja kulħadd b’xortih.
Hawn min tiġieh ħażina u joqgħod għaliha,
sakemm ma jarax lil ħaddieħor aħjar minnu.
Hemm jibda jgħir.
Jekk ngħidlek, lanqas temmen jien għal min ngħir.
Għat-tifel tiegħi, il-frott tal-imħabba tiegħi u ta’ marti.
Stramba din, imma jekk nispjegalek, tifhimni żgur u ma toħodnix biċ-ċajt.

Jiena miżżewweġ u għandi tifel ta’ 4 snin.
Il-mara tiegħi hi żagħżugħa u hi mitlufa fuq it-tifel,
Hekk li tinsa lilha nnifisha, …u lili wkoll.
Trid tagħtih kollox u ma tixtieqx tfal iżjed biex hu jibqa’ jgawdi waħdu.

Irranġajna l-ħinijiet tagħna skont l-aptit tiegħu.
Meta jorqod, nimxu fuq ponot subgħajna;
meta jisgħol xi ftit, inkunu se nifggħu għax nagħlqu kullimkien;
meta ma jiekolx il-platt kollu, tkun qisha waqgħet id-dinja.
Ma nixgħelux it-televixin, għax nibżgħu li ngħarrqulu għajnejh.
“M’hawn xejn isbaħ”, tgħidli, “milli tilgħab maż-żgħir tagħna.”

Marti qatt ma toħrog miegħi, kif konna nagħmlu qabel.
Issib iż-żmien biex tfittex ilbies għalih,
rotob u ħfief, sħan u li ma jdejquhx.
Tibgħatni f’tarf il-Belt, fejn hemm ħanut żgħir li jbiegħ ingwanti għat tfal żgħar.

Jien għedt li ż żmien jinbidel, jgħaddu ftit snin u marti tiftakar fl-imħabba li wegħditni.
Imma għaddew erba’ snin u bqajna l-istess.
Insejt il-vjaġġi, l-ikliet barra, iċ-ċinema,…
saħansitra l-qraba tiegħi.
Il-ħin kollu nisma’ l-praspar li jkun għamel it-tifel u li marti tħobb tirrakkuntali.

Jien raġel ta’ paċenzja, imma xorta tirbaħni l-għira.
Inħossni wieħed mix-xirka tal-Fariżej.
Imma nittama li marti u ibni jaħfruli.

Joe Galea

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading