Quddiesa u Rużarju mill-Kurja tal-Arċisqof – 6 ta’ Mejju


L-Erbgħa, 6 ta’ Mejju 2020: Quddiesa u Rużarju mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Kurja tal-Arċisqof …

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Dawl li jiddi fid-dlam

“Jiena huwa d-dawl li ġejt fid-dinja biex kull min jemmen fija ma jibqax fid-dlam”. Dan hu l-kliem li smajna lil Ġesù jgħid fl-Evanġelju llum, u jgħidu b’leħen għoli.

San Ġwann l-Evanġelista jenfasizza ħafna dan il-kuntrast bejn id-dawl u d-dlam. Id-dawl jirreferi għal Ġesù u dak li hu tajjeb, u d-dlam il-kontra, għal dak li hu ħażin. Sa mill-bidu tal-Evanġelju, fil-Prologu, jgħid li “Id-dawl jiddi fid-dlam, imma d-dlam ma għelbux” (Ġw 1:5). Iktar ’il quddiem ukoll Ġesù stess jgħid: “Jiena d-dawl tad-dinja. Min jigi warajja ma jimxix fid-dlam imma jkollu d-dawl tal-ħajja” (Ġw 8:12).

L-istedina li jagħmel lilna Ġesù llum hi biex aħna nemmnu fih ħalli nkunu fid-dawl. Meta aħna nemmnu f’Ġesù u nagħrfuh bħala d-dawl tagħna, hu jgħarrafna tassew ir-realtà, il-verità fuqna nfusna – għax fid-dawl nistgħu naraw ċar – u min hu għalina. Għalhekk nirċievu mingħandu l-imħabba, il-ferħ, il-paċi, it-tama li jagħtina hu bħala d-dawl. U jgħinna wkoll biex nintebħu fil-ħajja b’dak li jwassalna għad-dlam, dak li hu ħażin. Nistgħu nsemmu ħafna; niftakru fil-vjolenza, fil-mibegħda, fil-qerq, fl-għira – tant ħażen li naraw li hu f’kuntrast ma’ dan id-dawl li hu Kristu.

Imma mbagħad Ġesù jagħmlilna stedina oħra. Jistedinna biex aħna li nirċievu d-dawl minnu nkunu aħna wkoll dawl għall-oħrajn. Bil-kelma tagħna, bil-preżenza tagħna, inkunu dawl għall-oħrajn.

Kultant jiġrilna li nħarsu madwarna u nispiċċaw nilmentaw fuq il-ħafna dlam li naraw madwarna, il-ħażin li naraw madwarna. Imma Ġesù jgħidilna: kun int id-dawl, anke jekk tkun bħal xemgħa żgħira, bħal xemgħa li tagħti biss dawl żgħir – imma dik tikser id-dlam. Kun int id-dawl fejn tgħix, ma’ min tkun. U iktar milli tilmenta fuq il-ħażin u tieqaf hemm, ara x’tista’ tagħmel int biex tkun dawl għall-oħrajn.

Jekk inħarsu madwarna, naraw eżempji sbieħ ta’ dan. Jien nixtieq insemmi lil Jonathan, li għadda għall-ħajja ta’ dejjem f’dawn il-ġranet fl-età ta’ 41 sena. F’ħajtu fittex li flok jilmenta fuq id-dlam, ikun dawl għall-oħrajn. Bil-mod sabiħ u pożittiv li ħares lejn il-ħajja, bil-kreattività, bil-ferħ, bl-inkoraġġiment, bit-tama tiegħu, anke fl-iktar mumenti ibsin u diffiċli tal-ħajja, għaraf ikun dawl għal kull min kien jafu, għal kull min iltaqa’ miegħu, u għal tant nies oħra.

Għal dawn in-nies, eżempji sbieħ li l-Mulej jagħtina madwarna, nirringrazzjaw lill-Mulej. Aħna grati lejn il-Mulej ta’ dawn l-eżempji sbieħ. U nitolbuh il-grazzja biex aħna dejjem nirċievu d-dawl minnu, u aħna stess inkunu mbagħad dawk li b’ħajjitna – bil-kelma u bix-xhieda ta’ ħajjitna – nagħtu d-dawl lill-oħrajn.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.