Il-Pastorali wara l-Pandemija


L-Erbgħa, 6 ta’ Mejju 2020: Messaġġ lill-Kappillani tal-E.T. Mons. Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex …

IL-PASTORALI WARA L-PANDEMIJA

Il-knejjes vojta jagħmlulek għafsa ta’ qalb! Imma x’inhu tassew vojt: il-knejjes jew aħna?

Smajt diversi presbiteri jilmentaw li jħossuhom diżorjentati għaliex iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi ġew sospiżi. Bħal donnu minħabba l-fatt li ma nistgħux inqaddsu għan-nies u lanqas namministraw is-sagramenti, is-saċerdozju ministerjali tagħna sar bla tifsira u inutli. Ħabta u sabta l-pastorali tagħna spiċċat. Huwa fatt li anki xi lajċi ħassewhom mitlufin għax ma setgħux jieħdu sehem fil-quddiesa – il-fatt li sabu ruħhom impediti milli jiġu l-knisja għall-quddiesa kkundizzjona r-relazzjoni tagħhom ma’ Alla. Konsegwenza ta’ dan għamlu pressjoni fuqna biex inħaffu nerġgħu għar-ritwali tas-soltu.

Il-Pastorali wara l-Pandemija

Mingħajr ma ninstema’ li rrid nirrelattivizza l-Ewkaristija u s-sagramenti l-oħra, huwa fatt li attitudni ta’ din ix-xorta fina s-saċerdoti u fil-lajċi tikxef li aħna għadna Knisja “klerikalizzata” fejn l-azzjoni pastorali essenzjalment għadha f’idejn il-presbiteru. Kollox huwa ċċentrat fuq il-kult. Biżżejjed ngħidu li f’dan iż-żmien tal-pandemija fqajna l-midja soċjali bil-quddies. Il-kreattività pastorali tal-kotra rrisolviet ruħha fil-quddies. Aħna aktar attenti li jkollna l-libertà tal-kult milli l-libertà fil-kult. Sewwa niftakru li lis-Samaritana Kristu jispjegalha li “jiġi żmien meta mhux fuq din il-muntanja taduraw lill-Missier, anqas f’Ġerusalemm… imma tiġi s-siegħa, anzi issa hi, meta dawk li tassew jaduraw jibdew jaduraw lil-Missier fl-ispirtu u l-verità” (Ġw 4:22-24). Għadna ma ntbaħniex li l-fidi tagħna ma tidentifikax ruħha mal-kult; hemm waqtiet fejn in-Nisrani jista’ jgħaddi mingħajr il-kult mingħajr ma jkun ixellef il-fedeltà tiegħu bħala dixxiplu ta’ Ġesù. Inħoss li għandi nagħmel din l-osservazzjoni għaliex il-pastorali tagħna hija pastorali madwar il-kult, speċifikament mal-kult tal-Ewkaristija. Fil-fatt, tneħħitilna l-quddiesa man-nies u dħalna fi kriżi. Agħar u agħar, meta l-istess liturġiji li għadna “ntellgħu” assolutament ma jiftehmux mill-Insara komuni. Biex tkompli tgħaxxaq, aktar ma tkun okkażjoni solenni, aktar nedhew f’kult taħt forom arkajċi li għalkemm jappella għall-ftit, forsi jpaxxi l-għajnejn u l-widnejn, imma mhux lir-ruħ. Kif jirrimarka xi ħadd, “għandna liturġija perfetta, imma liturġija Kostantinjana. Il-bniedem għandu bżonn il-komunità u aħna noffrulu l-ispettaklu”.

Wieħed għalhekk jistaqsi jekk il-knejjes vojta humiex sinjal u sfida ġejjin minn Alla! Jekk dak li qed ngħixu f’dawn l-aħħar ġimgħat huwiex messaġġ ġej minn fuq li bħal xafra ta’ qasba jrid jiftħilna għajnejna biex nintebħu bil-proċess li għaddejjin minnu meta l-knejjes qegħdin jitbattlu quddiem għajnejna imma aħna ma rridux ninqalgħu mir-raddi ibsin li trabbew mas-snin! Napplikaw ħafna mill-enerġija tagħna biex “nikkonvertu” lis-soċjetà sekularizzata ta’ żmienna; imma huwa urġenti li nużaw l-enerġija tagħna biex “nikkonvertu” aħna – biex isseħħ il-“konverżjoni pastorali” li jitkellem dwarha l-Papa Franġisku. Inkunu nagħmlu suwiċidju jekk, meta tgħaddi l-pandemija, pastoralment nerġgħu nirritornaw għal dak li dejjem għamilna sal-lum. Hemm ekkleżjoloġija ġdida, biex ma ngħidx teoloġija ġdida, u pastorali ġdida, u issa huwa l-waqt li jsiru dawk l-għażliet biex nagħtu qafas ġdid.

Din il-kriżi tal-Covid-19, li l-effetti tagħha ser jibqgħu magħna, taf tkun appuntament storiku għalina bħala Knisja biex il-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu jerġa’ jieħu ċ-ċentru. Għalkemm f’dawn l-aħħar snin ħadna diversi inizjattivi biex il-Kelma tkun f’ħoġor ħafna, irridu nirrikonoxxu li l-analfabetiżmu Kristjan ma naqasx – ħafna għadhom sajmin mill-Vanġelu u min ma jafx il-Vanġelu ma jafx lil Ġesù. Mingħajr sagramenti nistgħu ngħaddu, imma mingħajr Vanġelu mmutu. Mhux biżżejjed li l-ġemgħa tiltaqa’ biex taqsam il-ħobż fuq il-mejda tal-knisja; kull familja trid tirċievi l-għajnuna biex bħala “knisja tad-dar” tkun tista’ taqsam il-ħobż fuq il-mejda tal-kċina. M’hemmx qsim tal-ħobż Ewkaristiku u tal-Kelma jekk wieħed ma jasalx biex jaqsam il-ħobż ma’ min ma għandux (djakonija) – “il-foqra huma teoloġikament il-wiċċ ta’ Kristu”.

Illum id-djakonija hija t-triq ipprivileġġjata biex wieħed iduq l-imħabba Kristjana. Il-Vanġelu jiġi kkomunikat mhux tant bil-predikazzjoni daqskemm bil-qadi. Ħafna jersqu lejn il-Knisja mhux għax ikunu attendew għall-katekiżmu, imma jekk ikunu għamlu esperjenza djakonali sinifikattiva. Kif jgħid il-Papa Franġisku, jekk ninżlu fost il-foqra, niskopru lil Alla. Għalhekk, daqskemm huwa meħtieġ “iċ-ċentru tad-duttrina” fil-komunità parrokkjali, huwa importanti wkoll li jkun hemm il-mensa dei poveri fis-sens wiesa’ tal-kelma. Min jgħid li m’hawnx foqra jfisser li mhux f’kuntatt mar-realtà ta’ madwaru. Din il-pandemija kixfet li ma aħniex organizzati bis-serjetà f’dak li għandu x’jaqsam mal-karità.

Fl-Atti tal-Appostli nsibu deskrizzjoni qawwija ta’ din il-liturġija fil-familja – “domus ecclesiæ”: “Kuljum kienu jmorru fit-Tempju flimkien, jaqsmu l-ħobż fi djarhom, u jissieħbu fl-ikel bi qlub ferħana u safja” (1:46). Biżżejjed niftakru li fit-Testment il-Qadim id-dar kienet il-post fejn Alla kien jimmanifesta ruħu, fejn kienet issir l-aqwa ċelebrazzjoni tal-fidi (l-Għid). Fit-Testment il-Ġdid kien fid-dar li twettqet l-Inkarnazzjoni, li tkantaw il-kantiċi tal-Magnificat u l-Benedictus, li saret l-Ewkaristija, li seħħ Għid il-Ħamsin. Fl-ewwel żewġ sekli l-“Knisja tad-dar” kienet kollox.

Billi, kif jgħid Ċicerun, “historia magistra vitæ est”, huwa interessanti naraw kif meta fl-istorja ġraw kriżijiet kbar, il-Knisja dejjem irnexxielha “titwieled” mill-ġdid. Fl-artiklu tiegħu “Questo è il momento per prendere il largo” it-teologu Tomas Halik isemmi tliet episodji partikulari:

(1) Meta fl-ewwel żminijiet inqered it-Tempju ta’ Ġerusalemm fejn Ġesù kien imur jitlob, il-Lhud u l-pagani sabu soluzzjoni kreattiva u kuraġġjuża: minflok ma baqgħu jiltaqgħu madwar l-altar tat-Tempju li nqered, bdew jiltaqgħu mal-mejda fil-familja, u flok is-sagrifiċċju bdew jagħmlu talb privat u flimkien; minflok ma joffru s-sagrifiċċju tad-demm, bdew joffru “s-sagrifiċċju tax-xufftejn”: ir-riflessjoni, it-tifħir u l-istudju tal-Kelma ta’ Alla. Fl-istess żmien, meta l-Insara tal-bidu tkeċċew mis-sinagoga, huma sabu l-identità proprja tagħhom. Meta ġew fi tmiemhom it-tradizzjonijiet, kemm il-Lhud u kemm l-Insara tgħallmu jaqbdu f’idejhom il-Liġi u l-Profeti u jagħtuhom l-interpretazzjoni tagħhom. Mhix sitwazzjoni tixbah lil din tagħna llum?

(2) Meta fis-seklu ħamsa Ruma ġġarrfet, kulħadd ipprova jsib ir-raġuni għal din il-kriżi. Il-pagani twebblu li kien kastig tal-allat minħabba l-wasla tal-Kristjaneżmu, filwaqt li l-Insara kkonkludew li dan kien kastig ta’ Alla għax Ruma saret “il-prostituta tal-Babilonja”. Imma Santu Wistin warrab dawn iż-żewġ interpretazzjonijiet u żviluppa t-teoloġija tat-taqtigħa epokali bejn żewġt “ibliet” li kellhom għal xulxin: ma kienx qed jirreferi għall-Insara u l-pagani, imma għaż-żewġ imħabbiet li hemm fil-qalb tal-bniedem: l-imħabba egoista magħluqa għat-traxxendent (amor sui usque ad contemptum Dei) u l-imħabba li tingħata u hekk issib lil Alla (amor Dei usque ad contemptum sui). Forsi din il-ġrajja epokali li qegħdin ngħixu ma titlobx minna teoloġija ġdida tal-istorja kontemporanja u viżjoni ġdida tal-Knisja, kif qed jindikalna l-Papa Franġisku? Kif jgħid it-teologu Ortodoss Pavel Nikolavic Evdokinov, “ħafna drabi aħna nafu fejn tinsab il-Knisja, imma ma nafux fejn il-Knisja għadha mhix preżenti”.

(3) Fiż-Żminijiet tan-Nofs, il-Knisja kienet eċċessiva fl-użu tad-dixxiplina u “pprojbiet” lil diversi milli jersqu għas-sagramenti. Konsegwenza ta’ dan, l-Insara bdew ifittxu modi kif jidħlu f’relazzjoni personali ma’ Alla. Kien hawn li nibet moviment tal-mistiċi li mbagħad ħejja t-triq għar-Riforma, mhux biss dik li wettqu Luteru u Kalvinu, imma anki r-Riforma Kattolika li ġabu l-Ġiżwiti u l-mistiċiżmu Spanjol. Kif dakinhar il-mistiċiżmu ġab dan it-tiġdid, hekk ukoll illum trid tkun Knisja mistika li twelled mill-ġdid il-Knisja f’pajjiżna.

Għalhekk din il-pandemija, aktar milli theddida għas-soċjetà u għalina bħala Knisja, jekk aħna naġixxu, taf tkun mument ta’ riġenerazzjoni. Qabelxejn, biex naslu ħalli naġixxu, għandna bżonn dak li jissejjaħ buon senso, imma kif josserva A. Manzoni, “buon senso c’era ma se ne stava nascosto per paura del senso comune” (I Promessi Sposi). Il-buon sens ma jfissirx li ħaġa tikkusidraha tajba għax kulħadd ikun qed jgħid li hija f’lokha. Imma mbagħad, biex kemm jista’ jkun naslu ħalli nkunu nafu b’ċertezza xi jrid jgħidilna Alla permezz ta’ dan kollu, għandna bżonn nagħmlu dixxerniment personali u komunitarju. Dan huwa dmir ta’ kulħadd, partikularment tagħna li aħna msejħin biex “immexxu”. Ir-responsabbiltà tat-tmexxija hija tqila ħafna, għax barra li ħafna drabi ssib ruħek f’kuntest li dawk ta’ madwarek ma jifhmukx u jagħmlulek reżistenza biex lill-ġifen ma tibdillux ir-rotta, wieħed jaf li fl-aħħar irid jagħti rendikont lil Alla ta’ għemilu.

Jekk din mhix l-aħħar laqgħa tiegħi magħkom bħala Kulleġġ tal-Kappillani, żgur hija waħda minn tal-aħħar. B’eċċezzjoni għal tnejn minnkom, kont jien li lilkom ilkoll fdajtilkom il-missjoni ta’ kappillani. Nirrakkomandalkom tfittxu u taqraw l-omelija li għamiltilkom fil-jum tal-bidu uffiċjali tal-parrokat tagħkom u ssibu li kull darba kont inħeġġiġkom biex tagħtu wiċċ ġdid lill-Knisja preżenti fit-territorju tagħkom. Infakkar biss fl-omelija li kont għamilt fil-konklużjoni tas-Sena Pawlina fil-Munxar, fejn għamilt sejħa biex narmu minn fuq il-ġifen it-tagħbija żejda li minħabba fiha l-ġifen ma kienx ħieles biex jimxi mar-riħ tal-Ispirtu. Fi tmiem l-episkopat tiegħi, ippermettuli nirrimarka li l-ġifen għadu mgħobbi.

F’dawn il-ġimgħat kulħadd jisħaq fuq il-ħtieġa tas-sanitization biex ma nlaqqtux mard fatali. Dan it-tindif huwa meħtieġ ukoll pastoralment. Ikun aktar nobbli jekk din iż-żabra nagħmluha b’għażla konxja u ħielsa milli, għada pitgħada, forsi meta jkun tard wisq, ikunu ċ-ċirkustanzi li jobbligawna nagħmluha.