Il-kruha tal-vjolenza domestika

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 22 ta’ Mejju 2020: Omelija mill-E.T. Mons. Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex fil-Festa ta’ Santa Ritat ta’ Cascia, fil-Knisja ta’ Santu Wistin, il-Belt Victoria.

IL-KRUHA TAL-VJOLENZA DOMESTIKA

Meta Ġesù qalilna: “Dan hu li nikkmandakom: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien” (Ġw 15:12), huwa ma kienx qed jagħtina ordni, imma regola tal-ħajja illi kieku nosservawha u ngħixu fl-imħabba, ma jkun jonqosna xejn. Għax il-bniedem huwa maħluq biex iħobb u jkun maħbub.

Wieħed mill-ambjenti fejn aħna l-bnedmin nistgħu nagħmlu din l-esperjenza tal-imħabba huwa proprju fil-kuntest tal-familja. Il-familja titlaq minn esperjenza ta’ mħabba bejn raġel u mara, u hija din l-imħabba li ssuqhom biex jibdew jiffurmaw il-familja. Hekk il-familja tkun “bejta tal-imħabba”. Imma, b’xorti ħażina, l-istorja tixhdilna li mhux dak kollu li jleqq huwa deheb – mhux dak kollu li għandu l-forma esterna ta’ familja joffri dan l-irdoss affettiv.

Fil-bidu ta’ din l-imxija tal-Covid-19 kien hemm ġurnalist li staqsieni jekk naqbilx ma’ dawk li kienu bdew jgħidu li fiċ-ċirkustanzi kienet ser tiżdied il-vjolenza domestika. Forsi għax jien ftit pożittiv u nipprova nara s-sabiħ, weġibt fin-negattiv: ir-raġunament tiegħi kien li quddiem il-fatt li kollox kien qed jitheżżeż mill-qiegħ u kellna (għandna) ma’ wiċċna theddida serja għall-ħajja, ma naħsibx li ser ikun hemm min hu daqshekk xellerat u jkun vjolenti u jġib diżordni fil-familja – pjuttost f’dawk iċ-ċirkustanzi ta’ twerwir wieħed jidħol f’qoxortu u jgħożż lil ta’ madwaru. Imma llum nagħraf li r-raġunament tiegħi kien żbaljat. Matul dawn l-aħħar xhur, peress li konna obbligati nibqgħu ġewwa flimkien, kien hemm min ħataf l-opportunità li l-familja kienet imgeddsa flimkien u saħħaħ l-għaqda familjari; imma kien hemm ukoll min ma għarafx jikkontrolla t-temperament tiegħu u l-imġiba tiegħu fid-dar saret aktar vjolenti. Fil-fatt, jingħad li matul din l-imxija l-każijiet ta’ vjolenza domestika żdiedu. Diġà fl-Ewropa dan il-fenomenu huwa mifrux, tant li fil-kontinent tagħna madwar 12% u 15% tan-nisa kuljum isofru minn vjolenza fid-dar. Din hija pjaga soċjali moħbija.

Santa Rita minn Cascia ma kellhiex żwieġ hieni. Mhux għax ma kinitx mara bil-għaqal, imma għax żewġha Paolo di Ferdinando kien disklu u irresponsabbli. Kellu idu ħafifa tant li kien jaħbatha. L-istorja tgħid li anki biex tmur sal-knisja, Rita kien ikollha tokroblu bil-ħniena biex jagħtiha permess. Meta kien ikun f’burdata ħażina, kien juriha l-qamar fil-bir. Santa Rita kienet vittma ta’ vjolenza domestika!

B’xorti ħażina, illum ma humiex ftit dawk in-nisa li jgħaddu mill-istess infern li għaddiet minnu Rita ta’ Cascia. Il-vjolenza domestika mhix biss ħbit, swat u daqqiet! (Ħafna drabi l-mara taħbi t-tbenġil jew tivvinta skuża biex tiġġustifika l-feriti li jkollha għax tkun tistħi, jew biex issalva l-unur tal-familja, jew għax tibża’ li jkollha tħallas prezz qares, jew għax taf li ma titwemminx!). Il-vjolenza fid-dar taf tkun ukoll psikoloġika: għax hija miżmuma bħala inferjuri, meqjusa bħala oġġett, ikkunsidrata lsira, il-mara ma għandhiex dritt titkellem, hija rredikolata u mgħajra, imneżżgħa minn kull dinjità, ipprojbita milli tagħmel dak li tixtieq tagħmel (tistudja, taħdem…) u mċekkna. Dan kollu jwassal lill-mara biex titlef il-fiduċja fiha nfisha. Issir vjolenza mal-mara mhux biss meta “jorbtuha” d-dar biex ma toħroġx u joftmuha minn ħbiebha, imma wkoll meta jillimitawlha l-buqxiex għax il-kartiera tkun maqfula fil-kexxun ta’ min jikkmanda. Il-flus huma mezz ta’ poter fuq il-mara. Dawn huma ftit eżempji ta’ vjolenza domestika.

Min iġib ruħu b’dan il-mod, l-ewwel nett ma għandux stima tal-bniedem – f’dan il-każ tal-mara. Ma jiftakarx li fil-Ktieb tal-Proverbji naqraw: “Mara ta’ ħila min ser isibha? Tiswa ħafna aktar mill-ġawhar” (31:10). In-nisa tagħna huma verament nisa ta’ ħila u għaqlin li l-kontribut tagħhom lill-familja u lis-soċjetà huwa enormi! Min iqis il-mara bħala oġġett, jaħseb li jista’ jaħkem fuqha u jirfisha b’riġlejh!

Min mhux kapaċi jrażżan ir-rabja u l-aggressività tiegħu jasal biex jiżbrana anki lis-sieħba tiegħu. Qed ngħid “sieħba” għax il-vjolenza domestika teżisti wkoll bejn l-għarajjes! Jingħad li ż-żwieġ bejn Rita u Ferdinando kien żwieġ miftiehem bejn il-familji rispettivi tagħhom. Għalhekk saret vjolenza ma’ Rita anki fl-għażla tal-istat tal-ħajja. Illum forsi ma għadniex f’dik il-kultura fejn il-familji jirranġaw iż-żwieġ ta’ wliedhom, imma ma neskludix li jkun hemm għarajjes li jaslu biex jiżżewġu għax ikun hemm xi għamla ta’ pressjoni fuq l-għarusa, bħal fil-każ meta din tkun mhedda minħabba mġiba intima kompromessa matul l-għerusija, forsi minħabba ċerti impenji finanzjarji u l-bqija.

Illum qisu mhux biżżejjed li l-mara hija ssagrifikata fuq l-altar tar-riklami, tal-pornografija u tal-konsumiżmu, imma saħansitra hemm min irid jissagrifika lill-mara fuq l-altar tal-familja li suppost huwa altar tal-imħabba.

Qed nagħmel din ir-riflessjoni l-ewwel nett biex nesprimi simpatija u nagħmel kuraġġ lil dawk in-nisa vittmi tal-vjolenza domestika. Inħeġġiġkom tħollu lsienkom u tiddefendu d-drittijiet tagħkom. Għax is-silenzju quddiem din il-pjaga mhux virtù. Ħafna jagħżlu li jsofru din il-vjolenza b’mod erojku fis-skiet, imma hemm min tiġih waħda ħażina u jibqa’ taħtha.

Nagħmel appell lil kulħadd, imma fil-kuntest ta’ Knisja nagħmel is-sejħa lill-kappillani, lis-saċerdoti, lill-katekisti u l-bqija biex meta jaraw dawk li jissejħu r-red flags li jindikaw li hemm imġiba diżordinata li qed tikkawża tbatija fuq il-mara, jieħdu azzjoni u jsejħu lil min jista’ jgħin f’każijiet bħal dawn. Kull offiża li ssir lill-mara hija offiża li ssir lil Alla li sar bniedem minn mara. Meta ngħinu fil-formazzjoni tal-imħuħ u l-kuxjenzi għandna ntennu li din ix-xorta ta’ vjolenza, anki jekk isseħħ fis-satra tad-dar, hija dnub gravi.

Nitolbu lil Santa Rita, li ġarrbet fuq ġildha stess il-kruha tal-vjolenza domestika, biex tgħin lill-“Ferdinandi” tal-lum ħalli jevitaw dak li qed iwassalhom biex jagħmlu sfreġju fuq in-nisa tagħhom. Ir-raġel ma jistax imur jixrob u jisker, jittaqqab għad-droga, jilgħab u jitlef flusu, imbagħad imur id-dar u jinfexx f’martu! Ħa jinfetħu għall-“għerf” ta’ Alla li jgħinhom jagħrfu u japprezzaw il-grazzja li għandhom fiż-żwieġ u l-familja.

Nitolbu għal dawk kollha li huma vittmi ta’ din il-vjolenza fid-dar biex ma jaqtgħux qalbhom imma jqumu fuq riġlejhom. Il-maħfra hija sabiħa, imma ma jfissirx li min jaħfer għandu jittollera dan id-dannu li jkun qed isir lilhom u lill-familja tagħhom.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading