8. Il-Bnedmin huma Esseri Spiritwali u Korporali

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Ħolqien. Udjenza Ġenerali –  16/04/1986.

1. Il-bniedem maħluq xbiha ta’ Alla u esseri fl-istess ħin korporali u spiritwali. Esseri jiġifieri li, minn banda huwa marbut mad-dinja esterna u l-banda l-oħra tittraxxendih. Inkwantu spirtu, minbarra ġisem, huwa hu persuna. Din il-verità dwar il-bniedem hija oġġett tal-fidi tagħna, hekk bħal ma hija l-verità bibblika dwar il-kostituzzjoni tiegħu ta’ “xbiha u xebħ” ta’ Alla; u hija verità kostantament ippreżżentatha, fil-korsa tas-sekli. Mill-maġisteru tal-Knisja.

Il-verità dwar il-bniedem ma’ taqtà qatt li tkun fl-istorja oġġett ta’ analiżi intellettwali, fil-kwadru kemm tal-filosofija kif ukoll ta’ xjenzi umani oħra numerużi: f’kelma waħda, oġġett tal-antropoloġija.

2. Li l-bniedem huwa spirtu nkarnat, jekk trid, ġisem ifformat minn spirtu mmortali, diġa niksbuh b’xi mod mid-deskrizzjoni tal-ħolqien li hemm fil-Ktieb tal-Ġenesi u b’mod partikolari mir-rakkont “jaħwista!, li jagħmel użu, biex ngħidu hekk, minn “produzzjoni” u minn xbihat antropomorfiċi. Naqraw li “il-Mulej Alla fassal il-bniedem minn trab tal-art u nefaħlu fi mnifsejh nifs ta’ ħajja u l-bniedem sar esseri ħaj” (Ġen 2, 7). Is-segwitu tat-test bibbliku jippermettilna nifhmu b’mod ċar li l-bniedm, maħluq b’dan il-mod, jiddistingwi ruħu mid-dinja viżibbli kollha kemm hi, u b’mod partikolari mid-dinja tal-annimali. In-“nifs tal-ħajja” irrenda l-bniedem kapaċi li jagħraf dawn l-esseri, li jagħtihom isem u jagħraf lilu nnifsu differenti minnhom (cf. Ġen 2, 18-20). Minkejja li fid-deskrizzjoni “jaħwista” mhemm xejn dwar ir-“ruħ”, bdanakollu huwa faċli li wieħed jasal għall-konklużjoni li l-ħajja mogħtija lill-bniedem fl-att tal-ħolqien hija ta’ natura tali li tittraxxendi s-sempliċi dimensjoni korporali (dik propja tal-annimali). Hija  tislet, ‘il hemm mill-materjalità, id-dimensjoni tal-ispirtu, li fiha jinsab is-sies essenzjali ta’ dik ix-“xbiha ta’ Alla”, li Ġenesi 1, 27 jara fil-bniedem.

3. Il-bniedem huwa unità: huwa xiħadd li huwa wieħed miegħu nnifsu. Imma f’din l-unità hemm miġbur duwaliżmu. L-Iskrittura Mqaddsa tippreżenta kemm l-unità (il-persuna) li hija d-duwaliżmu (ir-ruħ u l-ġisem). Wieħed jaħseb dwar il-Ktieb ta’ Sirak li b’eżempju jgħid: “Il-Mulej ħalaq il-bniedem mit-trab tal-art u lejn l-art jerġà jibagħtu mill-ġdid” u iktar ‘il hemm: “Dixxerniment, ilsien, għajnejn, widnejn u qalb tahom (lill-bnedmin) sabiex jirraġunaw. Imliehom bid-duttrina u bl-intelliġenza u wriehom ukoll it-tajjeb u l-ħażin” (Sir 17, 1. 5-6).

Partikolarment sinifikattiv huwa, minn dan il-punt di vista, is-Salm 8 (Sal 8, 5-7) li jeżalta l-kapulavur uman, waqt li jdur lejn Alla bil-kliem li ġej: “X’inhu l-bniedem biex tiftakar fih, bin il-bniedem għaliex tieħu ħsiebu? Bdanakollu għamiltu kemmxejn inqas mill-anġli, bil-glorja u bl-unur inkurunajtu: tajtu poter fuq l-opri ta’ jdejk. Kollox qegħdtlu taħt riġlejh”.

4. Spiss jenfasizza li t-tradizzjoni bibblika ġġiegħel tispikka b’mod speċjali l-unità personali tal-bniedem, waqt li tinqeda bit-terminu “ġisem” biex tfisser il-bniedem kollu kemm hu (cf. Sal 145 (144), 21; Ġw 3, 1;  66, 23; Ġw 1, 14). L-osservazzjoni hija eżatta. Imma dan ma jwarrabx li fit-tradizzjoni bibblika hija wkoll preżenti, kultant b’mod l-iżjed ċar, id-duwaliżmu tal-bniedem. Din it-tradizzjoni tirrifletti ruħha fil-kliem ta’ Kristu: “La tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem, imma m’għandhomx is-setgħa li jġiegħlu r-ruħ u l-ġisem jgħibu fil-ġeħenna” (Mt 10, 28).

5. Is-sorsi bibbliċi jawtorrizzaw biex jaraw l-bniedem bħala unità personali u fl-istess ħin bħala duwaliżmu ta’ ruħ u ġisem: kunċett li sab espressjoni fit-Tradizzjoni kollha kemm hi u fit-tagħlim tal-Knisja. Dan it-tagħlim fehem mhux biss is-sorsi bibbliċi, imma wkoll l-interpretazzjonijiet tejoloġiċi li tagħhom kienu mogħtija waqt li żviluppaw l-analiżi mmexxija minn ċerti skejjel (Aristotle) tal-filosofija Griega.

Din kienet attività ntensa ta’ riflessjoni,  li laħqet il-quċċata tagħha prinċipalment taħt l-influss ta’ San Tumas D’Aquino – fid-dikjarazzjonijiet tal-Konċilju ta’ Vjenna (1312), fejn ir-ruħ hija msejħa “forma” tal-ġisem: “forma corporis humani per se et essentialiter” (DS 902). Il- “forma”, bħala fattur li jiddetermina s-sustanza tal-esseri “bniedem”, hija ta’ natura spiritwali. U tali “forma” spiritwali, ir-ruħ, hija immortali. Dan huwa dak li wara, fakkar b’mod awtorevoli il-Konċilju Lateranensi V (1513): ir-ruħ hija mmortali, differenti mill-ġisem li huwa sottomess għall-mewt (cf. DS 1440). L-iskola tomista tenfasizza fl-istess żmien li, minħabba l-unjoni sostanzjali tal-ġisem u tar-ruħ, din tal-aħħar, ukoll wara l-mewt, ma tiqafx “taspira” li tingħaqad mal-ġisem. Dan isib il-konferma tiegħu fil-verità rivelata dwar il-qawmien mill-mewt tal-Gisem.

6. Għalkemm it-terminoloġija filosofika, utilizzata biex tesprimi unità u l-kumplessità (duwaliżmu) tal-bniedem, hija kultant oġġett ta’ kritika, huwa bla ebda dubju li d-duttrina dwar l-unità tal-persuna umana u fl-istess ħin dwar id-duwaliżmu spiritwali-korporali tal-bniedem hija pjenament radikata fl-Iskrittura Mqaddsa u fit-Tradizzjoni. U minkejja li spiss wieħed jesprimi l-konvinzjoni li l-bniedem huwa “xbiha ta’ Alla” grazzi għar-ruħ, mhix nieqsa, fid-duttrina tradizzjonali, il-persważjoni li wkoll il-ġisem jipparteċipa, kif jaf hu, fid-dinjità tax-“xbiha ta’ Alla”, hekk bħal ma jipparteċipa fid-dinjità tal-persuna.

7. Fiż-żminijiet moderni diffikultà partikolari kontra d-duttrina rivelata dwar il-ħolqien tal-bniedem, bħala esseri magħmul minn ruħ u ġisem, kienet imqanqla mit-tejorija tal-evoluzzjoni. Bosta  interessati tax-xjenzi naturali li, b’metodi tagħhom propji, jistudjaw il-problema tal-bidu tal-ħajja umana fuq l-art, isostnu – kontra kollegi oħra tagħhom – l-eżistenza mhux biss ta’ rabta tal-bniedem flimkien man-natura, imma wkoll derivazzjoni tal-ispeċi annimali superjuri. Din il-problema, li sa mis-seklu l-ieħor, okkupat lix-xjenzjati, tinvolvi strati  vasti tal-opinjoni pubblika. It-tweġiba tal-maġisteru kienet offruta mill-enċiklika Humani generis ta’ Piju XII fis-sena 1950. Fiha naqraw: “Il-maġisteru tal-Knisja m’għandu xejn kontra d-duttrina tal-“evoluzzjoniżmu” minħabba li hu jindaga dwar l-oriġni tal-ġisem uman derivat minn Materja prieżistenti u ħajja –  il-fidi kattolika infatti tobbligana li nżommu sod li l-erwieħ kienu maħluqa minnufih minn Alla – tkun oġġett ta investigazzjoni u diskussjoni da’ parti tal-esperti . . .” (DS 3896).

Mela nistgħu ngħidu li mill-punt di vista tad-duttrina tal-fidi, ma jidhru ebda diffikultajiet fl-ispjega tal-oriġni tal-bniedem, fejn jidħol il-ġisem, permezz tal-ipotesi tal-evoluzzjoniżmu. Hemm bżonn iżda li nżidu li l-ipotesi tipproponi biss probabiltà, mhux ċertezza xjentifika. Id-duttrina tal-fidi iżda tenfasizza b’mod invarjabbli li r-ruħ spiritwali tal-bniedem hija maħluqa direttament minn Alla. Huwa jiġifieri possibbli skont l-ipotesi li għaliha aċċennajna, li l-ġisem uman, waqt li jsegwi l-ordni  mwaqqfa mill-Ħallieq fl-enerġiji tal-ħajja, kien gradattament imħejji fil-forom ta’ esseri ħajjin antiċedenti. Ir-ruħ umana, iżda, li minnha tiddependi fl-aħħar minn l-aħħar l-umanità tal-bniedem , billi hija spiritwali, ma tistax tkun mgħaddsa mill-materja.

8. Sintesi sabiħa tal-ħolqien hawn fuq esibita tinsab fil-Konċilju Vatian II: “Unità ta’ ruħ u ta’ ġisem – hemm jingħad – il-bniedem jirrijassumi fih innifsu, għall-istess kondizzjoni korporali tiegħu, l-elementi tad-dinja materjali, hekk li dawn permezz tiegħu imissu l-quċċata tagħhom” (Gaudium et Spes, 14). U iktar ‘il quddiem: “Il-bniedem, però, ma jiżbaljax li jagħraf lilu nnifsu superjuri għall-ħwejjeġ korporali u li jqis lilu nnifsu iktar minn partiċella biss tan-natura . . . Infatti, fl-intern tiegħu, huwa jittraxxendi l-univers” (Gaudium et Spes, 14). Hek hu, mela, kif l-istess verità dwar l-unità u d-duwaliżmu (il-komplessità) tan-natura umana tistà tkun espressa b’lingwaġġ iktar qrib tal-mentalità kontemporanja.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading