Ittra Pastorali fl-okkażjoni tal-festa ta’ Santa Marija Mtellgħa s-Sema

Print Friendly, PDF & Email

Ittra Pastorali tal-Isqof Mario Grech fl-okkazjoni tal-festa ta’ Santa Marija

GĦAJN TA’ ILMA ĠIERI

Għeżież uliedi,

Ftit ilu ltqajt ma’ raġel li fissirli x-xewqa kbira tiegħu li jiltaqa’ ma’ xi ħadd li jista’ jitkellem miegħu dwar Alla. Imma fl-istess waqt b’dieqa fuq wiċċu qalli kemm sar diffiċli li llum issib min jitkellem dwar il-ġmiel, it-tjubija u l-qdusija ta’ Alla! Huwa minnu li sirna daqshekk xotti dwar Alla? Mhuwiex ta’ tħassib il-fatt li f’moħħna u f’qalbna hemm dan il-vojt ta’ Alla illi ma nħossux il-ħtieġa li nirreferu għalih? Huwa nuqqas ta’ aptit li nitkellmu dwar Alla, jew għax sirna ma nafux niftħu fommna dwaru?

Faqar spiritwali
Inħoss li bl-osservazzjoni li għamilli, dan ir-raġel laqat il-musmar fuq rasu. Il-faqar spiritwali jinħass sewwa. L-injoranza dwar Alla saret grassa. Il-vojt ta’ Alla f’ħajjitna kkaġuna għadd ta’ ħofor oħra: fil-kamp tad-drittijiet tal-bniedem – bħalma huwa d-dritt għall-ħajja –, fil-familja, fid-dinja tax-xogħol, u fl-ekonomija. L-indifferenza għal Alla hija r-raġuni għaliex il-bniedem tal-lum, għalkemm jaf ħafna, ma ntebaħx li mhux jara ‘l bogħod! Is-soċjetà, għalkemm qed toffri għadd ta’ soluzzjonijiet, qiegħda wkoll tfaqqas problemi aktar serji propju għax qed twarrab lil Alla. Nafu b’ħafna persuni mweġġgħa għax sabu ruħhom imwarrba u maqbuża. Warrabna lil Alla, warrabna lill-bniedem! Ħassarna x-xbieha ta’ Alla u b’konsegwenza t’hekk ħassarna l-bniedem! Il-fatt li qed ninsew min hu Alla qed isuqna f’direzzjoni li ninsew kemm jiswa l-bniedem u dak kollu li jmiss mal-bniedem. Illum mhux biss tlifna lil Alla, imma tlifna lill-bniedem. Illum mhux biss ma nsibux ma’ min tista’ titkellem bis-sens dwar Alla, imma sar ukoll diffiċli titkellem dwar dak li huwa veru, tajjeb u ġust!

In-nixfa spiritwali tinħass ukoll fil-Knisja tagħna. Xi drabi nħoss li hemm reżistenza biex il-Knisja tiġġedded. Min jixtieq li l-Knisja tibqa’ vetrina tat-tradizzjonijiet reliġjużi mhux veru li jħobb il-Knisja. Għandna wisq familjarità żejda mal-Knisja u fil-Knisja – kif niċċelebraw is-sagramenti, ir-rispett lejn it-tagħlim tal-Knisja… Il-kunfidenza żejda ġġib magħha l-abbużi, anki fi ħwejjeġ qaddisa!

Hemm diversi raġunijiet għaliex sirna sajmin minn Alla. L-esperjenza tixhdilna li l-“għeja” spiritwali fost l-Insara qed tinfirex. Oħrajn huma pastoralment mitfijin. Għal ħafna t-twemmin Nisrani kien tiċpisa ħafifa – għamlet ix-xita u ħaslitu! Oħrajn qed jissaħħru wara twemmin ieħor bir-riskju li joħorġu mill-Knisja Kattolika u jixxierku ma’ xi knisja oħra, reliġjon oħra jew setta. Hemm ukoll dawk li tilfu l-fidi u nnamraw mat-twemmin tad-dinja li ħafna drabi jbarri lil Alla – għax is-sekulariżmu u l-lajċiżmu huma “reliġjonijiet ċivili” ġodda.

Alla ma jitbiegħedx mill-bniedem
Jista’ forsi l-bniedem jaqta’ qalbu minn Alla, imma żgur li Alla mhux ser jitlaq lill- bniedem. Qabel ma l-bniedem jitlaq ifittex lil Alla, huwa Alla li jieħu l-inizjattiva li jibda jsus wara l-bniedem! Matul l-istorja huma bla għadd l-inizjattivi li ħa Alla biex iqabbad mal-bniedem. L-aqwa inizjattiva ta’ Alla f’dan is-sens seħħet f’Nazaret. Għax jekk f’Betlehem Ġesù twieled fostna f’maxtura, f’Nazaret l-Iben t’Alla sar bniedem f’ġuf Marija: “Meta waslet il-milja taż-żmien, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara, imwieled taħt il-Liġi, biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-Liġi, biex ikollna l-adozzjoni tal-ulied” (Gal 4:4-5).

Is-Sorijiet Klarissi
Illum b’ferħ ngħarrafkom li fid-djoċesi tagħna ser ikollna “Nazaret” oħra. Din hi l- Monasteru tas-Sorijiet Klarissi li ser ninawguraw fi ftit jiem oħra. Alla qiegħed jagħtina grazzja kbira li ser ikollna fostna dawn is-sorijiet li mill-klawsura tagħhom lilna jridu jfakkruna l-ħin kollu li l-bniedem qiegħed ifittex lil Alla u li Alla għandu interess fina.

Kif jgħallem San Benedittu, missier il-monastiċiżmu tal-Punent, tassew li l-monaċi huma dawk li jfittxu lil Alla, imma huwa Alla li fittixhom u sabhom l-ewwel. Skont it-tradizzjoni ta’ San Bażilju, tfittex lil Alla jfisser li xejn ma jserraħna jew jimlielna qalbna jekk mhux Alla. Tfittex lil Alla jfisser tressaq quddiemu dawk il-mistoqsijiet li ħafna drabi jtaqqlulek qalbek u tħallih jagħtik tweġiba permezz tal-Kelma tiegħu fl-Iskrittura kif imfissra fil-komunità ekkleżjali. Nafu li ebda tweġiba ma tissodisfana għalkollox: it-tweġiba finali hija Alla nnifsu. Hu għalhekk li Santu Wistin jikteb li “il-qalb tal-bniedem ma tistrieħx jekk mhux fik, o Alla”.

Fis-Salmi nsibu: “Agħmlu l-qalb intom li tifttxu lil Alla” (69:31), u “ħa tifraħ il-qalb ta’ dawk li jfittxu l-Mulej. Ħabirku biex tagħrfu l-Mulej u l-qawwa tiegħu, fittxu ‘l wiċċu l-ħin kollu” (105:3-4). Issa l-monaċi – fil-każ tagħna dawn is-sorijiet Klarissi – huma propju dawk li l-Iskrittura ssejjaħ “in-nisel ta’ dawk li jfittxu ‘l wiċċek, Alla ta’ Ġakobb” (Salm 24:6). Il-fatt li dan il-monasteru qiegħed bieb ma’ bieb ma’ Dar Manresa, dar tal-irtiri, ikompli jwettaq dan l-ispazju bħala “art qaddisa”, bit-tama li, kif sar fl-imgħoddi, anki fil-ġejjieni saċerdoti, reliġjużi u lajċi jibqgħu jfittxu din l-oasi ta’ spiritwalità fejn fil-ġabra u s-skiet ifittxu li jidħlu fil-preżenza ta’ Alla.

Sinjal tal-preżenza ħajja ta’ Alla fostna
Nixtieq li t-tokki tal-qanpiena ta’ dan il-monasteru jidwu fil-qlub tagħna, fil-familji tagħna u fil-komunitajiet parrokkjali tagħna biex ma nħallux l-ispirtu tagħna jongħos, biex hekk inkomplu ngħassu fuq it-teżori spiritwali li għandna. Nemmen li l-Knisja f’Għawdex għad għandha ħafna x’toffri lis-soċjetà Maltija; issa, bil-preżenza ġdida ta’ ħajja kontemplattiva f’nofsna, hi tista’ twettaq aħjar u b’mod aktar qawwi din il-missjoni spiritwali tagħha.

Mill-kordi ta’ qlubhom dawn is-sorijiet jgħannu tifħir lil Alla. L-għaxqa ta’ dawn il- kontemplattivi hija f’Ġesù preżenti fostna fil-Kelma u fl-Ewkaristija. Biex l-għotja tagħhom lil Alla tkun sħiħa, huma għażlu li jitrażżnu b’ħajja ta’ penitenza. Għax jemmnu qatigħ fil-providenza, għażlu li jkunu Franġiskani foqra. Is-skiet tagħhom itarrax imma jiddisponi l-qlub għall-vuċi t’Alla. Dawn u oħrajn huma stimoli qawwija għalina biex għalkemm aħna fid-dinja ma nkunux tad-dinja imma “tiegħu”, jiġifieri tal-Mulej.

Lil dawn is-sorijiet sejrin nagħtuhom “prokura” – mhux biex jidhru fuq xi kuntratt imma biex “jieqfu” fil-preżenza t’Alla u jidħlu għalina quddiem il-Maestà Divina tiegħu. Bil-ftuħ ta’ dan il-monasteru, fid-djoċesi tagħna issa għandna “bieb speċjali” fejn nistgħu nħabbtu mhux biss biex insibu l-wens meta ngħaddu minn xi burraxka, imma wkoll għal min jixtieq jieqaf ftit mill-ġirja sfrenata tal-ħajja biex joqgħod fis-skiet fil-preżenza tal-Mulej.

Jien fiduċjuż li l-preżenza tas-sorijiet Klarissi fostna hija mediċina smewwija f’waqtha li neħtieġu f’dawn iż-żminijiet partikulari li qed ngħixu, għax filwaqt li d-dinja tistinka biex iddoqq it-trapassar ta’ Alla li tixtiequ mejjet, b’dan il-monasteru qed inwaqqfu “fanal” biex bid-dawl qawwi tiegħu juri, kemm lil dawk tal-qrib u kemm lil dawk tal-bogħod, li Alla mhux biss huwa ħaj, imma tant hu Qaddis li hemm min jagħti ħajtu kollha għalih – bħal dawn is-sorijiet! Dan il-monasteru, “għajn” ta’ ilma ġieri li jwassal għall-ħajja ta’ dejjem (ara Ġw 4:14), huwa sejħa mġedda biex lil Alla nerġgħu nagħtuh postu fil-ħajja tal-lum. Hekk il-bniedem mhux biss ma jistħix u ma jlaqlaqx meta jiġi mitlub jagħti raġuni tat-tama li għandu (ara 1 Pt 3:15), imma wkoll ikun jiflaħ jitkellem bl-ilsien t’Alla nnifsu, li huwa Mħabba (ara 1 Ġw 4:16).

L-inawgurazzjoni tal-monasteru ser issir nhar il-Ħamis 25 ta’ dan ix-xahar. Nistedinkom biex tieħdu sehem kemm fil-Velja ta’ Talb li ser issir fl-24 ta’ Awwissu, u kemm fil-Quddiesa dakinhar tal-ftuħ tal-monasteru.

Ma’ Marija Mtellgħa s-Sema, omm u mudell tal-ħajja kkonsagrata, nistgħu ngħidu li s- Setgħani għamel magħna ħwejjeġ kbar meta bagħat fostna lil dawn il-messaġġiera tiegħu. Ġew fostna biex joqogħdu magħna. Nappella lill-ġenerożità tagħkom biex ngħinuhom b’kull mod li nistgħu.

 

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading