Diskors tal-Isqof Mario Grech lill-Kleru tad-Djoċesi

Print Friendly, PDF & Email

Diskors lill-Kleru tad-Djoċesi
fl-okkażjoni tal-Laqgħa tal-Bdil tal-Awguri tas-Sena l-Ġdida
Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Belt Victoria, Għawdex
Is-Sibt 17 ta’ Jannar 2015
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

KNISJA F’SALIB IT-TOROQ

Anki jekk xi wħud għadhom ma ntebħux jew forsi wkoll ma jridux jammettu, huwa fatt li fis-soċjetà qed iseħħu bidliet kbar. Seħħ tibdil fil-qasam demografiku, fil-viżjoni dwar il-ħajja, fir-riferimenti valorjali, fil-mudelli u stili ta’ ħajja. Dan it-tibdil, biċċa tajjeb u ieħor inqas tajjeb, qed ikollu effett mhux żgħir fuq il-familja, fuq l-adolexxenti u ż-żgħażagħ, fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-ekonomija, is-saħħa u l-politika. Ma jistax jonqos li din ir-rivoluzzjoni soċjo-kulturali qed tolqot id-dimensjoni spiritwali ta’ ġensna u qed ikollha riperkussjonijiet fuq il-komunità ekkleżjali.

Il-Viżta Pastorali li qegħdin niċċelebraw toffrili ħjiel ta’ dan il-kwadru. Matul is-sena li għaddiet waqaft f’sitt komunitajiet parrokkjali. Din l-esperjenza offrietli l-okkażjoni biex inwettaq lil dawk li, għax għandhom ir-riħ fil-qala’, għandhom id-dgħajsa li tofroq il-ħallel tal-baħar tal-ħajja; fl-istess waqt, stajt nakkumpanja u nagħmel il-qalb lil dawk li bħal jaħbtu jaqtgħu qalbhom li tqattgħalhom il-qlugħ, għejew jaqdfu, id-dgħajsa xi kultant timtela bl-ilma u jibżgħu li ser jegħrqu.

F’din il-kumplessità kulturali, hija l-missjoni tagħna bħala Knisja li nkomplu nagħtu sehemna għat-tisħiħ tal-ġid komuni. Imma biex inkunu nistgħu niddjalogaw ma’ din is-soċjetà “ġdida”, aħna wkoll hemm bżonn li nwettqu l-aġġornament meħtieġ biex filwaqt li nibqgħu fidili għall-Vanġelu, inkunu Knisja kontemporanja li tiltaqa’ mal-bniedem kontemporanju. Quddiemna u maġenbna għandna l-bniedem kif inhu u mhux kif nixtequh ikun. Il-Kardinal Bassetti jikkummenta li “ma għandniex infittxu l-kumpanija tal-bniedem kif suppost hu, imma tal-bniedem kif inhu, anki meta ma jkunx jaqbel mal-pożizzjoni tagħna. F’dawn il-persuni aħna nistgħu nilmħu sinjali tal-istess dinjità u dgħufija tagħna, tal-kobor u l-miżerja, tal-ftuħ u l-għeluq li hemm fina”.

Dan il-kliem jagħmel eku tal-osservazzjoni li għamel il-Papa Pawlu VI fid-diskors ta’ tmiem il-Konċilju fis-7 ta’ Diċembru 1965: “Il-Knisja tal-Konċilju interessat ruħha mhux biss fiha nfisha u r-relazzjoni li tgħaqqadha ma’ Alla, imma wkoll fil-bniedem kif inhu llum: il-bniedem ħaj, il-bniedem medhi fih innifsu, il-bniedem li mhux biss jagħmel lilu nnifsu bħala ċ-ċentru ta’ kull interess, imma jgħid li huwa l-prinċipju u r-raġuni ta’ kull realtà. Il-bniedem ‘fenomeniku’, jiġifieri l-bniedem imlibbes ħafna lbies apparenti, kien kontinwament quddiem għajnejn il-Padri tal-Konċilju, huma wkoll bnedmin, rgħajja u aħwa, għalhekk attenti u kollhom imħabba. Ħsiebna fil-bniedem traġiku tad-drammi tiegħu stess, il-bniedem superuomo tal-bieraħ u tal-lum, u għalhekk fraġli u falz, egoista u feroċi; il-bniedem imdejjaq bih innifsu li jidħak u jibki; il-bniedem versatili li dejjem lest biex jirreċta kull parti; il-bniedem għaref li ma jridx joħroġ ’il barra mid-dinja xjentifika; il-bniedem kif inhu, li jaħseb, li jħobb, li jaħdem, li dejjem jistenna xi ħaġa, il-filius accrescens… il-bniedem midneb u dak qaddis”.

Huwa minħabba dan il-bniedem li Ġesù ġie fid-dinja… hu minħabba dan il-bniedem li teżisti l-Knisja! Għalhekk, kif tennejt mal-Kappillani f’waħda mill-aħħar laqgħat li kellna, f’din is-siegħa tal-istorja tal-Knisja f’pajjiżna, jien noħlom li flimkien nagħmlu l-għażla missjunarja li kapaċi tibdel kull ħaġa biex hekk id-drawwiet, l-istili, il-ħinijiet, il-lingwaġġ u kull struttura ekkleżjali jsiru kanal tajjeb għall-evanġelizzazzjoni tas-soċjetà tagħna, aktar milli mezzi biex il-Knisja tiddefendi u tħares lilha nfisha.

Aktar milli nirreferi għal dik li tissejjaħ “missjoni programmatika”, jiġifieri dawk l-għażliet individwali li għandhom natura missjunarja, qed nipproponi li naddottaw dik li tissejjaħ “missjoni paradigmatika”, fis-sens li l-ħidma ordinarja kollha tal-Knisja partikulari tkun f’ottika missjunarja. Għaldaqstant, il-programm pastorali kollu tad-Djoċesi, tal-parroċċi u tal-komunitajiet ekkleżjali l-oħra jkollu impostazzjoni missjunarja.

Nagħmel appell biex nagħmlu mill-Knisja f’Għawdex dik li l-Papa Franġisku jiddeskrivi bħala “Knisja li toħroġ biex tħabbar il-Vanġelu lil kulħadd, kullimkien, f’kull okkażjoni, bla tnikkir” (Evangelii gaudium, 23). Knisja li toħroġ, “taf tmidd l-ewwel pass, taf tieħu l-inizjattiva bla ma tibża’, toħroġ tiltaqa’ mal-oħrajn, tfittex lil min hu mbiegħed u tasal sa salib it-toroq biex tistieden lill-imwarrbin. Tgħix bix-xewqa bla temma li toffri l-ħniena… Ejjew nindenjaw nieħdu ftit iżjed inizjattiva. B’konsegwenza ta’ dan, il-Knisja taf tinvolvi ruħha. Ġesù ħasel riġlejn id-dixxipli tiegħu. Il-Mulej jinvolvi ruħu hu u jinvolvi lil dawk li huma tiegħu, jinżel għarkupptejh quddiem l-oħrajn biex jaħsilhom. Imma dritt wara hu jgħid lid-dixxipli tiegħu: ‘Jekk dawn il-ħwejjeġ tafuhom, henjin intom jekk tagħmluhom’. Il-komunità li tevanġelizza b’għemejjel u ġesti, tidħol fil-ħajja ta’ kuljum tal-oħrajn, tqassar id-distanzi, jekk hemm bżonn titbaxxa sal-punt tal-umiljazzjoni, u tħaddan il-ħajja umana, tmiss il-ġisem ta’ Kristu li jbati fil-poplu tiegħu… L-evanġelizzazzjoni tħaddem ħafna s-sabar u ma tagħlaqx għajnejha għal-limitazzjonijiet” (Evangelii gaudium, 24).

F’ittra li l-Papa jikteb lill-Isqfijiet tal-Arġentina miġburin f’laqgħa ġenerali, jgħidilhom li “Knisja li ma toħroġx, illum jew għada timrad minħabba l-arja ħażina tal-għeluq. Huwa veru li lill-Knisja li toħroġ jista’ jiġrilha dak li jiġri lil persuna meta toħroġ fit-triq: ikollha inċident. Quddiem din l-għażla, irrid ngħid li nippreferi għal elf darba Knisja li tkun batiet minħabba inċident milli Knisja marida. Il-marda ta’ Knisja marida hija l- ‘awtoreferenzjalità’: tħares lejha nfisha, titgħawweġ fuqha nfisha. Dan huwa tip ta’ narċisiżmu li jwassal għal spiritwalità mondana u għal klerikaliżmu sofistikat, u għalhekk ma jħalliniex nagħmlu esperjenza tal-ferħ ħelu u li jserraħ li taf tagħti l-evanġelizzazzjoni”.

Fl-Evangelii gaudium il-Papa Franġisku jikteb: “Ejjew noħorġu, noħorġu biex noffru lil kulħadd il-ħajja ta’ Ġesù Kristu… Nippreferi Knisja miġruħa, feruta, u maħmuġa għax toħroġ fit-toroq, milli Knisja marida bl-għeluq u bil-kumdità taċ-ċertezzi li magħhom hija ggranfata. Ma rridx Knisja moħħha li hi fiċ-ċentru u tispiċċa magħluqa f’taħbila ta’ ossessjonijiet u proċeduri. Jekk hemm xi ħaġa li għandha bir-raġun kollu tinkwetana u tħassibna fil-kuxjenza tagħna hi li tant minn ħutna qed jgħixu mingħajr il-qawwa, id-dawl u l-faraġ tal-ħbiberija ta’ Ġesù Kristu, mingħajr komunità ta’ fidili li tilqagħhom għandha, mingħajr ebda xefaq ta’ sens u ta’ ħajja. Iktar milli l-biża’ li niżbaljaw, nittama li dak li jħarrikna jkun il-biża’ li ningħalqu fl-istrutturi li jagħtuna protezzjoni falza, fin-normi li jibdluna fi mħallfin bla ħniena, fid-drawwiet li fihom inħossuna trankwilli, waqt li hemm barra hemm folla kbira mġewħa u Ġesù li qed itennilna bla heda: ‘Agħtuhom intom x’jieklu’” (Evangelii gaudium, 49).

Meta jikkummenta dwar din l-Eżortazzjoni, it-teologu Pierangelo Segueri jikteb illi “Franġisku jqiegħed lilu nnifsu fuq quddiem tal-poplu ta’ Alla u jmexxih biex joħroġ mill-iskjavitù; biex il-Knisja toħroġ minn sitwazzjoni ta’ telqa sodisfaċenti, li apparentement tagħti serħan il-moħħ u anki kumdità, imma li tkun bdiet tinħakem għal kollox minn xejra ta’ spiritwalità tad-dinja. Toħroġ min-nuqqas ta’ inizjattiva, mit-telfa tal-kreattività, mill-ħabta li għandha li tikkultiva tajjeb id-dwejjaq… Il-Papa Franġisku jikteb li t-telqa, ir-rassenjazzjoni, il-qtigħ il-qalb iwasslu għall-psikoloġija tal-qabar. Wieħed jista’ jqis il-qabar bħala post tal-kenn jew saħansitra xi ‘sakrarju’… F’dawn is-snin l-Insara taw sehemhom biex iwaqqfu dak li l-Ispirtu kien qabbad it-triq”.

Hemm żewġ tipi ta’ Knisja: il-Knisja li biex tevanġelizza, toħroġ minnha nfisha – dik il-Knisja tad-Dei Verbum, jiġifieri dik li “religiose audiens et fidenter proclamans”; imbagħad hemm il-Knisja mondana, li tgħix fiha nfisha, minħabba fiha nfisha u għaliha nfisha. L-għażla tagħna trid tkun favur l-ewwel għamla ta’ Knisja!

Impostazzjoni ta’ din ix-xorta ġġib magħha konverżjoni tal-pastorali. Dan mhux faċli, għax kif josserva l-Papa Franġisku, il-pastorali missjunarja “titlob minna li nħallu l-kriterju pastorali komdu ta’ ‘għax dejjem hekk sar’”. Nagħmlu sew jekk nixtarru tajjeb dan il-parir, għax kemm l-ambjent tradizzjonali tal-parroċċi tagħna u kemm il-forma mentis ta’ għadd ta’ operaturi pastorali jafu jxekkluna bil-qawwa biex ma nimplimentawx din il-viżjoni. Il-pastorali tagħna għadha wisq marbuta mat-tempju u mas-sagristija. Indoqqu l-qanpiena u nistennew li n-nies jiġu f’darna… Mhux biss, imma rriduhom jiġu f’darna fil-ħinijiet tagħna. Mhux rari jiġrilna li nehdew b’nagħġa waħda u niġu naqgħu u nqumu mid-disgħa u disgħin l-oħra li tbiegħdu. Drabi oħra nistgħu nagħtu l-impressjoni li għandna bżonn in-nies biex “nisservizzjaw” ċerti attivitajiet reliġjużi-folkloristiċi, psewdo-liturġiċi u t-tradizzjoni, aktar milli l-ħidma tagħna hija għas-servizz tal-bniedem. Jien konxju li t-tibdil fil-pastorali jġib miegħu reżistenza; imma tajjeb li nżommu quddiem għajnejna l-qawl li jgħid li “min ma jbiddilx, iqammel”.

Reviżjoni tal-pastorali hija meħtieġa biex inkunu aktar preżenti f’għadd ta’ oqsma li llum huma ttraskurati, bħalma huma l-iskejjel, fejn jiltaqgħu l-adolexxenti u ż-żgħażagħ, l-isptarijiet, il-postijiet tax-xogħol, il-każini politiċi, u oħrajn. Biex nagħti eżempju, waqt waħda mill-Viżti Pastorali ħaduni taħt tinda fejn kuljum għadd ġmielu ta’ rġiel jinġabru jilagħbu l-boċċi. Niżgurakom li hemmhekk iltqajt ma’ individwi li f’disa’ snin kemm ilni Isqof qatt ma kont iltqajt magħhom. Ngħidilkom li karbuli biex kultant saċerdot jixref ftit f’nofshom. Imbagħad hemm dawk li l-Papa jiddeskrivi bħala “tal-periferija” eżistenzjali jew spiritwali – dawk li jħossuhom waħidhom, dawk li huma mirfusa, dawk li huma vittmi ta’ sistemi inġusti, dawk li huma barra mill-mainstream tas-soċjetà, dawk li għamlu għażliet li jikkuntrastaw man-norma ċivili u reliġjuża, dawk li ġarrbu xi falliment personali jew familjari, dawk li żbaljaw – fi kliem ieħor, huma dawk li jixirqilhom jisimgħu li Ġesù huwa ħanin u għani fl-imħabba!

Imma biex “noħorġu u niltaqgħu” ma’ din is-soċjetà, għandna bżonn nidħlu fil-loġika tas-Salib, fis-sens li noħorġu minna nfusna, noħorġu minn stil qadim u abitudinarju ta’ kif ngħixu l-fidi u s-saċerdozju tagħna, li ma nċedux għat-tentazzjoni li ningħalqu fl-iskemi pastorali tagħna li jispiċċaw biex jagħlqu x-xefaq tal-azzjoni kreattiva ta’ Alla. Dan ifisser li kull konverżjoni pastorali tippresupponi konverżjoni personali – ma nistgħux noħolmu li nwettqu din il-konverżjoni pastorali jekk ma nikkurawx bis-serjetà l-ħajja interjuri tagħna. Il-konsagrazzjoni episkopali jew presbiterali ma toffri ebda garanzija li ma nistgħux niftaqru spiritwalment. Aħna wkoll irridu ngħassu fuqna nfusna biex ma nċedux li nikkoabitaw mad-dnub.

Waħda mit-toroq ewlenin li fihom trid toħroġ il-Knisja hija l-familja. Fostna l-pastorali familjari għandha tiġi kkonsolidata. Ma għandniex nehdew ngħinu lill-bniedem jiskopri l-ġmiel taż-żwieġ, nakkumpanjaw il-familja b’saħħitha u ninfaxxaw il-feriti tal-familji midruba. Inħeġġeġ biex iż-żjajjar lill-familji jkunu prijorità pastorali. Quddiemna għandna s-Sinodu dwar il-Familja li ser ikun iċċelebrat f’Ottubru li ġej. Għalkemm bħala Konferenza Episkopali diġà għamilna għadd ta’ proposti bl-għan li l-Knisja lokali tagħti sehemha għal dan is-Sinodu, personalment inħoss li l-interess huwa baxx, tant li għadna ma tlaqniex! Nirrakkomanda lill-komunitajiet ekkleżjali kollha biex iwieġbu l-kwestjonarju mibgħut mis-Segreterija tas-Sinodu.

Qegħdin ukoll fis-Sena ddedikata lill-Ħajja Kkonsagrata. Il-ħajja kkonsagrata tagħmel parti essenzjali mill-ħajja tal-Knisja. Ftit snin ilu ħdimna qatigħ biex illum fostna għandna komunità kontemplattiva. Inġedded l-appell tiegħi biex aktar saċerdoti jħabbtu fuq il-bieb ta’ dan il-monasteru li huwa oasi ta’ spiritwalità. Barra minn hekk, matul din is-sena għamilna ħilitna kollha biex il-Patrijiet Ġiżwiti jibqgħu preżenti fid-Djoċesi. Nemmen li tkun telfa kbira għall-Knisja f’Għawdex jekk ikollha titlef xi waħda mill-komunitajiet reliġjużi li għandna fostna. Fl-istess waqt, għandi l-impressjoni li mhux is-saċerdoti kollha għandhom għożża għall-ħajja kkonsagrata – bħal qisu għal xi wħud il-ħajja kkonsagrata hija realtà aċċessorja u sekondarja! Espressjonijiet oħra tal-ħajja kkonsagrata bħalma huma l-Istituti Sekulari u l-Ordo Virginum għandhom isibu l-appoġġ pastorali tagħna u ma nibqgħux lura milli nagħmlu l-proposta vokazzjonali.

Il-ħidma għall-vokazzjonijiet saċerdotali ma tistax tnin. Hawnhekk nixtieq insellem lil Dun Daniel Xerri li għadu kif temm l-uffiċċju tiegħu bħala Rettur tas-Seminarju – id-Djoċesi hija grata ħafna lejh għax il-ministeru tiegħu huwa wettqu immankabilment! Fl-istess waqt nagħti merħba lir-Rettur il-ġdid, Patri Tony Sciberras MSSP. F’dan il-kuntest irrid ngħid li jiddispjaċini qatigħ meta nisma’ saċerdoti jikkritikaw b’mod tassew irresponsabbli d-deċiżjonijiet tas-Seminarju, jekk mhux ukoll jippruvaw jindaħlu fil-ħidma delikatissma tas-Superjuri tas-Seminarju. Is-Superjuri tas-Seminarju għandhom il-fiduċja sħiħa tiegħi. Jien konvint li huma jwettqu l-ministeru tagħhom b’rettitudni kbira u jżommu quddiem għajnejhom il-ġid tal-persuna u tal-Knisja. Ħadd ma huwa daqshekk iblah li sejjer ifixkel jew jitlef vokazzjoni! Għalhekk nitlob li jkun hemm aktar maturità dwar kif nitkellmu dwar is-Seminarju; inkella nkunu nisparaw għal riġlejna.

Hawnhekk nixtieq ngħid kelma dwar is-saċerdoti anzjani. Anki jekk ma għandhomx l-enerġija biex iwettqu ħidmiet kbar, jien napprezza kull ħidma pastorali, anki jekk ċkejkna, li huma jwettqu. Jien konxju li min qed jikber fl-età jista’ jibda jitħasseb dwar x’jista’ jiġri ’l quddiem meta jkollu bżonn il-kenn għax isibu ruħu waħdu. Sentejn ilu kont għamilt proposta dettaljata dwar dan is-suġġett, imma minħabba t-tpaċpiċ fieragħ ta’ xi wħud, dak il-proġett ġie skartat. Imma llum nerġa’ nafferma li d-Djoċesi ser tkun qrib is-saċerdoti anzjani, partikularment ma’ dawk li verament ma jkollhomx mezzi personali. Għal darb’oħra ntenni li jkun għaqal jekk dment li għadna rajna f’idejna, nieħdu ħsieb il-futur tagħna!

Konklużjoni
Ftit snin ilu, Jean Marie Tillard ippubblika ktieb interessanti bl-isem Siamo gli ultimi cristiani? Lettera ai cristiani del duemila. Dan it-teologu, li ħa sehem fil-Konċilju Vatikan II, jikkonkludi l-ittra tiegħu hekk: “M’aħniex l-aħħar Insara, imma żgur li aħna l-aħħar li qed inħaddnu dan l-istil ta’ Kristjaneżmu. Qed nitkellem fuq il-passaġġ minn Kristjaneżmu roccoco jew barokk għal Kristjaneżmu iżjed qrib tas-safa romanesk… kulma jmur aħna qed insiru l-aħħar xhieda ta’ ċertu mod ta’ kif tkun Nisrani u Kattoliku. Involuta fil-bidliet kbar tas-soċjetajiet umani li fihom hi mlaħħma, il-Knisja hi bla dubju ta’ xejn iddestinata li tibdel il-wiċċ tagħha, u diġà nistgħu naqbdu tarf tal-linji tiegħu”.

Nemmen li jekk nikkollaboraw aktar flimkien u nikkordinaw il-ħidma ministerjali tagħna biex nagħtu din l-impostazzjoni pastorali li semmejt aktar ’il fuq, għandna raġuni biex nittamaw li l-Insara tagħna ma humiex “l-aħħar Insara”! Minn qalbi rroddilkom ħajr tal-ministerjalità tagħkom – nirrikonoxxi li huma diversi dawk is-saċerdoti li qed jgħixu l-ministeru tagħhom b’fedeltà u ġenerożità.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading