Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Festa ta’ Santa Kjara ta’ Assisi

Print Friendly, PDF & Email

Omelija fil-Festa ta’ Santa Kjara ta’ Assisi
Dar Manresa, il-Belt Victoria
Il-Ħadd 7 ta’ Awwissu 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

KONTEMPLATTIVI ESPERTI FL-UMANITÀ

Ġesù jgħidilna li jekk wieħed ma jibqax fih, jinxef, u “friegħi bħal dawn jiġbruhom u jitfgħuhom fin-nar u jinħarqu” (Ġw 15:6). B’dan il-kliem, Ġesù ried ifisser li min jabbanduna lil Alla, jiġrilu li jintilef fin-“nar ta’ dejjem” – xbieha qawwija biex nifhmu t-tbatija li jġarrab il-bniedem li jibqa’ mifrud għal dejjem minn Alla! Imma nħoss li dan il-kliem ifisser ukoll li dak il-bniedem li ma jagħtix frott (ladarba jkun miftum minn Alla), sħabu stess jaħarquh; anzi, dawk li jinxfu spiritwalment jibdew jaħarqu lil ħuthom il-bnedmin. Ma huwiex Alla li “jitfagħna” fin-nar, imma huwa l-istess bniedem li jasal biex “jaħraq” lil min ma jagħtihx frott. Filwaqt li tajjeb napprezzaw il-ħafna tajjeb li hawn fostna, ma nistgħux ma ninkwetawx meta madwarna nilmħu elementi ta’ “nar fl-art” bħal fejn hemm il-vjolenza, il-mibegħda, l-għira, il-ġlied, l-inkejja, u l-bqija. Dan u aktar huwa ġamar li jqabbad u jeqred. Imbagħad hemm persuni li jinħarqu mill-kultura tal-konsum u tal-effiċjentiżmu. Mifxulin mill-kilba biex jaqilgħu ħafna, isofru minn ¬burnout. Saħansitra hemm anki istituzzjonijiet, bħalma huwa ż-żwieġ, li qed isiru rmied. Żgur li ma huwiex Alla li qed jikkawża din it-tbatija, imma huwa l-bniedem li meta jitbiegħed minn Alla jibda jipproduċi frott ħażin flok dak tajjeb.

Qasam fejn illum qed infallu bil-kbir bħala bnedmin huwa dak tal-umanizzazzjoni. Bħal donnu qed ninsew x’inhi l-identità tal-bniedem. Qisna qed nitilfu l-memorja ta’ x’jagħmilna bnedmin. Ċertu raġunament li nisimgħu jikxef li mhux is-Sibt huwa għall-bniedem imma l-bniedem għas-Sibt. Għaldaqstant sar għandna defiċit tal-valuri umani bħalma huma r-rispett lejn il-ħajja, it-tolleranza, il-mogħdrija ma’ min jiżbalja, l-attenzjoni lejn il-foqra, u ħafna aktar. Kemm tistona meta xi ħadd jgħajjat lil sieħbu “annimal”! Imma huwa fatt li meta l-bniedem jinsa li għandu qalb, kapaċi jieħu atteġġjamenti ta’ annimal. Homo homini lupus. Sfortunatament nisimgħu b’diversi għemejjel ta’ bnedmin bla qalb – vendikazzjonijiet, inġustizzji, sfruttamenti, inganni, assassinju tal-karattru, u aktar. Dawn huma ftit minn damma twila ta’ żbalji diżumani koroh li kapaċi nagħmlu kontra l-proxxmu. Effett ta’ dan il-faqar uman, ħloqna ħafna skart uman. Kiber l-għadd ta’ dawk il-persuni li qed isibu ruħhom ipparkjati maġenb it-triq jew f’xi depożitu. Jekk aħna ninżgħu mill-umanità tagħna jew inħalluhom ikomplu jneżżgħuna (għax hemm programmi ssettjati mill-bogħod maħsuba biex lill-bniedem jitnaqqarlu dak li jsawru bniedem), allura nkunu biss tajbin għan-nar u jekk ma ninħarqux, naħarqu.

Alla l-ħin kollu jistedinnna biex nidħlu f’relazzjoni intima miegħu. Uħud mill-passaġġi fl-Iskrittura Mqaddsa għandhom bixra erotika. Alla huwa l-għarus imxennaq għall-għarusa u jiġri warajha (il-poplu tiegħu) biex tkun intima miegħu: “Jien lill-għarusa tiegħi ser niġbidha, neħodha fid-deżert u lil qalbha nkellem” (Hos 2:16). Ġesù jridna nkunu ħaġa waħda miegħu u jistedinna għall-intimità miegħu (ara Ġw 15:4). Din l-intimità ma’ Alla twassal biex il-bniedem ikun aktar bniedem. Dan l-għan jintlaħaq aktar u aktar meta l-bniedem jiffissa l-ħarsa tiegħu fuq Kristu, l-Iben ta’ Alla li sar bniedem. Ecce Homo. F’Ġesù naraw il-bniedem imżejjen bid-dinjità umana tiegħu. L-istedina biex nitwaħħdu ma’ Ġesù ma għandhiex l-iskop li taqtagħna mid-dinja jew biex ninżgħu l-umanità tagħna, imma biex il-bnedmin jgħixu ta’ bnedmin b’rispett lejn il-pjan tal-Ħallieq.

Santa Kjara, imnebbħa mill-Fqajjar ta’ Assisi, tiddeċiedi li tgħix ħajjitha f’intimità ma’ Ġesù; anzi, meta xi xebbiet oħra jsegwu l-eżempju tagħha, Kjara twaqqaf komunità ta’ reliġjużi kontemplattivi. L-istorja tagħhom hija mmarkata b’din ir-relazzjoni intima ma’ Ġesù, l-għarus tagħhom.

Il-ħajja fil-klawsura ma tneżżax mill-umanità – ma taqtax lis-sorijiet mid-dinja; anzi, jekk il-ħajja kontemplattiva ma tħaddanx lil dawk ta’ barra (fis-soċjetà), tkun falza. Ftit ġimgħat ilu l-Papa Franġisku tana Kostituzzjoni Appostolika dwar il-ħajja kontemplattiva – Vultum Dei Quærere. F’dan id-dokument naqraw li l-ħajja tat-talb ma tagħlaqx lill-kontemplattivi fihom infushom, imma twessgħalhom qalbhom biex iħaddnu l-umanità, speċjalment lil dawk li qegħdin ibatu (n. 16). L-imħabba tagħhom lejn Ġesù tgħinhom jikbru fid-dimensjoni umana tagħhom u hekk jgħinu lill-umanità feruta tfejjaq il-ġrieħi tagħha. Meta jiffissaw il-ħarsa tagħhom fuq il-Kurċifiss kollu pjagi u dmija, huma jikkontemplaw ukoll lill-bniedem li bħalu huwa kollu pjagi u dmija. Permezz tat-talb tagħhom, il-Klarissi jdaħħlu subgħajhom mhux biss fil-ferita ta’ Kristu imma wkoll f’dawk li għandu l-bniedem; bit-talb ta’ interċessjoni, huma jinfaxxaw bil-balzmu l-ġrieħi mdemmija tal-umanità; il-qalb tagħhom issir bieqja biex tilqa’ d-dmugħ iġelben minn għajnejn l-imbikkma.

Għeżież sorijiet Klarissi, il-ħajja klawstrali tagħkom għandha tkun immarkata bl-ispiritwalità tal-ospitalità. Il-monasteru jibqa’ mħares biex xejn ma jtellfu li jkun spazju għall-intimità ma’ Ġesù; imma l-qalb tagħkom il-kontemplattivi trid tkun miftuħa biex toffri kenn lil min qed ifittex il-faraġ uman u spiritwali. Hija l-umanità tagħkom li tista’ tfejjaq l-umanità midruba. Propju għaliex tkunu għamiltu esperjenza tal-ġmiel tal-umanità ta’ Kristu, intom tinterċedu quddiem il-Ħallieq u l-Feddej biex l-umanità midinba terġa’ tiġi rrestawrata.

Fil-Kostituzzjoni Appostolika li semmejt aktar ’il fuq, il-Papa Franġisku jxebbahkom ma’ Mosè li bit-talb tiegħu b’idejh miftuħa quddiem Alla (ara Eż 17:11) “iddeċida d-destin tal-poplu tiegħu”. B’dirgħajkom merfugħa ’l fuq waqt it-talb ħerqan tagħkom, waqt li tiftakru fl-umanità kollha, partikularment fid-dgħajfin u dawk fil-bżonn, intom “tiddeċiedu d-destin” ta’ ħafna (n. 17).

Il-Papa jxebbahkom ukoll ma’ dawk in-nies li qabdu lill-paralitiku fuq friexu u ressquh quddiem Ġesù biex ifejqu. Iva, bit-talb li intom toffru matul il-jum u matul il-lejl, intom tressqu ħafna drammi umani quddiem il-miżerikordja divina li tfejjaq; ħafna drabi jkun permezz tagħkom biss li dawn il-persuni jaslu fil-preżenza ta’ Alla (ara n. 16).

Dan u aktar tfisser il-preżenza ta’ wlied Santa Kjara fil-Knisja u fid-dinja: huma jweżnuna f’din l-isfida li qed jagħmlilna dan il-kuntest soċjali xi drabi diżuman, biex aħna nibżgħu għal-libsa dinjituża tagħna l-bnedmin. Għalhekk nemmen li dan il-monasteru tal-Klarissi, anki jekk ċkejken, huwa don kbir għal din id-Djoċesi. Intom il-kontemplattivi intom il-mudullun ta’ din il-Knisja partikulari. Għalina intom mudell kif aħna nistgħu nieħdu sehem f’din il-missjoni li għandha l-Knisja li tfejjaq l-umanità: billi bħalkom aħna wkoll nixxennqu u nxennqu għal Alla – għax jekk il-friegħi jkunu magħqudin miegħu, jagħmlu l-frott.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading