Priedka tat-Tifel (2018)

Print Friendly, PDF & Email

Għeżież ħuti nsara, inġbarna hawnhekk bħala familja waħda sabiex b’ħeġġa u mħabba niċċelebraw dan il-lejl qaddis li fih “il-poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir”, għax f’dan il-lejl twieled il-wisq mistenni, ir-Re tar-rejiet, Alla bħala bniedem. L-ebda anġlu, l-ebda bniedem ma jirnexxielu jfaħħar biżżejjed din il-ġrajja ta’ Alla li jieħu n-natura ta’ lsir biex jeħles lili u lilek mill-iskjavitù tagħna nfusna.

Il-Milied ta’ din is-sena qed niċċelebrawh f’sena partikulari għad-Djoċesi tagħna – is-Sena Marjana – għaliex l-inkwatru mirakuluż tal-Madonna Ta’ Pinu, meqjum b’tant devozzjoni fis-Santwarju tagħha, għalaq 400 sena minn meta l-artist bravu Amadeo Perugino ħoloq dan il-kapulavur li għadu jsaħħarna sal-ġurnata tal-lum.

U għalhekk illejla, fl-okkażjoni tas-Sena Marjana, nixtieqkom tirriflettu fuq il-ġrajja tal-Milied mill-għajnejn ta’ Marija, l-Omm ta’ Ġesù, li tat il-ħajja lil Alla bħala bniedem.  Min jaf kemm stennietu bil-ħerqa fix-xhur ta’ qabel it-twelid!  Min jaf kemm ħsibijiet u biżgħat tnisslu fil-qalb tagħha!  Min jaf kemm preparamenti biex tilqa’ sew lit-tarbija Ġesù! Min jaf kemm iddispjaċiha meta saret taf li se jkollha tagħmel vjaġġ lejn Betlehem flimkien ma’ Ġużeppi biex hemmhekk jinkitbu fiċ-ċensiment ta’ Ċesari Awgustu!  Min jaf kemm weġgħetha qalbha meta bdew iħabbtu l-bibien u ħadd ma kellu post biex jilqa’ lil din il-koppja li kienet se tagħti lid-dinja l-akbar Rigal! Min jaf kemm ferħet xħin dak ir-raġel twajjeb daħħalhom fl-għar tal-annimali għall-kenn!  Min jaf x’ħasset Marija f’dak l-ewwel mument li fih rat lil Ġesù għall-ewwel darba u ħadnitu magħha b’tant għożża!  Kif jgħidilna l-Vanġelu, Marija “baqgħet tgħożż dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha”.

Ejjew f’dan il-lejl nistħajjlu lil Marija, bit-tarbija Ġesù f’idejha, u fl-istess waqt tħares lejna.  Ejjew nistħajluha ttennielna dik is-sejħa li hija għamlet lil Karmni Grima mill-inkwatru mirakuluż Ta’ Pinu – EJJA – EJJA – EJJA.  Ejjew nużaw l-immaġinazzjoni tagħna u nistħajjlu lil Marija, bit-tarbija Ġesù fi ħdanha, tgħidilna u ssejħilna mill-qalb:

  • Ejja sa ħdejna f’din il-grotta għax dan Ġesù twieled għalik – li kieku kont teżisti int biss fuq din l-art, kien jiġi wkoll għalik
  • Ejja int li tħossok midneb għax dan Ibni twieled biex jagħti l-maħfra lil kull min jixtieqha
  • Ejja int li tibki u tolfoq f’dan il-wied tad-dmugħ u ara f’Ġesù lil Alla li sar bniedem bħalek biex jibki bħalek u jibki miegħek
  • Ejja int li int għajjien mill-ħajja u strieħ għall-kenn ta’ din il-grotta quddiem dak li qal: “Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin u jien nserraħkom”
  • Ejja int li l-mibegħda u r-rabja kilitlek qalbek u ara f’dan Ġesù Alla li ma jużax forza, huwa bħal “dik in-nagħġa f’id min iġiżżha – ma jiftaħx fommu”
  • Ejja int li qed tfittex bil-ħerqa esperjenza ta’ Alla u ara f’dan Ibni kemm Alla tbaxxa u ċċekken biex inti tkun tista’ tilħqu.

Ejjew f’dan il-lejl nilqgħu bil-qalb din l-istedina ta’ Omm Ġesù u Ommna Marija.  Ejjew ma nibżgħux nidħlu fl-avventura tal-fidi kif għamlet Marija.  Imbagħad verament inkunu nistgħu nkantaw mal-anġli: “Glorja ‘l Alla fl-għoli tas-smewwiet u paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba”

            VIVA ĠESÙ BAMBIN!!!

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading