It-Talba ta’ David (2)


Riflessjoni fuq paragrafi mill-katekeżi tal-Papa Franġsku fl-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa 24 ta’ Ġunju 2020 fil-biblijoteka tal-Palazz Appostoliku.

Riflessjoni 2

It-tradizzjoni għalhekk turina li David kien in-nissieġ il-kbir tal-kompożizzjoni tas-salmi. Fil-bidu tagħhom dawn spiss jirriferu b’mod ċar għas-sultan ta’ Iżrael, u xi wħud isemmu l-ġrajjiet nobbli jew inqas nobbli tal-ħajja tiegħu.” – Il-Papa Franġisku

Tgħid għaliex wara dan iż-żmien kollu għad għandhom valur daqstant kbir, kemm għall-Knisja kif ukoll għall-persuni individwali? Matul is-snin, is-Salmi kienu dejjem meqjusa bħala sors ewlieni u importanti ħafna tat-talb nisrani. L-aktar li narawh dan fil-liturġija tal-Knisja meta ngħidu flimkien is-salm responsorjali. Jidhru qishom poeżija, u n-nies fil-knisja jkunu mistiedna biex jgħidu r-ritornell.

Skont il-Papa Ġwanni Pawlu II, il-ktieb tas-Salmi għandu jibqa’ b’din l-importanza għax it-talb li fih hu addattat għal diversi sitwazzjonijiet tal-ħajja. Mhux ta’ b’xejn li dan il-ktieb huwa ċentrali għal-Liturġija formali, jintuża ħafna bħala riżorsa importanti għall-gruppi nformali ta’ talb, u jifforma sors importanti ħafna għat-talb devozzjonali nisrani .  

Is-salmi fihom firxa kbira tal-esperjenza tagħna l-bnedmin, b’varjeta’ ta’ ħsibijiet differenti. Probabbli li m’hawn l-ebda ktieb ieħor ta’ din il-kwalita’. Kemm jekk hemm bżonn l-indiema u l-qrar, jew diffikultajiet fil-ħajja, jew jekk il-ħsara qed toqrob jew jekk xi ħadd huwa mdejjaq u mweġġa, jew sofra xi ħaġa… Jew jekk xi ħadd irid ikanta xi għanja u jirringrazzja lil Alla. Għal kull okkażjoni bħal dawn, wieħed għandu riferenza fis-Salmi.

Ħalli mela wieħed jagħżel l-affarjiet li jintqalu fis-Salmi f‟dawn iċ-ċirkustanzi u jtenni dak li ġie miktub u li jikkonċernah, u meta jassimila dak li nkiteb, dawn il-kitbiet, jerfgħuh lejn is-sema. 

Il-Papa Benedettu XVI jgħid hekk fuq il-ktieb tas-Salmi: “Fdan il-ktieb, l-esperjenza sħiħa umana tinsab espressa bir-realtajiet kollha tagħha. Fis-Salmi, il-ferħ u t-tbatija, ix-xewqa għal Alla u l-għarfien ta’ kemm wieħed ma jiswa xejn, il-gost u s-sens ta’ abbandun, il-fiduċja f’Alla u s-solitudni, il-milja tal-ħajja u l-biża’ tal-mewt, huma kollha hemm.”

Minn Joe Galea