Ħajja kkonsagrata li tħares ’il quddiem

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 1 ta’ Frar 2021: Omelija mill-E.T. Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex fil-Vġili tal-Festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej. Quddiesa għar-reliġjużi u għall-persuni ta’ ħajja kkonsagrata. Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb.

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/977099269″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” width=”100%” height=”100″ iframe=”false” /]

Ħajja kkonsagrata li tħares ’il quddiem

Li kieku kellna nagħmlu din il-quddiesa għar-reliġjużi tletin sena ilu, tgħid kemm konna nkunu?

Għeżież reliġjużi, erwieħ ikkonsagrati lil Alla, saċerdoti, u Nsara, ilkoll kemm aħna… “Il-knejjes kbar li jkollhom, jispiċċaw bil-mod il-mod biex jiżvujtaw. Il-kunventi u l-monasteri jispiċċaw bil-mod il-mod ksur ir-ras kif ser iżommuhom. L-attivitajiet u l-opri tal-ħniena jispiċċaw diffikultà kif ser ikompluhom. Jiġi żmien li l-komunitajiet Kristjani Nsara jkunu żgħar, u ma jibqgħux jagħmlu ħoss fid-dinja. Id-dinja tinsa lil Alla, imma dawk li jinsew lil Alla jgħixu f’solitudni sħiħa, u jibdew iħarsu lejn il-komunitajiet żgħar Insara. Il-Kristjaneżmu jibdew jgħixuh mhux iktar bi drawwa, imma b’għażla; mhux iktar għax l-omm tgħaddih lill-iben, imma għax l-iben meta jikber u wara li jagħmel ħafna esperjenzi, jagħraf u jinduna bis-sabiħ li timxi wara Ġesù. Imbagħad bil-mod il-mod id-dinja fis-solitudni tibda tagħraf il-kobor, it-tjubija u sbuħija tal-Vanġelu”.

Tgħiduli, x’inti tgħid? Din hija silta mill-ktieb tat-teologu Joseph Ratzinger, miktuba 35 sena ilu, fl-1968. Imma donnu t-teologu, imbagħad Kardinal, imbagħad Papa, illum Papa emeritu, kien qed jitkellem fuq żminijietna, kien qiegħed jitkellem dwar illum.

U jkompli l-Papa: “Ma jfissirx li l-Kristjaneżmu li ġej għandu xi ħaġa inqas minn dak li għadda. Il-knejjes mhux ser jerġgħu jimtlew u l-kunventi lanqas, imma d-dixxipli ta’ Ġesù, dawk tal-futur, ikunu aktar awtentiċi, aktar ta’ veru. Għax jagħżlu li jimxu warajh mhux minħabba l-kultura, mhux minħabba l-pressjoni tas-soċjetà, mhux biex ikollhom status, imma għax għarfu s-sbuħija tal-valuri ta’ Ġesù”.

Dan hu forsi ż-żmien li qed jistenniena, din hi forsi l-Aħbar it-tajba, din hi l-profezija li għaliha tista’ tkun imsejħa l-Ħajja Reliġjuża, il-Ħajja Kkonsagrata tal-futur. U aħna, minflok noqogħdu nħarsu lura u nibku l-kmamar vojta fil-kunventi tagħna, hemm bżonn nibdew inħarsu ’l quddiem u b’tama sħiħa, b’fiduċja sħiħa. Mhux nittamaw li nerġgħu nimlewhom, mhux nittamaw li nikbru fin-numri, imma nittamaw li nsiru aktar veri fid-dixxipulat tagħna, fil-mixja tagħna wara l-Mulej Ġesù.

Jista’ jkun żmien, dan, illi jistimulana, li jħeġġiġna, li jgħinna biex nieħdu iktar b’maturità u b’libertà l-għażla tal-konsagrazzjoni. Kemm tkun isbaħ il-konsagrazzjoni tagħna jekk tkun friska, jekk tkun libera, jekk nagħżluha kuljum, kull filgħodu, bi mħabba, b’entużjażmu, anki jekk m’aħniex ħafna! Mhux importanti n-numru; importanti l-kwalità. Kemm tkun ta’ attrazzjoni l-ħajja kkonsagrata tagħna jekk verament issir ir-refuġju, issir is-serħan tal-bniedem tal-lum: traxxnat, mgħobbi b’ħafna xogħol, minn ħaġa għall-oħra, lanqas ċans jieqaf u jinduna li hu ħaj. Kemm tkun sabiħa l-ħajja kkonsagrata jekk kull wieħed u kull waħda minna nidħlu fil-profondità tar-relazzjoni sempliċi imma sinċiera ma’ Alla, bid-dgħufija tagħna, aħna kif aħna; bil-verità tagħna, aħna kif aħna! Kemm tkun sabiħa l-ħajja kkonsagrata jekk kuljum inqumu u niġġieldu u nitħabtu biex ngħixu fil-milja tagħha l-komunjoni, u ma nibqgħux inħossuna mitfugħin f’post, li rridu ngħixu bilfors taħt saqaf wieħed, ma’ ħutna, ma’ dawk li poġġew magħna s-superjuri tagħna! Kemm tkun iktar friska u sabiħa l-ħajja kkonsagrata li ġejja!

Ejjew nagħmlu kuraġġ, ejjew ma naqtgħux qalbna, ejjew ma ngħixux bin-nostalġija ta’ kif konna, imma ngħixu bit-tama Kristjana ta’ kif nistgħu nkunu. Ejjew niftakru li l-Vanġlu tal-lum jitkellem fuq ftit persunaġġi sempliċi: żewġt ixjuħ, Xmun u Anna, u koppja żagħżugħa fqira, għandha biss x’toffri par ħamiem jew żewgt ibċieċen, u tarbija. U dawn isiru d-dawl li jdawwal il-ġnus, id-dawl tad-dinja. Ejjew nitolbu lill-Mulej illejla, f’din l-okkażjoni tad-dawl, biex jimla l-qalb tagħna b’dawl ġdid. Ma nibqgħux infittxu d-dawl tal-kwantità, ma nibqgħux infittxu d-dawl tal-attività, imma nibdew infittxu d-dawl tal-intimità tagħna miegħu, nibdew infittxu d-dawl tal-awtentiċità tal-ħajja reliġjuża tagħna. Ejjew nitolbuh lill-Mulej idawwal il-moħħ u l-qalb tagħna, biex nibdew ngħixu, jew aħjar inkomplu ngħixu, napprofondixxu s-sejħa tagħna ta’ erwieħ ikkonsagrati fid-dixxerniment kontinwu, kif jitlobna l-Papa. U mhux iktar fin-nostalġija tal-passat, fit-tradizzjoni tal-preżent, jew bil-qtugħ ta’ qalb għall-futur. Ejjew nitolbuh lill-Mulej, lill-Ispirtu Qaddis ta’ Alla, jimliena bit-tama tiegħu.

Għadna kif ħerġin mill-festi tal-ġranet tal-Milied: tarbija ċkejkna, Alla fis-sempliċità tiegħu. Tarbija normali bħall-oħrajn kollha kienet kapaċi tkun id-Dawl tad-dinja. Ejjew nitolbuh lill-Mulej biex jimliena b’din it-tama, biex ma nħallux il-qtigħ ta’ qalb u l-ħars lura lejn il-passat ifixkilna milli nħarsu ’l quddiem b’tama sħiħa, b’fiduċja fis-sbuħija ta’ din l-għotja tagħna kollna kemm aħna lill-Mulej tas-Sema.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading