Omelija ta’ Ġwanni Pawlu II fi Frascati

Print Friendly, PDF & Email

VISTA PASTORALI FI FRASCATI. OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II

Frascati, 8  ta’  Settembru 1980

Għeżież ħuti!

1. B’ferħ ħaj niġi llum fil-belt tagħkom, li tiftaħar bi dritt tajjeb, barra minn tradizzjoni storika u artistika twila u glorjuża, ukoll bis-sbuħijiet naturali tagħha u bil-magħrufa korteżija tal-abitanti tagħha, tant, li minn sekli ilu, saret post imfittex u privileġġjat għall-mistrieħ tal-ispirtu barra minn dak tal-ġisem.

Nixtieq nindirizza, qabel xejn, tislima kordjali lill-meqjum ħija l-Kardinal Paolo Bertoli, Kamerelengo tal-Knisja Qaddisa Rumana, li għandu rbit ta’ mħabba speċjali magħkom inkwantu huwa mogħti t-Titlu tal-Knisja Suburbikarja ta’ Frascati; tislima ta’ mħabba lir-Ragħaj żeluż tagħkom, Monsinjur Luigi Liverzani, li kellu t-tjubija li jistedinni għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet; xejn inqas lis-Sur Sindku, li kellu espressjonijiet nobbli fil-konfront tal-persuna tiegħi u tas-servizz tiegħi għall-Knisja Univrsali.

Ma nistax ninsa, f’din iċ-ċirkustanza ferrieħa u sinifikattiva, is-saċerdoti, ir-reliġjużi rġiel u nisa, il-missirijiet, l-ommijiet tal-familja, il-ħaddiema, l-artiġjani, il-professjonisti, iż-żgħażagħ maskili u femminili, it-tfal, it-trabi u, b’mod speċjali, il-foqra u l-morda.

Lil kulħadd it-tislima sinċiera tiegħi!

Numru sewwa minnkom jiftakru l-vista li għamel f’din il-belt, madwar 17-il sena ilu, il-Ħadd l-ewwel ta’ Settembru 1963, il-meqjum Ptedeċessur tiegħi Pawlu VI; huwa ġie hawn speċjalment biex ikellimkom dwar Qaddis, tant għażiż għal qalbkom, San Vinċens Pallotti, li f’din il-belt iċċelebra l-ewwel Quddiesa u kiteb ir-regoli tal-Istituzzjoni meritorja tiegħu.

Imma, fl-istess ħin, il-ħsieb tiegħi  jissaħħab bi dwejjaq meta niftakar fl-imsejkna vittmi ta’ dak il-bumbardament trist u tremend tat-8 ta’ Settembru 1943, li laqat u qered il-belt tagħkom, li hekk tat il-kontribut ta’ niket, ta’ dmugħ u ta’ demm għall-ġrajja traġika tat-tienu konflitt mindjali.

2. Fit-tifkira ta’ dawn il-ġrajjiet, li issa jappartienu lill-istorja ta’ Frascati, aħna ninsabu hawn miġbura flimkien biex nipproklamaw il-messaġġ ferrieħ tat-tama nisranija għaliex – kif għadna kemm smajna mil-Liturġija – aħna llum niċċelebraw “bil-ferħ it-Twelid tal-Beata Verġni Marija: Minnha telgħet ix-xemx tal-ġustizzja, Kristu, Alla tagħna!”.

Din il-festivita marjana hija kollha stedina għall-ferħ, propju għaliex bit-twelid ta’ Marija Santissma Alla kien ta lid-dinja kważi l-garanzija konkreta li s-salvazzjoni kienet issa mminenti; l-umanità li għal millenji, b’forom ftit jew wisq koxjenti, kienet mistennija xi ħaġa jew xi ħadd li setà jeħlisha min-niket, mid-deni, mit-taqtigħ il-qalb, mid-disperazzjoni, u li fil-Poplu magħżul kienet sabet fil-profeti, il-kelliema tal-Kelma ta’ Alla, rassikuranti u konsolatriċi, setgħet finalment tħares, imqanqla u mregħda, lejn Marija “Tarbija”, li kienet il-punt ta’ konverġenza u ta’ wasla ta’ ġabra ta’ wegħdiet divini, midwija b’mod misterjuż fil-qalb stess tal-istorja  .

Kienet propju din it-Tarbija, għadha ċkejkna u fraġli, il-“Mara” tal-ewwel xandira tar-Redenzjoni futura, imqiegħda minn Alla kontra s-serpent tentatur: “Jien inqajjem gwerra bejnek u bejn il-mara, bejn nislek u nisilha: dan jisħaqlek rasek u int tgħattanlu għarqubu!” (Ġen 3, 15).

Kienet propju din it-Tarbija l-“Verġni” li “tikkonċepixxi u twelled Iben, li jkun jismu Emmanuel, li jfisser : Alla magħna” (cf. Is 7, 14; Mt 1, 23).

Kienet propju din it-Tarbija l-“Omm” li twelled f’Betlem “lil dak li kellu jkun id-dominatur ta’ Iżrael” (cf. Mt  5, 1s).

Il-Liturġija tallum tapplika lil Marija naxxenti is-silta mill-Ittra lir-Rumani, li fiha Pawlu jiddeskrivi l-pjan ħanin ta’ Alla fil-konfront tal-magħżulin: Marija hija predestinata mit-Trinità għal missjoni tassew għolja; hija msejħa, hija mqaddsa; hija gglorifikata.

Alla ppredestinaha biex tkun b’mod intimu assoċjata fil-ħajja u fl-opra ta’ Ibnu uniġenitu. Għal dan qaddisha, b’mod meraviljuż u singulari, sa minn l-ewwel waqt tal-konċepiment tagħha, waqt li kkostitwiha “mimlija bil-grazzja” (cf. Lq 1, 28); irrendiha kompjaċenti max-xbiha ta Ibnu: kompjaċenza li, nistgħu ngħidu, kienet unika, għaliex Marija kienet l-ewwel u l-iktar dixxiplu perfett tal-Iben.

Il- pjan ta’Alla f’Marija laħaq imbagħad il-quċċata tiegħu f’dik il-glorifikazzjoni, li rrendiet il-ġisem mortali tagħha kompjaċenti mal-ġisem glorjuż ta’ Ġesù rxuxtat; it-tlugħ fis-sema ta’ Marija, bir-ruħ u bil-ġisem, jirrapreżenta bħala l-aħħar stadju tal-ġrajja ta’ din il-Kreatura, li fiha l-Missier ċelesti immanifesta, b’mod eżaltanti l-għaxqa divina tiegħu.

Il-Knisja kollha, għalhekk, ma tistax illum ma tifraħx fiċ-ċelebrazzjoni tat-Twelid ta’ Marija Santissma, li – bħal ma jsostni b’aċċenni mqanqla San Ġwann Damaxxenu – “hija dak il-“bieb verġinali u divin, li minnu u permezz ta’ liema Alla, li huwa ‘l fuq minn kull ħaġa, se jagħmel id-dħul tiegħu fuq l-art b’mod korporali… Illum  dehret fergħa miz-zokk ta’ Ġesse, li minnha se titwieled lid-dinja Fjura magħquda sustanzjalment mad-divinità. Illum, fuq l-art, min-natura terrena, Dak li darba fired il-firmament mill-ilmijiet u għollieh ‘il-fuq, ħalaq sema, u din is-sema hija divinament ferm iktar splendida minn tal-ewwel!” (S. Ġwann Damaxxenu, Omelia sulla Natività di Maria: PG 96,661s).

3. Tħares lejn Marija jfisser naraw lilna stess f’mudell li Alla stess irregalalna għall-elevazzjoni tagħna u għall-qdusija tagħna.

U Marija llum tgħallimna qabel xejn li nżommu bla mimsusa l-fidi tagħna f’Alla, dik il-fidi li kienet irregalata lilna fil-Magħmudija u li għandha tikber u timmatura b’mod kostanti fina fid-diversi tapep tal-ħajja nisranija tagħna. Waqt li jikkummenta l-kliem ta’ San Luqa (Lq 2, 19), san Ambroġ jesprimi ruħu b’dan il-mod: “Ejjew nagħrfu f’kollox il-modestja tal-Verġni mqaddsa, li, bla ħtija fil-ġisem xejn inqas milli fil-kliem, kienet timmedita f’qalbha l-argumenti tal-fidi” (S. Ambroġ, Expos. Evang. sec. Lucam, II, 54: CCL, XIV,p. 4). Aħna wkoll , ħuti għeżież, irridu nimmeditaw b’mod kontinwu f’qalbna “l-argumenti tal-fidi”, irridu jiġifieri nkunu miftuħa u disponibbli għall-Kelma ta’Alla, biex nagħmlu iva li ħajjitna ta’ kuljum – fil-livell personali, familjari, professjonali – tkun dejjem f’sintonija perfetta u f’konsistenza armonjuża mal-messaġġ ta’ Ġesù, mat-tagħlim tal-Knisja, mal-eżempji tal-qaddisin.

Marija, il-Verġni-Omm,  illum tasserixxi lilna lkoll il-valur l-iktar għoli tal-maternità, glorja u ferħ tal-insara, u wkoll dak tal-verginità nisranija, ipprofessata u milqugħa “in vista tas-Saltna tas-Smewwiet” (cf. Mt 19, 12), jiġifieri bħala xhieda, f’din id-dinja fraġli, ta’ dik id-dinja finali, li fiha dawk li jsalvaw se jkunu “bħall-anġli ta’ Alla” (cf. Mt 22, 30).

4.Il-festività tallum tissuġġerilna wkoll spunt ieħor għar-riflessjoni tagħna, marbut ma’ ġrajja ekkleżjali ta’ mportanza partikolari, li  se tinvolvi għal diversi xhur id-dijoċesi ta’ Frascati, Is-sena li ġejja intom se tiċċelebraw b’mod sollenni it-III ċentinarju tal-konsagrazzjoni tal-katidral artistiku tagħkom, jiġifieri tat-Tempju ewlieni, l-iktar importanti tad-dijoċesi.

Imma t-tempju tal-ġebel ifakkarna fit-Tempju viventi, il-veru Tempju tal-Iktar Għoli, bħal ma kienet Marija li kkonċepit f’ġufha verġinali, bl-opra tal-Ispirtu Santu, il-Verb inkarnat. U, skont il-Kelma ta’ Alla, kull nisrani, permezz tal-Magħmudija jsir tempju ta’ Alla (1 Kor 3, 16.17; 6, 19; 2 Kor 6, 16); huwa ġebla ħajja għall-kostruzzjoni ta’ bini spiritwali (cf. 1 Pt 2, 5), għandu jiġifieri, bil-ħajja eżemplari nisranija tiegħu, jikkontribwixxi għat-tkabbir u għall-edifikazzjoni tal-Knisja, Ġisem Mistiku ta’ Kristu, Poplu ta’ Alla, Familja ta’ Alla.

It-III ċentenarju li jmiss tal-konsagrazzjoni tal-Katidral tagħkom għandu jixprunakom u jimpenjakom, għeżież ħuti u wliedi, għal xhieda ta’ ħajja nisranija dejjem iktar konkreta, kostanti, ġeneruża, f’għaqda filjali mar-Rgħajja tagħkom, Il-kliem tiegħi ta’ eżortazzjoni jindirizza, fl-ewwel post, lis-saċerdoti u r-reliġjużi, li għażlu ħajja ta’ donazzjoni u dedikazzjoni sħiħa għall-espansjoni tas-Saltna ta’ Alla. Imma f’din iċ-ċirkustanza nindirizza, b’mod għal kollox speċjali, lil-Lajċi, jiġifieri lill-irġiel, lin-nisa, missirijiet, ommijiet, professjonisti, ħaddiema, żgħażagħ,  tfajliet, studenti, u waqt li niftakar il-kliem li madwar sbatax-il sena ilu indirizza propju lilkom, fidili ta’ Frascati, Pawlu VI, meta tkellem dwar il-maturità tal-kuxjenza tal-lajkat kattoliku fil-konfront tal-apostolat.

Din il-kuxjenza – huwa saħaq – “mhix mogħtja… biss mill-bżonn tat-titwil ta’ dirgħajn is-Saċerdot li ma jilħaqx l-ambjenti kollha u ma jirnexxilux jinkludi l-isforzi kollha. Hija mogħtija minn xi ħaġa iktar profonda u iktar essenzjali, mill-fatt, jiġifieri, li l-lajk ukoll huwa nisrani.

Mill-intern tal-kuxjenza tiegħu twerżaq vuċi: Jekk jiena nisrani, m’għandix inkun element negattiv, passiv u newtrali u jistà jkun avversarju tal-mewġa ta’ spirtu li l-Kristjaneżmu jsawwab fl-erwieħ” (Insegnamenti di Paolo VI, I [1963] 570).

Waqt li nidwi dan il-kliem tal-Predeċessur kbir tiegħi, jien mgħidilkom, fidili ta’ Frascati: Kristu Mexxej għandu bżonnkom, għaliex intom il-membri tiegħu! Il-Knisja għandha bżonnkom, għaliex intom tiffurmawha! Tħallux li tkunu skuraġġiti mid-diffikultajiet linqas, ferm inqas tkunu affaxxinati jew intimiditi minn konċezzjonijiet jew idejoloġiji f’kuntrast mal-messaġġ nisrani! Din hija r-rebħa li għelbet lid-dinja, il-fidi tagħna!” (1 Ġw 5,4), jassikurana Ġwanni l-Evanġelista; din il-fidi tkun dejjem iktar solida, profonda, sinċiera, operuża, dinamika.

O Verġni naxxenti,

Tama u sebħ ta’ salvazzjoni għad-dinja kollha,
dawwar ħanina l-ħarsa materna tiegħek lejna kollha,
hawn miġburin biex niċċelebraw u nxandru l-glorji tiegħek!

O Verġni fidila,

Li kont dejjem pronta u lesta biex tilqà, tikkonserva u timmedita l-Kelma ta’ Alla,
agħmel li aħna wkoll, f’nofs il-grajjiet drammatiċi tal-istorja,
inkunu nafu dejjem inżommu ntatta l-fidi nisranja tagħna,
teżor prezzjuż mgħoddi lilna minn Missirijietna!

O Verġni qawwija,

Li b’riġlejk sħaqt ras is-serp tentatur,
agħmel li nirrejalizzaw, jum wara jum, il-wegħdiet tagħna tal-Magħmudija, li bihom ċħadna lil Satana, l-opri tiegħi u s-seduzzjonijiet tiegħu,
u nkunu nafu nagħtu lid-dinja xhieda ferrieħa tat-tama nisranija.

O Verġni ħanina,

Li dejjem ftaħt qalbek materna għall-invokazzjonijiet tal-umanità kultant mifruda min-nuqqas ta’ mħabba u wkoll, sfortunatament mill-mibegħda u mill-gwerra,  agħmel li nkunu dejjem nafu lkoll nikbru skont it-tagħlim ta’ Ibnek,  fl-għaqda u l-paċi, biex inkunu wlied denji tal-uniku Missier ċelesti.

Amen!#

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading