Omelija ta’ Ġwanni Pawlu II

Print Friendly, PDF & Email

QUDDIESA GĦALL-ISTITUT MISSJUNARJU INTERNAZZJONALI TAL-KATEKEŻI “MATER ECCLESIAE”. Castelgandolfo, 12 ta’ Settembru 1980

Jien kuntent b’mod speċjali li dal-għodu qiegħed niċċelebra l-Quddiesa Mqaddsa magħkom, għeżież Katekisti. Naf li intom maqsumin fi gruppi: hemm fostkom il-mistednin tal-Propaganda Fide, ġejjin minn diversi Pajjiżi tad-dinja; hemm imbagħad il-grupp l-iktar viċin, jiġifieri dak tal-Parroċċa ta’ Castel Gandolfo; u fl-aħħarnett il-grupp tal-Arċidjoċesi ta’ Firenze.

Insellmilkom ilkoll b’imħabba profonda, u wkoll bi tqanqil il-qalb, għaliex ma nistax ma niftakarx il-laqgħa li kelli mal-katekisti waqt il-vjaġġ pastorali tiegħi fl-Afrika, f’Kumasi fil-Għana. Rabta unika ta’ fidi u ta’ mħabba tgħaqqadna ma dawk ħutna mbiegħda, u bħalhom u magħhom, intom tant għeżież għalija.

Maħbubin uliedi, kunu afu li l-Knisja, u b’mod partikolari l-Papa jorbtu ħafna fuqkom. Infatti, intom trapjantati fl-istruttura li ġġorr l-evanġelizzazzjoni, li hija l-fattur ewlieni u fundamentali biex ngħarrfu lil Ġesù Kristu lid-dinja. Smajna lil San Pawl fl-Ewwel Qari, jgħid: “Ħażin għalija jekk ma nippridkax il-Vanġelu” (1Kor 9,16). L-aħbar orali hija l-mezz essenzjali tal-missjoni nisranija, u huwa mill-ġdid l-Appostlu li jfakkarna prinċipju ewlieni tal-kristjaneżmu: “Il-fidi tiddependi fuq is-smigħ” (Rm 10,17). Imma “kif jistgħu jemmnu, mingħajr ma jkunu semgħu min jitkellem? U kif jistgħu jisimgħu min jitkellem, mingħajr xi ħadd li jxandrilhom?” (Rm 10,14).

Minn hawn wieħed jistà jkejjel is-sinifikat u l-importanza kollha ta’ dmirkom. U dan huwa dmir li mingħajru l-Knisja ma tistax tgħaddi, minħabba li dan ma jiġix biss mill-maturità, imma wkoll mill-istess identità nisranija.

Infatti, dan, bħal ma kont ktibt fl-eżortazzjoni apostolika “Catechesi Tradendae”, “jimmira għall-għan doppju li jimmatura l-fidi inizjali u  li jeduka lid-dixxiplu veru ta’ Kristu permezz ta’ għarfien iktar profond u iktar sistematiku tal-persuna u tal-messaġġ ta’ Sidna Ġesù Kristu” (Ġwanni Pawlu II, Catechesi Tradendae, 19).

Jien naf, iżda, li dawn huma ħwejjeġ li intom diġa tafu sewwa, Il-kelma tiegħi, mela, tagħmel inkuraġġiment pattern għal żvolġiment żelanti u intelliġenti tal-attività prezzjożissma tagħkom.

Ikkultivaw l-ewwelnett fikom u għixu dik il-fidi, li tagħha tittrażmettu l-kontenut lill-oħrajn: u jkollkom ukoll dejjem sens radikat u responsabbli ta’ appartenenza ekkleżjali.

Din il-Quddiesa Mqaddsa, li qegħdin niċċelebraw, jalla tkun l-okkażjoni  favorevoli biex nitolbu lill-Mulej il-grazzji tiegħu abbundanti u fertili. Jalla jkun hu li jdawwalkom, li jidderiġikom, li jsostnikom. U jalla jkun ukoll hu li jikkonċedilkom il-premju veru, wegħda lil min ikun ministru fidil tal-Kelma.

Hekk ikun!

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.